Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tas-saħħa pubblika – Tqassim ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il unità minn kull tip ta’ borża għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika tqassmet matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Tipi ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka t-tipi kollha ta’ boroż għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika u, għal kull prodott, jagħti l-kodiċi tal-prodott, id-deskrizzjoni, il-marka u l-manifattur? Jista’ jagħti tagħrif dwar it-tip, il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull prodott, inklużi l-varjanti u d-daqsijiet disponibbli? Jista’ jagħti n-numru ta’ pazjenti li bħalissa qed jingħataw kull prodott?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika skont il-faxex tal-età?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont jekk il-pazjent għandux colostomy, ileostomy jew urostomy, skont is-sess, u bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

ESP - Saħħa mentali - Kampanji edukattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’tip ta’ kampanji edukattivi, ta’ informazzjoni u ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali u l-Employee Support Programme (ESP) saru mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li fih qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari u jagħti d-dettalji ta’ kull waħda minnhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li s-suġġetti trattati waqt is-sessjonijiet ta’ għarfien jinkludu: introduzzjoni għas-servizz tal-ESP, l-importanza li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u r-reżiljenza, l-istress u l-għarfien dwar is-saħħa mentali, il-benessri għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ħaddiema involuti fir-rispons għall-emerġenza, il-benessri għall-forzi dixxiplinati, kif ukoll għarfien dwar kif wieħed jista’ jipprepara ruħu emozzjonalment għall-irtirar. L-ESP iffaċilita wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-impjegati pubbliċi b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall-Fondazzjoni Richmond (Mental Health First Aid), Aġenzija Sapport (Għarfien dwar in-Newrodiversità) u Aġenzija Sedqa (Għarfien dwar kif tista’ tgħin lill-impjegati li jkollhom diffikultajiet marbuta mal-abbuż tas-sustanzi; Ir-Realtà tal-Użu tal-Kannabis; Kif Nużaw it-Teknoloġija b’Mod Responsabbli).

ESP - Servizzi oħra ta’ appoġġ jew kura speċjalizzata

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li għamlu użu mill-Employee Support Programme (ESP) ġew riferuti għal servizzi oħra ta’ appoġġ jew kura speċjalizzata mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li meta jinħass il-bżonn , l-ESP tirrakomanda lill-impjegat għal servizzi oħra speċjalizzati.

ESP - Professjonisti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm professjonisti impjegati mal-Employee Support Programme (ESP), maqsuma skont il-professjoni tagħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li hemm Psikologa, 2 Counsellors, 2 Psikoterapisti, 4 Social Workers, Koordinatriċi tal-Bord Mediku (Infermiera) u  Psychology Assistant.

ESP - Impjegati tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tas-Servizz Pubbliku għamlu użu mis-servizzi tal-Employee Support Programme (ESP) mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat kif ġej: 2023 – 430 klijent li ammontaw għal 3196 sessjoni 2024 – 447 klijent li ammontaw għal 4008 sessjoni 2025 – 464 klijent li ammontaw għal 5533 sessjoni 2026 – 351 (sa 23/10/2026) li ammonaw għal 5600 sessjoni (sa 28/10/2026)

ESP - Servizzi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi li joffri l-Employee Support Programme (ESP) u min hu eliġibbli biex jagħmel użu minnu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) jipprovdi sezzjonijiet ta’ sapport psikoloġiku professjonali u kunfidenzjali. Jipprovdi ukoll sapport lid-dipartimenti li jkunu esperjenzaw sitwazzjonijiet kritiċi jew trawmatiċi fuq il-post tax-xogħol. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-ESP jipprovdi kemm sapport lill-individwi u lit-tim wara l-avveniment.  Hemm ukoll is-servizz tal-Bord Mediku, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-P&SD, u li għandu l-mira li jħeġġeġ lill-impjegati tas-servizz pubbliku biex jibqgħu jaħdmu u r-rwol primarju tiegħu huwa li jipprovdi gwida u sapport professjonali lill-impjegati f’termini ta’ saħħa fuq ix-xogħol.  L-impjegati pubbliċi kollha jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. L-ESP Unit torganizza ukoll inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-benessri tal-impjegati u saħħa mentali aħjar. Is-sessjonijiet ta’ għarfien isiru kemm għall-maniġment, kif ukoll għall-impjegati fuq talba tad-dipartiment.

ESP

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf l-Employee Support Programme (ESP) u x’kienu r-raġunijiet ewlenin li wasslu għat-twaqqif ta’ dan is-servizz?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) beda bħala proġett pilota permezz ta’ fondi tal-UE fl-2011 u sar parti mis-Servizz Pubbliku fil-2013. Twaqqaf bl-għan li jipprovdi sapport psikoloġiku u professjonali lill-impjegati pubbliċi li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet fuq ix-xogħol u/jew fil-ħajja tagħhom, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol u l-benessri tagħhom.

Persuni b’diżabilità – Applikazzjonijiet għal parking bay riservat approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal parking bays riservati għal persuni b'diżabilità li ġew approvati iżda li sal-lum għadhom ma ġewx implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li sal-31 t’Ottubru 2026 kien għad hemm erbgħa u tletin (34) parkeġġ riservat għall persuni b’diżabilita’ li huma approvati u qegħdin fil proċess li jkunu implimentati. Tajjeb li nfakkar li wara li applikazzjoni tkun rakkomandata minn Aġenzija Sapport li l-persuna tkun eleġibbli għall parkeġġ personaliżżat, l-Awtorità tkompli bil-proċess permezz ta’ spezzjoni u identifikar tal-post fejn ikun jista’ jsir il-parkeġġ riservat. Wara li jsir dan il-proċess jinħareġ avviż lill kuntrattur sabiex tinżebah l-art u titqiegħed it-tabella fil-post indikat.

Persuni b’diżabilità – Għotjiet ta’ parking bays riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li jiġi segwit wara li tiġi approvata mill-Bord applikazzjoni għall-għoti ta' parking bay riservat lil persuni b'diżabilità, inkluż kif tiġi pproċessata t-talba sal-installazzjoni tal-parkeġġ? Jista’ jgħid ukoll x'inhuma l-perjodi ta' żmien previsti għal kull stadju?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-applikazzjoni tiġi rakkomandata mill-Aġenzija Sapport wara li jsir ezami mediku, uffiċjali tal-Awtorità jagħmlu spezzjoni fuq il-post fil-preżenza tal-applikant sabiex jiġi identifikat l-aktar post adattat. Wara l-approvazzjoni, tinħareġ ordni lill-kuntrattur sabiex issir is-sinjaletika meħtieġa. F’ċirkostanzi normali, ix-xogħol jitlesta fi żmien tliet ġimgħat mill-ħruġ tal-ordni. Dan il-perjodu jista’ jvarja jekk jinqalgħu diffikultajiet biex jinstab post adattat, peress li mhux dejjem ikun possibbli li l-parkeġġ isir quddiem ir-residenza tal-applikant.

Persuni b’diżabilità – Applikazzjonijiet għal parking bay riservat – Proċedura tal-appelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna tappella minn deċiżjoni li biha tiġi miċħuda applikazzjoni għal parking bay riservat għal persuna b'diżabilità, u min jiddeċiedi dawn l-appelli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Buġibba – Triq it-Trunċiera – Speed moderators

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jiġu installati ż-żewġ speed moderators (sleeping policemen) li kienu jinsabu fi Triq it-Trunċiera, waħda fuq kull naħa tal-Pjazza ta’ Buġibba, u li tneħħew sabiex setgħu jitwettqu x-xogħlijiet fl-istess pjazza? Jekk iva, jista’ jgħid meta huwa ppjanat li dawn jerġgħu jiġu installati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Pain Clinic – Injections/interventi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema tip ta' injections u interventi qed jiġu offruti mill-Pain Clinic?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Pain Clinic toffri servizz multidixxiplinari u komprensiv fl-isptar Mater Dei, fiċ-Ċensu Moran Paola Hub, fl-isptar San Vinċenz de Paule u fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għall-uġigħ akut u kroniku, uġigħ tal-kanċer, u kura paljattiva u kura oħra meta l-pazjent ikun wasal fl-aħħar zmien ta' ħajtu. Komponent ewlieni huwa l-immaniġġjar intervenzjonali tal-uġigħ, inkluż firxa wiesgħa ta’ injezzjonijiet iggwidati minn landmark, ultrasound u fluworoskopija bħal injezzjonijiet epidurali, fl-għeruq tan-nervituri, fil-faċċetti u fil-ġogi sakroiljaċi, blokki tan-nervituri periferali u simpatetiċi, injezzjonijiet fil-ġogi/bursali u trigger-point, flimkien ma’ proċeduri ta’ radjufrekwenza u newrolitiċi. Is-servizz jipprovdi wkoll konsultazzjonijiet speċjalizzati, medication optimisation, infużjonijiet ta' ketamine/lignocaine, u neuromodulation avvanzata.

Formularju tal-Gvern – Mediċina Prolia

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Prolia (denosumab) jew il-verżjoni ġenerika tagħha tiddaħħal fil-Formularju tal-Gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li kull mediċina proposta għall-Formularju tal-Gvern tgħaddi minn proċess ta’ evalwazzjoni strutturat. L-introduzzjoni tad-denosumab qed tiġi kkunsidrata f’dan il-qafas, b’segwitu għall-verifiki tekniċi, ekonomiċi u legali kollha meħtieġa.

L-Isptar Mater Dei – Servizz tal-kirurġija tal-fwied – Investiment

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'investiment sar matul dawn l-aħħar snin sabiex fl-Isptar Mater Dei jkun jista' jiġi żviluppat is-servizz tal-kirurġija tal-fwied? Jista' jgħid ukoll x'investiment sar jew hu ppjanat f'apparat, infrastruttura, taħriġ ta' kirurgi u professjonisti oħra tas-saħħa, sabiex aktar operazzjonijiet tal-fwied ikunu jistgħu jsiru f'Malta u jonqos il-bżonn li pazjenti jintbagħtu barra minn pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-aħħar snin, żewġ kirurgi rċievew taħriġ ta’ kwalita’ f'ċentri kbar fir-Renju Unit, l-Italja u l-Irlanda u għall-aħħar 5 snin l-operazzjoniiet tal-fwied (mhux trapjant) kważi kollha qed isiru Malta fl-isptar Mater Dei. Il-kirurgi li ġew ingaġġati qegħdin joffru servizz ta’ kwalita’ kif jixhdu r-riżultati miksuba. Fl-aħħar sena, iż-żewġ kirurgi kienu qed jitħarġu biex ikunu jistgħu iwettqu dawn l-operazzjonijiet permezz tal-aħħar teknologija, jiġifieri permezz tal-użu tar-robotika li toffri iktar preċizjoni waqt l-operazzjoni u b'riżultati superjuri.  Huwa maħsub li fis-sentejn li ġejjin se jkun kemm kirurgu/a li se j/tkun qiegħed j/titħarreġ fil-kirurgija tal-fwied f ċentri barra minn Malta.  Bħala investiment, it-teatri tal-isptar Mater Dei huma attrezzati bl-aħħar infrastruttura neċessarja għal operazzjonijiet tal-fwied.  Inxtrat strumentatura apposta kif ġie rakkomandat mill-kirurgi nnifishom.

Trapjanti tal-fwied

Question

Peress li pazjenti Maltin li jkollhom bżonn trapjant tal-fwied tradizzjonalment jintbagħtu barra minn Malta, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-kapaċità jew il-pjan li dawn it-trapjanti jibdew isiru fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista’ jgħid meta hu mistenni li jibda dan is-servizz u jekk le, x'inhuma l-isfidi ewlenin li minħabba fihom għadu mhux possibbli li jiġi introdott?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-operazzjonijiet tat-trapjant tal-fwied isiru barra minn Malta minħabba l-fatt, li skond linji gwida internazzjonali, biex ċentru jkun jista joffri servizz bħal dan, huwa neċessarju li jagħmel mill-inqas 20 trapjant fis-sena - ir-rakkomandazzjoni hi li jsiru 30 trapjant fis-sena. Bħalissa f’pajjiżna jkun hemm bżonn ta’ bejn 3 u 5 trapjanti tal-fwied fis-sena.

L-Isptar Mater Dei – Operazzjonijiet tal-fwied

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tat-tipi kollha ta' operazzjonijiet tal-fwied li bħalissa qed isiru fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid ukoll liema huma l-aktar operazzjonijiet tal-fwied li jsiru u kemm saru minn kull tip matul kull sena fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena, sal-aktar data riċenti disponibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni miġbura permezz tas- Surgical Operations Register ta’ l-isptar Mater Dei, il-lista t’operazzjonijiet tal-fwied li saru fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena, tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. L-operazzjonijiet huma kategorizzati skond is-sistema ta’ klassifikazjoni ICD 9-CM PCS - International Classification of Diseases, Clinical Modification, Procedures Coding System. Total Number of Procedures ICD-9CM-PCS Descriptive category 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 2023 2024 2025 50.0 Hepatotomy - 1 - 1 - 1 1 1 - - 50.0L Laparoscopic Liver cyst fenestration - - - - - - - 1 1 3 50.11 Closed (percutaneous) (needle) biopsy of liver 109 117 140 172 128 121 117 110 151 155 50.12 Other biopsy of liver - 1 1 - - - - 1 - - 50.14 Laparoscopic liver       biopsy 2 1 - - - - - 2 - - 50.21L Laparoscopic            Marsupialization of    lesion of liver - - - - 1 - - - - - 50.22 Partial hepatectomy 1 1 2 1 2 2 9 6 9 6 50.22L Laparoscopic Liver     Resection - - - - - - - 1 1 2 50.23 Open ablation of liver lesion or tissue - 1 1 - - - - - - - 50.24 Percutaneous ablation of liver lesion or tissue 43 15 16 21 18 25 13 34 35 43 50.25 Laparoscopic ablation of liver lesion or tissue 1 - 1 - - - - - - - 50.29 Other destruction of  lesion of liver 1 3 - - - - - 1 - - 50.29L Laparosopic                destruction of lesion   of liver - - - - - - - - - 1 50.3 Lobectomy of liver - - 1 - - 4 6 8 19 10 50.4 Total hepatectomy   (organ retrieval) - - - 2 - - - - 1 - 50.61 Closure of laceration   of liver - - 2 - - - - - - 1 50.69 Other repair of liver - - - 1 - 2 - 2 1 - 50.91 Percutaneous              aspiration of liver 1 9 8 2 10 11 13 26 36 30

Vincent Moran Regional Hub – Operazzjonijiet u day surgeries

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema operazzjonijiet u day surgeries qed jiġu offruti mill-Vincent Moran Regional Hub f'Paola? Jista' jagħti lista ta' dawn il-proċeduri u jindika jekk hemmx pjan li matul ix-xhur li ġejjin jiżdiedu tipi oħrajn ta' operazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fiċ-Ċentru Reġjonali ta’ Ċensu Moran, Raħal Ġdid, qed jiġu offruti diversi proċeduri kirurġiċi u day surgeries. Fil-qasam tal-Oftalmoloġija, dawn jinkludu: 1.    Operazzjonijiet tal-katarretti (cataracts); 2.    Proċeduri u interventi oftalmiċi minuri oħra li jitwettqu taħt anesteżija lokali. Dawn il-proċeduri qed isiru mit-Tnejn sas-Sibt. Barra minn hekk, il-Hub qed joffri wkoll proċeduri relatati mal-immaniġġjar tal-uġigħ (pain procedures), li fil-maġġoranza tagħhom isiru taħt anesteżija lokali, filwaqt li f’ċirkostanzi partikolari u skont il-ħtiġijiet kliniċi tal-pazjent, xi proċeduri jistgħu jsiru taħt anesteżija ġenerali, skont il-konsulent responsabbli. Matul il-ġimgħat li ġejjin, il-Hub ser ikun qed jibda joffri wkoll operazzjonijiet kirurġiċi minuri taħt anesteżija lokali, bil-għan li jkompli jżid il-kapaċità u d-diversifikazzjoni tas-servizzi offruti. Barra minn hekk, fix-xhur li ġejjin huwa ppjanat li jibdew isiru wkoll proċeduri kirurġiċi relatati mal-endoskopija, hekk kif jitlestew l-arranġamenti kliniċi u operattivi meħtieġa. Il-Ministeru għas-Saħħa u l-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jevalwaw kontinwament il-ħtiġijiet tas-servizz sabiex, fejn ikun possibbli u klinikament xieraq, jiġu introdotti aktar proċeduri u interventi fil-futur, bil-għan li jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura offruta lill-pazjenti.