Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux possibli li applikanti jipproduċu xhieda quddiem il-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bil-għan li jissodaw il-pożizzjoni tagħhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-seduti tal-Kummissjoni jsiru fil-pubbliku u kull membru li jattendi għandu d-dritt li jagħmel sottomissjonijiet skont il-provvedimenti tal-Kap. 504.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35014, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-każijiet quddiem il-Qorti tal-Appell li jinkludu deċiżjonijiet mit-Tribunal tal-Appell jew mill-predeċessur tiegħu il-Planning Appeals Board ġew deċiżi matul dawn l-aħħar sentejn u li ma kkonfermawx id-deċiżjoniji tat-Tribunal? Dawn il-każijiet m'għandhomx jinkludu każijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu ma' applikazzjonijiet ta' żvilupp bħal letters to prosecute eċċ.?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar parti tat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 35014 fejn kien infurmat li "f'erbatax (14) il-appell, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar l-Ippjanar jew it-Tribunal ta' Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġiet annullata u l-proċess intbgħat lura quddiem l-istess Bord jew Tribunal."
Mcast Raħal Ġdid — Childcare Centre - numru ta' ommijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx aktar post fiċ-Childcare Centre li hemm fl-Mcast Raħal Ġdid minħabba li hemm numru ta' ommijiet fl-istaff ta' l-Mcast stess li għadhom qed jistennew li jkunu nklużi t-tfal tagħhom u qed jingħad lilhom li ma jistax isir dan minħabba li m'hemmx staff biżżejjed?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Iċ-‘Childcare Centre’ tal-MCAST għandu l-kapaċita’ li jżomm sa 25 tfal, kull siegħa. Normalment, dan l-ammont ikun biżżejjed biex jilqa’ għad-domanda ta’ staff u studenti li jkunu jixtiequ jużaw dan is-servizz. Madankollu, ftit taż-żmien ilu kien hemm żewġ ‘child care assistants’ li ma baqgħux jaħdmu f’dan iċ-Ċentru, u sakemm jiġu ngaġġati żewġ impjegati oħrajn, inħass il-bżonn li temporanjament jitnaqqas l-ammont ta’ tfal li ċ-Ċentru jista’ jilqa’. Dan sar biex jiġi żgurat li t-tfal jibqgħu jingħataw l-aħjar attenzjoni possibli. Għaddejja ħidma biex l-ingaġġ tal-impjegati jsir malajr kemm jista’ jkun biex dan is-servizz jerġa’ lura għan-normal mill-aktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-water culverts żgħar li hemm fi Triq is-Sebħ kantuniera ma' Triq il-Milied Ħal Qormi dejjem qed ikunu miżdudin bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita qed jispiċċa fid-djar tan-nies? Jista' jara jekk jista' jsir water culvert tul Triq il-Milied (fejn dak ezistenti) u minn fejn Triq il-Masġar (fejn hemm il-ġibjun) biex jilqa' l-ilma tax-xita li jinżel mill-bypass u b'hekk ma jikkawżax ħsara lir-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tal-culverts fit-toroq arterjali u distributorji bħalma hi Triq is-Sebħ hi responsabbilita’ ta’ Transport Malta. L-Awtorita’, minn żmien għal żmien taċċerta li l-culverts f’dawn it-toroq ikunu nodfa. Sadattant, il-manutenzjoni tal-culverts fit-toroq residenzjali hi responsabilita’ tal-Kunsill Lokali.
Rigward it-talba biex isir
water culvert
tul Triq il-Milied u minn fejn Triq il-Masġar, ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jinvestiga x-xogħol tal-junction li qed isir taħt il-bridge ta' Triq is-Sebħ fejn fi Triq il-Masġar, Ħal Qormi, saret bankina wiesgħa ħafna bil-konsegwenza li l-vetturi qed jipparkjaw fuq iż-żewġ naħat u trakkijiet ma jkunux jistgħu jgħaddu biex jitilgħu mill-ġdid fil-bypass?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-wisa’ tal-bankina baqgħet l-istess f’parti sostanzjali ta’ Triq il-Masġar. Il-bankina kellha titwessa ftit mar-roundabout junction ta’ taħt il-pont, għal raġunijiet ta’disinn. L-ipparkjar li qed isir bħalissa fuq in-naħa tal-lemin int u sejjer lejn ir-Rabat huwa illegali, u għaldaqstant vetturi m’għandom l-ebda problema sabiex ikunu jistgħu jgħaddu biex jitilgħu mill-ġdid ġol-bypass tal-Mrieħel.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34338 u jgħid kemm kellha kawżi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-Qorti tal-Appell matul dawn l-aħħar sentejn u kemm minn dawn tilfet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2010 ġew ipprezentati erbatax (14) -il appell kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar, fis-sena 2011 daħlu disgħa u sebgħin (79)-il appell fil-waqt li fis-sena 2012, sa Mejju, daħlu wieħed u tmenin (81) appell.
Mis-sena 2010 sal-lum, il-Qorti ta’ l-Appell fil-Ġurisdizzjoni Superjuri, Inferjuri u Kriminali tagħha tat sitta u tletin (36) sentenza li fiha kien hemm involuta bħala parti l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Minn dawn is-sentenzi, f' wieħed u għoxrin (21) appell ġiet ikkonfermta id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar jew it-Tribunal ta' Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
F' erbatax (14) il-appell id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar jew it-Tribunal ta' Revizjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġiet annullata u l-proċess intbgħat lura quddiem l-istess Bord jew Tribunal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tistax tingħata kura l-Isptar permezz ta' drip kif isir ma' pazjenti oħra minħabba li ma tistax taffordja tixtri dawn il-pilloli kontinwament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pilloli Evista® huma indikati għall-kura u l-prevenzjoni tal-osteoporożi fin-nisa wara l-menopawsa. Dawn il-pilloli mhumiex fil-lista ta’ mediċini b’xejn li jingħataw mill-Gvern u osteoporożi fin-nisa wara l-menopawsa mhijiex waħda mill-kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurta’ Soċjali (emendata 2012) li għalihom tingħata kura b’xejn.
Il-mediċini għall-osteoporożi li jingħataw mill-isptar bid-drip huma ristretti bi protokolli għall-pazjenti li għandhom osteoporożi minħabba li ħadu kura ta’ sterojdi fit-tul għal waħda mill-kundizzjonijiet imniżżlin fl-imsemmija Ħames Skeda tal-liġi.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-kors li qed jingħata lill-istudenti fil-kulleġġ San Injazju tal-BTEC qed jiġu mġiegħla jħallsu madwar €130 biex ikunu jistgħu jagħmluh anke lil dawk il-familji li għandhom il-ġenituri li jinsabu bla xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
M'hemm l-ebda ħlas għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali. Huwa l-assessjar u l-kwalifika tal-BTEC Engineering li qed jingħata lill-istudenti fil-Kulleġġ San Injazju li jiswew €130. L-istudenti kollha li qed jistudjaw il-kors tal-BTEC ngħataw il-possibiltà li jħallsu dan l-ammont fi ħlas ta’ darba jew tul it-3 snin li jkunu qed jistudjaw għal din il-kwalifika. Fil-każ ta’ familji li jkunu fuq is-servizzi soċjali jew ikollhom problemi ta’ ħlas, tintuża l-istess proċedura adottata fl-eżamijiet tas-SEC fejn istudenti minn familji b’diffikultajiet finanzjarji ma jħallsux għall-eżamijiet.
Il-Kulleġġ San Injazju ma rċieva l-ebda komunikazzjoni li hemm studenti milli ntgħażlu għall-kors tal-BTEC li l-ġenituri tagħhom jinsabu bla xogħol.
Id-Dipartiment tal-Eżamijiet għadu ma bagħatx il-formola tal-ħlas għall-kwalifika tal-BTEC lill-ġenituri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew withdrawn minħabba li l-applikanti ma ssottomettewx l-informazzjoni tagħhom u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew riattivati wara deċiżjoni tal-awtorità stess?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed tintalab ma kinitx tinżamm qabel is-sena 2011. Mill-ewwel ta' Jannar 2011 sa nofs Marzu 2012, skont is-sistema tal-informatika, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar itterminat (withdrew) mitejn u disa' applikazzjonijiet (209) wara li l-Perit ma bagħatx l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat li għaxra minnhom (10) ġew rijattivati (reactivated).
Jista' l-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura tal-entrance għaċ-childcare centres fl-iskejjel tal-gvern u għaliex qed jintalab l-income tal-familji li japplikaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-servizz Smartkids Childcare huwa offrut mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi u mhux mill-iskejjel tal-gvern. Dan is-Servizz jingħata lit-tfal bejn it-tlett xhur u tlett snin u l-familji tagħhom. Il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għal dan is-servizz hi permezz ta’ eżami tal-mezzi. Għaldaqstant biex tinħadem din il-kontribuzzjoni hemm bżonn ta’ dokument uffiċjali li juri d-dħul tal-familja.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-promozzjonijiet imwiegħda lill-ħaddiema learning support assistants li għamlu korsijiet apposta fix-xogħol tagħhom matul is-sajf, sal-lum, għadhom ma ħarġux għall-learning supports assistants 2?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li ma saret l-ebda wiegħda ta’ promozzjoni. Ħarġet sejħa għall-LSA II. Applikaw u sar il-proċess ta’ għażla. Ħarġu r-riżultati u meta tasal l-aħħar approvazzjoni għall-impjieg in-numru li hemm bżonn jiddaħħal għax-xogħol.
Tista' l-Ministru tgħid meta l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ beħsieba tniedi l-kors ta' taħriġ għall-call centre agent u jekk hemmx xi data meta dawn se jinbdew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qed tfassal numru ta’ tenders għal kumpaniji li joffru servizzi ta’ taħriġ fuq numru ta’ korsijiet li fosthom jinkludu dak tal-call centre agents. Peress li l-proċess li jinvolvi t-tenders jieħu ż-żmien tiegħu, l-Korporazzjoni qed tantiċipa li dan il-kors ser jibda bejn Awwissu u Settembru ta’ din is-sena.
Tajjeb li ngħidu li permezz tal-Employability Programme, li huwa proġett ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, 120 persuna ġew imħarrġa bħala
call centre agents
. 68% ta’ dawn il-persuni kienu nisa, filwaqt li 32% kienu rġiel. Huwa fl-interess tal-korporazzjoni li tħarreġ aktar nies f’dan il-qasam speċjalment jekk is-suq tax-xogħol juri li hemm id-domanda għal persuni li jaħdmu bħala
call centre agents
.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar wires tat-telefon li hemm imdendlin mal-faċċata tagħha u li suppost kellhom jiġu relokati minn posthom minħabba bini ġdid li nbena peress li ilha tressaq l-ilmenti tagħha għal dawn l-aħħar xhur mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha kawżi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-Qorti tal-Appell matul dawn l-aħħar sentejn u kemm minn dawn tilfet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' dan il-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qed jiġi mġiegħel li jaqla' żewġ pannelli fotovoltaiċi għaliex kien iddeċieda li jħallas għal tnejn żejda minn flusu biex iżid l-ammont ta' enerġija ġġenerata mid-dar tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta qed tinsisti li tneħħilu dawn iż-żewġ pannelli meta huwa ma rċeviex sussidju għalihom u ħallashom minn jeddu sena u nofs ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-linji gwida tal-iskema tal-Grants fuq panelli fotovoltaiċi jitkellmu b’mod espliċitu dwar l-istallazzjoni ta’ pannelli addizzjonali f’ Artiklu 12, Period of Operation. Dan jgħid:
Installation of additional modules or removal of modules, changes to the modules or inverter, or changes in location and/or ownership are considered to be substantial and authorisations may only be granted in exceptional circumstances (example: sale of property, failure of module).
Meta l-konsumatur applika għall-grant dan iddikjara li huwa qara, fehem, u qabel mal-kondizzjonijiet li hemm fil-linji gwida tal-iskema. Għaldaqstant huwa innegabbli li meta il-konsumatur waħħal pannelli addizzjonali dan mar kontra ir-regoli tal-iskema li ssottometta ruħu meta iffirma, kif ukoll kiser ir-regoli li jiggvernaw il-fondi tal-ERDF.
Il-konsumatur mhuwiex eskluż li jkollu pannelli oħra basta li huwa jagħmel sistema separata għall-pannelli addizzjonali., jew inkella kif jiprovdu r-regolamenti wara ħames snin jistgħu jkunu installati pannelli addizzjonali.
Jekk dan il-konsumatur ma jirregolax is-sistemi, dan ikun kiser il-kondizzjonijiet tal-iskema u għalhekk ikollu jirrifondi il-grant li ingħatatlu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq is-Sebħ fl-inħawi ta' Triq il-Kanun Ħal Qormi ma jistax isiru pelican lights simili għal dawk li hemm fil-bypass ta' Birkirkara minħabba li diversi residenti ilhom jilmentaw dwar dan il-bżonn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhux rakkomandabbli li ssir pelican crossing fi Triq is-Sebħ fil-viċinanzi ta' Triq il-Kanun, Ħal Qormi, minħabba li is-central strip mhux wiesgħa biżżejjed sabiex takkommoda pedonali li jistennew, hemm dislivell bejn il-karreġġjati opposti u hemm distanza qasira wisq fejn vetturi jaqilbu min-naħa għall-oħra tal-karreġġjata.
Tista' l-Ministru tinvestiga l-problema tal-istudenta b'diżabilità li d-dettali dwarha qed jingħataw separatament li kellha tieqaf mill-kors tagħha fl-MCAST minħabba li ma ġiex provdut lilha facilitator u għalhekk bdiet taqa' lura u dan minkejja diversi talbiet li l-familja tagħha resqu lid-Dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenta partikolari kienet irreġistrata mal-Inclusive Education Unit (IEU) nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2011. Hija bdiet il-kors MCAST Foundation Certificate in Business – Level 2 nhar it-Tnejn 4 t’Ottubru 2011.
L-istudenta msemmija dejjem ingħatat is-sapport intitulat għaliha waqt l-eżamijiet u dejjem kellha ħin addizzjonali ta’ 25%, skriba u
prompter
.
L-istudenta flimkien ma’ ommha avviċinaw l-IEU nhar l-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2012 fejn ġie diskuss il-progress akkademiku tagħha kif ukoll il-bżonn ta’ sapport minn LSA. Wara din il-laqgħa saru l-arranġamenti min-naħa tal-IEU sabiex tingħata sessjoni addizzjonali u individwali ta’ siegħa fil-Ġimgħa fejn l-LSA kienet se tkun qed tgħinha fis-suġġetti tal-Malti, Ingliż u Matematika. Din l-LSA partikolari kienet assenjata magħha partikolarment minħabba li hija wkoll ikkwalifikata fil-qasam tan-negozju u l-kummerċ u għalhekk kienet se tkun tista’ tgħinha fis-suġġetti vokazzjonali wkoll. Għaldaqstant l-istudenta kien se jkollha l-possibilità li tirċievi sapport mhux biss fil-Ħiliet Bażiċi (i.e. Malti, Ingliż u Matematika) imma wkoll fis-suġġetti Vokazzjonali (i.e.
Business Awareness, General Business, Finance (1), Finance (2), People in Business u Human Resources
). Din is-sessjoni addizzjonali kienet skedata għal kull nhar ta’ Tlieta mis-2:30pm sat-3:30pm eżattament wara li l-istudenta tispiċċa l-lezzjonijiet tal-ġurnata. L-arranġamenti għal din is-sessjoni kienu finalizzati fil-ġimgħa ta’ bejn is-17 u l-20 ta’ Jannar. L-istudenta kienet infurmata mmedjatament. Iżda dan is-sapport ġie rrifjutat minħabba li kif stqarret hi, il-kundizzjoni tagħha ma tippermettilhiex li ssostni l-attenzjoni tagħha sat-3:30pm minkejja l-fatt li kien hemm ġranet oħra fejn kienet tispiċċa l-lezzjonijiet tagħha fl-4.30pm. L-istudenta rriżenjat mill-kors nhar is-27 ta’ Jannar 2012 bil-ħsieb li tiffoka aktar l-istudju tagħha fuq l-O levels.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċekk ingħata s'issa mill-ARMS Ltd fuq kontijiet tad-dawl f'residenzi u stabbilimenti li waħlu l-pannelli fotovoltaiċi fejn l-ammont ta' enerġija prodott qed ikun akbar mill-konsum tad-dar? Jista' jgħid kemm huwa l-ammont ta' ħlasijiet li hemm pendenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-avviż legali 422 ta’ l-2010, ir-regoli li jirrigwardaw il-Feed-in-tariffs iġġenerati minn installazzjonijiet ta’ panelli voltaiċi, ir-refużjonijiet huma skond il-klawżola numru 8.
Din il-klawżola tgħid li sid l-installazjoni tal-pannelli fotovoltaiċi, għandu d-dritt li jitlob sabiex il-bilanċ bejn il-konsum iġġenerat mill-panelli u dak ikkunsmat b’mod normali, jiġi mħallas lura lil l-istess sid permezz ta’ nota ta’ kreditu. Is-sid għandu dritt jitlob għal refużjoni, dejjem jekk jkunu għaddew erba’
billing periods
li jinkludu konsum kemm ta’ l-ilma kif ukoll tad-dawl.
Għaldaqstant, wara li jkunu għaddew, bejn wieħed u ieħor, l-erba’
billing periods
(fejn jidħlu installazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltaiċi, kull
billing period
huwa ta’ sitt xuhur), il-konsumatur/sid l-installazzjoni ta’ l-istess pannelli, jista’ jitlob bil-miktub sabiex jiġi rrifondut lura dak il-kreditu dovut lilu fuq il-konsum iġġenerat, permezz ta’ ċekk jew
transfer
ta’ l-istess bilanċ dovut, għal fuq kont ieħor li jappartjeni lilu.
Minkejja dan kollu, ċertu każijiet straordinarji, jiġu kkunsidrati skond in-natura tal-każ innifsu.