Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi - Xogħlijiet fi blokka

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilhom għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat weqfin? Jista’ wkoll jara li dawn ix-xogħlijiet jitkomplew mill-aktar fis possibbli, sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent ta’ trabijiet fuq ir-residenti li jgħixu f’din l-istess blokka?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi – Masterplans

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jsir masterplan wieħed jew jekk hux qiegħed jikkunsidra masterplans speċifiċi għal diversi żoni f'Ħal Qormi bħalma huma l-Wied ta' Ħal Qormi, ir-roundabout ta' fejn l-Imgħallaq u r-roundabout ta' fejn Pavi/Greens/Lidl?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376.

Ħal Qormi - Flyover - Problema tal-konġestjoni tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34377, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-opzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati biex issir flyover f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi studji u meta se jkun hemm deċiżjoni dwar it-triq 'il quddiem?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji għadhom għaddejjin.

Ħal Qormi - Masterplan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju eżatt jinsab il-proċess tal-masterplan għal-lokalità ta’ Ħal Qormi? Jista’ jagħti skeda ċara dwar meta se jiġi ppreżentat jew ippubblikat dan il-masterplan, fid-dawl li s-sitwazzjoni ta' diversi toroq f'Ħal Qormi, bħal Triq San Bastjan, huma fi stat ħażin u se jkomplu jiddeterjoraw?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34376.

Ħal Qormi - Triq il-Ġdida - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Ġdida f’Ħal Qormi, biex b'hekk jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti Qriema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-x-xogħlijiet fi Triq il-Ġdida f’Ħal Qormi tkomplew illum, 23 ta’ Frar.

Ħal Qormi - Mitħna tar-Riħ - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-mitħna tar-riħ li tinsab f’Ħal Qormi u li hija saħansitra eqdem mill-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq, isirilha r-restawr meħtieġ qabel ma tkompli tiddeterjora?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li din il-mitħna hi devoluta lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Informat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li nkisbu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-għan.

Ħal Qormi - Flyover - Problema tal-konġestjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li ssir flyover f’Ħal Qormi bħalma saru fil-Marsa, fl-Imsida u bnadi oħra, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku li ta’ kuljum tiġi esperjenzata f’Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi affarijiet li qegħdin jiġu ikkunsidrati.

Ħal Qormi - Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-Master Plan għal-lokalità ta’ Ħal Qormi li għalih għamel referenza f’mistoqsija parlamentari preċedenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija waħda mid-diskussjonijiet li qegħdin nagħmlu u li kull masterplan jieħu l-perkors tiegħu.

Malta - Fabbriki - Heavy Fuel Oil

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn fabbriki f'pajjiżna li għadhom jużaw il-Heavy Fuel Oil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-duħħan mill-użu ta’ fjuwil klassifikat bħala żejt kurburanti tqil huwa regolat mill-Att dwar l-Arja Pura (KAP200) u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 200.01 Regolamenti dwar Perjodi Permessi għal Duħħan Sewdieni. L-użu ta’ żjut karburanti tqal, li l-kontenut ta’ kubrit tagħhom jeċċedi l-1% skont il-massa huwa projbit f’Malta. Ninsab infurmata li hemm 15-il kumpanija li jew għandhom awtorizzazzjoni jew applikazzjoni għaddejja għall-ħażna ta’ dan it-tip ta’ fjuwil.

Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi – Blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali – Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern li għadhom mhux mgħammra minn lift fil-lokalitajiet ta' Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri - Sigurtà soċjali mħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31857 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm kienet is-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem u l-impjegati fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Setturi tal-iżvilupp tal-proprjetà, il-kostruzzjoni u l-kiri ta’ proprjetà - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi tqassim annwali dettaljat tad-dħul dirett u indirett kollu li rċieva l-Gvern u l-entitajiet relatati miegħu mis-setturi tal-iżvilupp tal-proprjetà, il-kostruzzjoni u l-kiri ta’ proprjetà, għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, billi jispeċifika: i.            it-taxxa fuq id-dħul u ħlasijiet ta’ taxxa proviżorja ddikjarati minn kumpaniji u individwi li jaħdmu fl-iżvilupp tal-proprjetà, fil-kuntrattar tal-kostruzzjoni, fil-finishing, u fl-attivitajiet ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli; ii.            it-taxxa miġbura fuq il-bejgħ u t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, inkluża t-taxxa finali fuq il-qligħ (final withholding tax), it-taxxa fuq il-qligħ kapitali (capital gains tax), u d-dazju fuq dokumenti u trasferimenti (stamp duty); iii.            id-dħul mit-taxxa fuq il-kiri, kemm fit-tul kif ukoll kirjiet qosra (inklużi kiri residenzjali privati, kiri kummerċjali, u akkomodazzjoni turistika), billi jiġi indikat jekk hemmx rapportar separat bejn individwi u kumpaniji; u iv.            it-taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) miġbura fuq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, servizzi professjonali u tekniċi, kiri ta’ postijiet kummerċjali, u operazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni għal żjarat qosra?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri - Sigurtà soċjali mħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem u l-impjegati fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

BCA u OHSA - Miżati ta’ liċenzjar, reġistrazzjoni u infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru f’miżati ta’ liċenzjar, reġistrazzjoni u infurzar mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), u minn entitajiet relatati oħra għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ippjanar u żvilupp - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul relatat mal-ippjanar u l-iżvilupp, inklużi ħlasijiet ta’ applikazzjoni, permessi ta’ bini, kontribuzzjonijiet ta’ żvilupp, qligħ mill-ippjanar, u miżati ta’ regolarizzazzjoni miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Artijiet u ERA - Kiri ta’ art, konverżjonijiet ta’ enfitewsi jew permessi relatati - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul miġbur mill-Awtorità tal-Artijiet, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u minn aġenziji pubbliċi oħra minn kiri ta’ art, konverżjonijiet ta’ enfitewsi jew permessi relatati għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizzi professjonali marbuta mal-industrija tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul derivat minn servizzi professjonali marbuta mal-industrija tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni, inklużi servizzi ta’ arkitettura, inġinerija, surveying, legali, kontabilità u sensarija għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Ekosistema usa tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul iġġenerat b’mod indirett permezz tal-ekosistema usa tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni, inklużi dazji fuq l-importazzjoni, taxxi doganali jew sisa fuq materjali tal-bini, prodotti tal-finishing, makkinarju tqil, u vetturi użati fis-settur għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.