Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Triq Manwel Dimech - tiswijiet fil-bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi rranġata l-bankina fi Triq Manwel Dimech Ħal Qormi minħabba li din tintuża ħafna min-nies li jgħaddu minn dawn l-inħawi partikolarment dik li tmiss mal-Ġnien De La Cruz li tinstab fi stat ħażin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt it-talba tiegħu lil Transport Malta.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech - traffiku fil-junction tar-roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti tat-traffiku fil-junction tar-roundabout bejn Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech fejn hemm il-pedestrian crossings matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-istatiska tal-Pulizija dwar inċidenti tat-traffiku tinżamm skont it-toroq. Għalhekk l-inċidenti tat-traffiku nvestigati mill-Pulizija u li seħħew fi Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech, Hal Qormi matul dawn l-aħħar ħames snin, kienu s-segwenti:- Sena TRIQ L- IMDINA TRIQ MANWEL DIMECH 2007 44 16 2008 34 17 2009 26 11 2010 31 6 2011 22 9 Total 157 59 Ta’ min iffakkar li inċidenti mingħajr persuni feruti jew ħsarat fi propjeta' pubblika, ma jiġux investigati mill-Pulizija.

Wied is-Sewda Ħal Qormi — xogħlijiet fuq il-bridges

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-bridges li hemm f'Wied is-Sewda Ħal Qormi u l-bridge li hemm fi Triq Correa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur li ngħata l-kuntratt għal dawn ix-xogħlijiet għandu xahrejn żmien mit-22 ta’ Marzu 2012 biex jiffinalizza d-disinji għal-pontijiet imsemmijja.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tad-Djar tar-residenti ta' blokk li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jiġi stallat lift f'dan il-blokk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-sit in kwistjoni, jifforma parti mill-lista ta’ blokki li jmiss biex jinħarġilhom tender għall-istallar ta’ lift fil-partijiet komuni tagħhom.

Ħal Qormi — Ġnien l-Armier - ilment fuq siġra

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li qed tiġrilhom ħsara fil-proprjetà minħabba l-għeruq ta' siġra li hemm biswit il-bitħa tagħhom fi Ġnien l-Armier f'Ħal Qormi? Huwa possibli li tinstab soluzzjoni mid-Dipartiment tal-Agrikoltura biex jekk inhu possibli din is-siġra tkun rilokata f'post ieħor minħabba l-ħsara li qed iħabbtu wiċċhom magħha din il-familja tant li kellhom jibdlu l-madum tad-dar? Jista' jara x'jista' jsir peress li diġà lmentaw mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi dwar din il-problema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà għal dan il-ġnien imsemmi kienet devoluta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari responsabbili mill-Gvern Lokali.

Ħal Farruġ — Triq l-Għastun - tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Għastun l-Ikħal f'Ħal Farruġ li għandha bżonn tinbena peress li qatt ma ngħatat tarmac taqax fir-responsabilità ta' Transport Malta jew tal-kunsill lokali? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-triq tkun irranġata minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi site-plan ta' din it-triq biex Transport Malta tkun tista' tispezzjonaha.

Inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri — vetturi tat-trasport pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32310, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li t-toroq li jinsabu fl-inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri huma wesgħin aktar min-normal u allura m'hemmx problema ta' aċċess għall-vetturi tat-trasport pubbliku? Jista' jara jekk hux possibbli li Transport Malta testendi s-servizz tat-trasport pubbliku f'dawn l-inħawi ukoll minħabba li residenti qed isibuha diffiċli li jimxu sal-pjazza tas-Siġġiewi peress li hemm distanza twila?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li Transport Malta għamlet stħarriġ fl-inħawi imsemmija sabiex tevalwa l-possibbiltà li r-rotta tiġi estiża fl-inħawi tal-Qasam ta’ Djar ta’ Binja Ħesri. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li hemm possibbiltà li r-rotta tgħaddi kemm jista' jkun viċin il-Qasam tad-Djar ta’ Binja Ħesri. Din is-soluzzjoni se tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

MEPA — applikazzjoni withdrawn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew withdrawn minħabba li l-applikanti ma ssottomettewx l-informazzjoni tagħhom u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew riattivati wara deċiżjoni tal-awtorità stess?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Farruġ — rilokazzjoni ta' arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li twaħħal arblu tad-dawl quddiem l-istabbiliment tagħha fiż-żona industrijali ta' Ħal Farruġ u qed joħloq inkonvenjent qawwi għall-vetturi li jiġu jidħlu f'dan il-post biex isewwu l-vetturi tagħhom? Jista' jikkunsidra li dan l-arblu tad-dawl jiġi riallokat ftit metri 'l bogħod?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Farruġ — master plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu li jattwa l-master plan fiż-żona eżistenti ta' Ħal Farruġ fejn diversi kumpaniji investew fuq dan il-pjan fejn illum binjiet antiki li suppost kellhom jitneħħew f'dan il-master plan baqgħu hemm u ma jistgħux jaħdmu tajjeb minħabba problemi ta' parkeġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-master plan qiegħda għand il-MEPA sabiex tiġi approvata.

Awtorità tad-Djar — tiswija fuq apramorta

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tad-Djar tirranġa l-periklu li hemm f'partijiet mill-apramorta ta' Blokk 9 fi Triq il-Ġnien, Ħal Qormi peress li ilha ma tingħata manutenzjoni u partijiet mill-ġebel qegħdin jitmermru u għandhom bżonn jiġu rranġati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-Awtorità tad-Djar qatt ma ġiet innotifikata qabel dwar dawn l-allegati ħsarat. Minkejja dan, l-awtorità ħadet nota tal-interpellanza u se ssir ispezzjoni fil-jiem li ġejjin.

Siġġiewi — Triq San Nikola - stallazzjoni ta' lampa

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra t-talba tar-residenti ta' Triq Nikol Bonello fis-Siġġiewi biex il-Korporazzjoni Enemalta tistalla lampa f'din it-triq minħabba d-dlam li hemm u l-inkonvenjent li jiġi kkawżat lir-residenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li hija r-responsabbiltà tal-kunsill lokali li tistalla bozoz ġodda. Wara, dawn jiġu kkonnetjati mas-sistema tal-elettriku mill-Enemalta. Għaldaqstant ma saret l-ebda talba mill-kunsill lokali għal dan ix-xogħol.

Siġġiewi — servizz tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li s-servizz tat-trasport pubbliku lejn is-Siġġiewi ikun estiż għall-inħawi ta' Binja Hesri u l-Housing Estate li jinsabu hemmhekk minħabba li diversi familji qed ikollhom bogħod ħafna biex jilħqu t-trasport pubbliku f'dan il-lokal? Jista' jikkunsidra li dawn il-familji kienu diġà ressqu numru ta' petizzjonijiet lill-awtoritajiet koncernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba l-wisgħa tat-toroq fl-inħawi msemmija, mhux possibbli li x-xarabanks jiġu mmanuvrati biex jidħlu u joħorġu minn dawn it-toroq u għaldaqstant ma jistax jingħata servizz tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll li qed jiġi mistħarreġ l-eqreb post sa fejn tista tidħol ir-rotta sabiex jiġu modqija aħjar in-nies ta’ dawn l-inħawi.

Awtorità tad-Djar — akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jiċċekja fiex wasal il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li ilu fuq il-waiting list tal-Awtorita tad-Djar sa mill-1993 u qatt ma ngħata akkomodazzjoni alternattiva?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevili Interpellant li mir-records tal-Awtorità tad-Djar ma jirrizultax li l-persuna indikata għandha xi applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tad-Djar u jirriżulta ukoll li qatt ma ġiet sottomessa applikazzjoni għall-ebda servizz tal-Awtorità tad-Djar mill-istess persuna

Siġġiewi — Triq San Ġwann - xogħlijiet weqfin fi sqaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex xogħlijiet li qed isiru mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fi Sqaq Numru 2 Triq San Ġwann is-Siġġiewi ilhom weqfin għal diversi ġranet b'dannu u periklu kontinwu għar-residenti li jgħixu f'dan l-isqaq?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31884.

Ħal Farruġ — Triq l-Għastun - tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Għastun l-Ikħal f'Ħal Farruġ li għandha bżonn tinbena peress li qatt ma ngħatat tarmac taqax fir-responsabilità ta' Transport Malta jew tal-Kunsill Lokali? Jista' jgħid jekk din it-triq hemmx ħsieb li tkun irranġata minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MEPA — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul is-sena li għaddiet 2011? Jista' jgħid kemm-il applikazzjoni kienet approvata u kemm ġew rifjutati mill-bordijiet tal-awtorità?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess awtorità irċeviet 3,914-il applikazzjoni 3,914 għal screening u vvalidat 2,743-il applikazzjoni matul is-sena 2011. L-Awtorità approvat 3,518-il applikazzjoni; 870-il applikazzjoni "First Decision"; waqt li approvat 299 reconsideration ; u rrifjutat 360-il reconsideration .

kwestjoni dwar multi maħruġa fuq vettura

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31445 u jinvestiga l-ilment tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li minħabba li kien marid kellu jitfa' l-vettura fil-garaxx għal dawn l-aħħar snin u konsegwenza t'hekk weħel €2,600 multi extra mal-ħas tal-liċenzja? Jista' jikkonsidra li l-multi jkunu mnaqqsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, kif kien imħabbar fil-budget għal din is-sena, l-multa amministrattiva ta’ €2 kuljum (fir-rigward ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-liċenzji tal-vettura wara 90 ġurnata) m’għadhiex fis-seħħ, u l-ammont tal-multa amministrattiva tbidlet għal €10 fix-xahar. Barra minn hekk, fid-diskors tal-istess budget, il-gvern kien ħabbar li se joħroġ skema fejn persuni li għandhom il-liċenzji tal-vetturi jew ħlasijiet amministrattivi b’lura, ikunu jistgħu jirregolariżżaw ruħhom. Fil-fatt, l-Avviż Legali nru 22 tas-sena 2012 ġie ppublikat. L-iskema titlob li jekk persuna tixtieq li tħalli l-vettura fil-garaxx għandha tħallas nofs l-arretrati tal-liċenzja dovuti u l-ħlas tal-multa amministrattiva jitnaqqas għal €125. Il-ħlas ta’ċitazzjonijiet jew kontijiet pendenti għall-aċċess fil-Belt Valletta (CVA) iridu jinġabru kollha. Infurmat ukoll li fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qegħda tinforma lis-sidien tal-vetturi kollha li għandhom dawn l-arretrati, inkluża l-persuna li d-dettalji tagħha ntbgħatu separatament, sabiex imorru l-uffiċju ta’ Transport Malta u jirregolariżżaw l-pożżizzjoni tagħhom.

Mental Health Training — carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex madwar 30 persuna carer li għamlu kors ta' Mental Health fit-Training Centre bejn Frar u Marzu 2011 b'suċċess kienu mwiegħda xogħol fil-komunità fejn wara li sar l-interview u ġew aċċettati qalulhom li se joffrulhom kuntratt, imma wara rriżulta li ma kien minnu xejn? Jista' jikkonferma għaliex ma daħlux dawn il-persuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Enemalta — refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġet refunds s'issa l-Korporazzjoni Enemalta fuq kontijiet tad-dawl fi djar li għandhom pannelli fotovoltaiċi? Jista' jgħid kemm hemm refunds pendenti fuq l-enerġija ġġenerata minn dawn id-djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.