Peress li fil-bidu tas-sena 2020 is-sala tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi kienet itteħdet mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex tintuża esklussivament bħala maħżen minħabba l-pandemija tal-COVID-19; u billi l-materjal marbut mal-COVID-19 jista’ faċilment jiġi trasferit f’imħażen jew swali oħra addattati; u billi din is-sala jenħtieġ b’mod urġenti illi terġa’ tibda tintuża mill-istudenti għal skopijiet akkademiċi, u dan fl-interess tal-istess studenti sabiex tiġi assigurata edukazzjoni ħolisika skont il-kurrikulu edukattiv; u billi jridu jsiru l-preparamenti neċċessarji għal dan il-għan mill-amministrazzjoni tal-iskola inkluż xi tiswijiet matul dan is-Sajf li ġej sabiex is-sala tirritorna lura għall-istat originali sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss; jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwiegħed u jiżgura li din l-imsemmija sala se titbattal u tingħata lura lill-iskola sal-aħħar ta’ Ġunju, 2022?
Response (FEARNE, CHRIS)
: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għaddejjin id-diskussjonijiet neċessarji sabiex jinstab maħzen alternattiv.
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jagħmel tinda fil-Park and Ride tal-Marsa sabiex in-nies jistkennu mix-xemx u mix-xita ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti minn fejn il-passiġġiera jistennew il-karrozzi tal-linja fil-faċilità tal-Park and Ride fil-Marsa hemm numru ta’ Bus Shelter Canopies fejn passiġġiera jkunu jistgħu jistkennu mix-xemx u mix-xita.
Occupational Therapy – servizz b’xejn lill-ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li joffri b’xejn is-servizz ta’ Occupational Therapy lill-ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-servizz ta’ Occupational Therapist jiġi mogħti mid-Direttorat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa għall-istudenti li għandhom bżonn it-terapija.
Fil-jiem li ġejjin ser ikun hemm diskussjonijiet mad-Direttorat tal-Occupationl Therapy sabiex tiġi esplorata aktar kollaborazzjoni dwar is-servizzi li jingħata l-istudent.
Fil-preżent qegħdin jiġu wkoll esplorati l-ħidma taż-żewġ OTs li jaqgħu taħt in-National School Support Services (NSSS) fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jammonta n-numru ta’ persuni rreġistrati għal servizzi mogħtija mill-klinika tal-Mtarfa Gender Wellbeing? Hekk kif id-domanda għas-servizzi mill-klinika Gender Wellbeing qed tkompli tiżdied, jikkunsidra l-Ministru li jżid iżjed kliniċi ta’ dan it-tip madwar Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’ issa hemm 120 persuna li ġew irriferuti lill-Gender Wellbeing Clinic. F’dan l-istadju ma hemmx pjan sabiex tinfetaħ klinika oħra li toffri l-istess servizz.
Ħal Qormi – Triq San Ġwakkin – xogħol ta’ asfaltar
Question
Peress li Triq San Ġwakkin Ħal Qormi hija triq li jgħaddu minnha bil-pass ta’ kuljum għexieren ta’ persuni li jaħdmu fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, u peress li minnha jgħaddu mijiet ta’ karozzi sabiex jevitaw it-traffiku, jista’ l-Ministru jagħti prijorità lix-xogħlijiet ta’ asfaltar f’din l-imsemmija triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tikkunsidra li tagħmel xogħol ta’ titjib fit-triq indikata fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jevalwa t-talba ta’ bosta atleti u ċjoè li l-Marsa Race Track tibda tinfetaħ ta’ kuljum fis-6 ta’ filgħodu minflok fis-7 ta’ filgħodu sabiex primarjament l-atleti jkollhom l-opportunità li jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku qabel il-ħin tax-xogħol u fix-xhur sħan jevitaw li jitrenjaw fil-qilla tax-xemx?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif sar f’diversi dixxiplini sportivi, it-tmexxija tal-faċilitajiet sportivi, f’dan il-każ tat-trakka tal-atletika, ingħatat lill-Federazzjoni responsabbli f'dan il-każ il-Malta Amateur Athletics Association.
Talbiet u suġġerimenti tali dejjem għaddew għand l-istess assoċjazzjoni.
Peress li preżentament, hemm periklu imminenti minħabba ħsarat estensivi fuq il-pont li jinsab taħt it-telgħa li tagħti għall-kamra tan-nar ta’ San Sebastjan (Wied il-Kbir, Għar Ħanżira), jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji mill-aktar fis?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta wettqet it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fil-post indikat fil-ġimgħat li għaddew.
Jista’ l-Ministru, mill-aktar fis, jikkunsidra l-installazzjoni ta’ lift fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li l-inkwilini huma anzjani u għandhom problemi serji ta’ mobbilità kemm minħabba raġunijiet ta’ saħħa kif ukoll minħabba l-età tagħhom (għandhom ’il fuq minn 70 sena)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema se jkunu t-toroq f’Ħal Qormi li se jiġu asfaltati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, f’Jannar 2019, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid din is-sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Tajjeb jiġi ċċarat li l-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ asfaltar. Il-bini mill-ġdid ta’ kull triq jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn.
Bħala parti mill-proġett, Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-b¿onn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fil-31 triq li nbdew din il-ġimgħa se jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni.
Peress li l-ispazji miftuħa f’pajjiżna huma limitati, jista’ l-Ministru jesplora l-possibilità li f’Wied il-Kbir f’Ħal Qormi jsir proġett kapitali li jinkludi t-tindif estensiv tal-Wied, il-ħolqien ta’ picnic area, passaġġi u pontijiet aċċessibbli għan-nies, kif ukoll faċilitajiet għad-dilettanti tal-isports tar-rock climbing biex b’hekk ikollna attrazzjoni ġdida f’pajjiżna kif ukoll post ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Limited dejjem lesta li tilqa’ ideat dwar proġetti ġodda. Dawn l-ideat imbagħad jiġu kkunsidrati, analiżżati u evalwati sabiex ikun stabbilit jekk ikunux vijabbli jew le biex jitwettqu.
Peress li preżentament, hemm periklu imminenti minħabba ħsarat estensivi fuq il-pont li jinsab taħt it-telgħa li tagħti għall-kamra tan-nar ta’ San Sebastjan (Wied il-Kbir, Għar Ħanżira), jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji mill-aktar fis?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – ħajt faċċata taċ-Ċimiterju
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7667, jista’ l-Ministru jgħid jekk marx il-perit tal-Ministeru sabiex jagħmel rapport fuq il-ħajt li qed iċedi u għaldaqstant huwa ta’ periklu għan-nies?
Response (BORG, IAN)
Nikkonferma li tqabbad Perit tal-MTIP u sar ir-rapport tad-‘dangerous structures’ li ġie mgħoddi lill-pulizija biex isegwu mas-sidien privati.
Ħal Qormi — Triq Ġuże Maria Camilleri - rampa għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tal-ħaddiema tal-Gvern, joħloq rampa aċċessibbli minn persuni b’diżabilità minn Triq Ġuze Maria Camilleri Ħal Qormi għal ġol-Wied simili bħalma hemm biswit il-grawnd iż-żgħir tal-futbol fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li mhux rakkomandabbli li ssir rampa fil-post indikat ghax din tista’ tostakola l-mixja tal-ilma f’wahda mill-aktar partijiet dojoq tal-korsa tal-ilma.
Ħal Qormi — Ċimiterju - xogħlijiet ta' manutenzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tant bżonjużi ġewwa ċ-Ċimiterju ta’ Ħal Qormi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar rapport minn perit fuq is-sitwazzjoni tal-ħajt taċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi u iddaħħlet applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar. Bħalissa qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex tali xogħol ikun jista’ jsir.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li l-anzjani li jkollhom bżonn trasport mingħand il-Gvern sabiex jattendu għall-appuntament l-isptar jiġu akkumpanjati minn qarib jew minn xi ħadd li jieħu ħsiebhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pazjenti anzjani li jattendu għall-appuntamenti tagħhom fl-Isptar Mater Dei u jużaw it-trasport tal-Gvern dejjem kellhom l-opportunita li jkollhom magħhom qarib jew carer skond il-bżonn tagħhom. Fil-fatt numru ta’ anzjani li jużaw dan is-servizz ikunu akkumpanjati minn persuna li jew tkun qarib jew carer. Bit-titjib li qed ikun ippjanat għal dan is-servizz, dan l-aspett qed ikun assigurat ukoll.
Ħal Qormi — Dipartiment tal-Cleansing - tindif ta' Wied
Question
Wara li d-Dipartiment tal-Cleansing ħa ħsieb li jnaddaf l-iskart li kien hemm fi Triq Ġuże Maria Camilleri f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex jitnaddaf il-Wied li jinsab biswit din l-istess triq hekk kif attwalment fiha għadd ta’ skart goff u ammont sostanzjali ta’ ħaxix?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart li kien hemm fil-parti tal-wied li jinsab biswit Triq Ġuże Maria Camilleri ġewwa Ħal-Qormi tneħħa kollu. Fadal ammont ta’ ħamrija li trid titneħħa bil-makkinarju. Dan il-materjal ser jitneħħa fil-ġranet li ġejjin.
Peress li hemm għadd ta’ persuni inkwetati u f’sitwazzjoni inċerta, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju tinsab l-iskema tal-ħwienet tal-Gvern li għandhom operational agreements mal-original tenants?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema tal-ħwienet għalqet fi Frar 2016 u l-applikazzjonijiet li daħlu qiegħdin jiġu evalwati.