Jista' l-Ministru jipprovdi dettalji dwar ir-rappreżentenza femminili li hemm fil-Kunsilli Lokali wara l-elezzjoni ta' Mejju 2019? Jista’ jgħid kemm hemm membri eletti fil-Kunsill Lokali li huma nisa, irġiel u t-total ta' membri li huma eliġibbli għal kull lokalità li jiġu eletti fil-kunsill, maqsuma lokalità lokalità għat-68 kunsill lokali? X’inhu t-total ta' kandidati nisa u rġiel li kkandidaw ruħhom imqabbel mat-total ta' kandidati nisa u rġiel li ġew eletti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2019? Jista’ jagħti informazzjoni dwar is-sess, l-età u l-lokalità ta' dawk eletti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15815.
B’referenza għall-fondi Ewropej li minnhom ibbenefikaw il-kunsilli lokali matul dawn l-aħħar erba’ snin, jista’ l-Ministru jgħid liema lokalitajiet ibbenefikaw minn fondi Ewropej biex jitwettqu proġetti li se jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet lokali minn diversi aspetti? Jista’ jgħid x'tip ta' proġetti se jkunu qed isiru u kemm hu l-valur ta' allokazzjoni li se jieħdu? Jista’ jagħti spjegazzjoni tal-progetti kollha li se jibbenefikaw? Jista’ jgħid kemm kienet l-allokazzjoni totali li rċevew dawn il-kunsilli fuq il-proġetti approvati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-proġett li hemm għaddej fil-lokalità tal-Mosta, ċjoè l-proġett li nbeda minn Triq San Pawl tal-Qliegħa, lejn Triq il-Kbira u issa fi Triq il-Kostituzzjoni? X'tip ta' xogħlijiet qegħdin isiru f'dawn it-toroq? X'tip ta' riżultat ser ikun qed jitgawda mir-residenti Mostin? Peress li kull proġett ta' progress dejjem iġib perjodu ta' rigress sakemm jitlestew ix-xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jdum għaddej dan il-proġett biex inkunu nistgħu ngawdu l-frott tiegħu u jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Inerpellant li kif inhu indikat fil-mistoqsija, dan il-proġett maqsum f’numru ta’ fażijiet u nbeda mill-parti ta’ Triq San Pawl tal-Qlejja u Triq il-Kunċizzjoni lejn l-aħħar tas-sena 2019 b’diskussjonijet u qbil mal-kunsill rispettiv u l-awtoritajiet ikkonċernati. Il-proġett sħiħ se jkopri tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku, bini ta’ toroq mill-ġdid, servizzi ġodda, sistema ta’ ġbir ta l-ilma tax-xita, u tisbiħ tal-pjazza u l-madwar. Dan kollu, kumplimentat minn titjib f’diversi rottot arterjali u distributorji li ġa saru jew qed isiru mad-dawra tal-Mosta.
San Pawl il-Baħar – proġett tal-gallarija – xogħol
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-proġett tal-gallarija f'San Pawl il-Baħar u jgħid meta huwa mistenni li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett tal-gallarija ġewwa San Pawl il-Baħar huwa investiment ta’ aktar min nofs miljun ewro li l-MTA qiegħda tagħmel sabiex tinżamm il-wegħda li jibqa’ mantenuti il-proġett oriġinali li kien ġie mwettaq mill-istess Awtorità fl-2011 (bħala parti minn proġett akbar). Dan il-proġett għandu jitlesta sa nofs Lulju 2023.
Jista' l-Ministru jipprovdi dettalji dwar ir-rappreżentenza femminili li hemm fil-Kunsilli Lokali wara l-elezzjoni ta' Mejju 2019? Jista’ jgħid kemm hemm membri eletti fil-Kunsill Lokali li huma nisa, irġiel u t-total ta' membri li huma eliġibbli għal kull lokalità li jiġu eletti fil-kunsill, maqsuma lokalità lokalità għat-68 kunsill lokali? X’inhu t-total ta' kandidati nisa u rġiel li kkandidaw ruħhom imqabbel mat-total ta' kandidati nisa u rġiel li ġew eletti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2019? Jista’ jagħti informazzjoni dwar is-sess, l-età u l-lokalità ta' dawk eletti?
Response (BONNICI, OWEN)
Tlabt lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Knisja Kolleġġjata Marija Bambina tan-Naxxar – proġett ta’ dwal u rinnovar taz-zuntier
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-proġett li kien ġie mħabbar ta' dawl u rinnovar taz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata Marija Bambina tan-Naxxar? Meta huwa mistenni li jingħata bidu għal dan il-proġett biex residenti tan-Naxxar jibdew japprezzaw din il-ħidma?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa qed jiġi mħejji d-dokument tat-tender. Ix-xogħol huwa ppjanat li jibda f’Settembru wara l-festa tal-Vitorja.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-proġett li kien ġie mħabbar għall-Pjazza ta' Buġibba, liema proġett huwa essenzjali għal din iż-żona li tħaddan valur turistiku b'saħħtu u huwa wkoll essenzjali għall-entitajiet kummerċjali u anke għar-residenti biex joffri ambjent aħjar? Meta huwa mistenni li jingħata bidu dan il-proġett?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
San Pawl il-Baħar – proġett propost għat-titjieb tal-infrastruttura tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tipprovdi dettalji dwar il-proġett propost biex itejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar; investiment li huwa essenzjali għal din iż-żona minħabba l-mod kif żdiedet il-popolazzjoni f'din il-lokalità? Kif ser ikun qed jgħin liż-żona dan l-investiment? Kif ser ikun qed isir ix-xogħol f'din il-lokalità biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tagħmel investiment ta’ €6.4 miljun biex ittejjeb sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ f’San il-Pawl il-Baħar u l-inħawi tas-Salina. Dan l-investiment huwa meħtieġ biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni ta’ din iż-żona u għalhekk irridu nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tilqa’ għad-domanda li dejjem tiżdied.
F’dan il-proġett ser tintuża teknoloġija avvanzata magħrufa bħala micro-tunnellling li tippermetti l-kostruzzjoni ta’ gallerija tad-drenaġġ ta’ 1.9km mingħajr l-użu tat-trinek u l-bżonn ta’ ħafna tħaffir. Din il-gallerija ser tiġbor il-parti l-kbira tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove u b’hekk jittaffa l-piż fuq l-infrastruttura eżistenti.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, immirati li jibdew b’mod imminenti, se jkunu maqsuma f’żewġ fażijiet, li flimkien mistennija li jieħdu madwar 50 ġimgħa biex jitwettqu. Ix-xogħol taż-żewġ fażijiet se jsir fl-istess ħin biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti u jitlesta bl-iktar mod effiċjenti.
Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-ħafna li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed taħdem fuqhom fil-futur qrib, b'inizjattivi simili ppjanati għall-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida, u Birżebbuġa.
Sadattant, il-Korporazzjoni bħalissa għaddejja bi proġett separat fi Triq is-Salina biex ittejjeb sostanzjalment in-netwerk ewlieni tad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li jforni eluf ta’ klijenti f’lokalitajiet differenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €3.5 miljun u mmirat li jitlesta sa nofs Ġunju li ġej, huwa meħtieġ biex jissodisfa t-talbiet attwali u futuri tal-ekonomija u l-popolazzjoni li qed tikber ta' dan ir-reġjun, u biex jindirizza t-tħassib dwar pressjoni baxxa tal-ilma.