Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni fuq il-waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-anzjana u t-tifla tagħha li d-dettalji dwarhom qed jintbghatu separatament li ilhom fuq il-waiting list tal-Awtorità tad-Djar għal dawn l-aħħar tmien snin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanti in kwestjoni ġiet ipproċessata mall–applikazzjonijiet l-oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikazzjoni ser tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.

Social Security Departiment — area offices

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jingħalqu area offices tas-Social Security Department u liema huma l-lokalitajiet li se jkunu affetwati? Jista' jgħid kemm area offices se jiftħu ġodda fil-gżira Għawdxija?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ebda Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurta’ Soċjali m’hu se jingħalaq. Nikkonferma ukoll li m’hu se jinfetaħ ebda Uffiċċju Distrettwali ġdid ġewwa Għawdex. Inżid ninforma lill-Onor Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali bħalissa qiegħed jestendi s-servizzi tiegħu tal-Customer Care minn numru ta’ Kunsilli Lokali, fosthom il-Gudja, Ħ’Attard, il-Mellieħa, il-Għargħur, Pembroke, San Pawl il-Baħar u kif ukoll ix-Xagħra u l-Għarb Għawdex. Hemm ippjanati Kunsilli Lokali oħra fil-futur.

Ħal Qormi — Triq Valletta - pressa baxxa tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' pressa baxxa tal-ilma li qed taffettwa r-residenzi fin-naħa ta' Fuq Tal-Blat Housing Estate fi Triq Valletta f'Ħal Qormi u li ilha għal din l-aħħar sena tippersisti? Jista' l-Ministru jgħid minn xiex ġejja din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-pressa taż-żona ta’ Ħal Qormi li tintela minn naħa tar-round about ta’ quddiem il-Lowenbrau ġiet ikkontrollata b’apparat apposta biex jonqsu il-ħsarat u nnaqsu il-ħela tal-ilma. Pero, kullimkien f’din il-lokalita’, l-pressa teċċedi dik minima kif stipulata fil-‘customer contract’. Ukoll, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rapport ta’ pressa baxxa fil-lokalita’ inkwistjoni. Napprezzaw jekk niġu nfurmati jekk hemm xi residenza partikolari li għandha xi problemi fil-pressa ħalli ninvestigaw.

ilment dwar il-kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-għaliex l-ilment tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament mal-ARMS Ltd dwar il-meter tad-dawl li n-numru tiegħu fuq il-kont ma jaqbilx mal-meter li hemm imwaħħal fid-dar tiegħu sal-lum għadu ħadd ma mar jiċċekja dwaru minkejja li dan l-anzjan ilu jmur l-uffiċċju ta' l-ARMS Ltd għal dawn l-aħħar xhur?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Refund fuq VAT tat-tieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadhom ma ngħatawx?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35299.

Awtorità tad-Djar — kirjiet tal-akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun l-prezz tal-kirjiet għal dawk il-familji li qed ifittxu akkomodazzjoni alternattiva li se titlob l-Awtorità tad-Djar?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali jibqgħu jħallsu kera b’sussidju sa massimu ta’ 85% fuq il-kera kummerċjali.

MEPA — ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm daħlu ħaddiema ġodda jaħdmu ma’ kull direttorat tal-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (Corporate Services Directorate, Planning Directorate, Environment Directorate, Enforcement Directorate) u l-uffiċċju taċ-chairman wara l-21 ta’ Ġunju 2010.

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.

Ħajt perikoluż mal-Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ilment li tressaq quddiem il-Joint Office aktar minn tliet xhur ilu dwar ħajt perikoluż li hemm bejn proprjetà ta' terzi li tmiss ma' dik tal-Joint Office ma ttieħdu l-ebda passi dwar s'issa jew lanqas ma saret spezzjoni minn naħa tal-uffiċjali inkarigati biex il-persuna li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tkun tista' tagħmel it-tiswijiet meħtieġa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-ilment tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa u hemm il-ħsieb li ssir spezzjoni fuq dan il-ħajt sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Arms Ltd — żbalji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ARMS Ltd qed tagħmel ħafna żbalji fis-sistema tal-kontijiet li jkunu ġew trasferiti fuq persuni fl-istess familji billi qed ineħħu n-numru tar-residenti kollha mill-kontijiet tagħhom bil-konsegwenza li dawn qed jitilfu s-sussidju? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-familji wara li jindunaw b'dawn l-iżbalji minn naħa tal-ARMS Ltd qed jgħidulhom biex japplikaw għall-bdil tan-numru ta' residenti u r-refund jingħatalhom mid-data li jissottomettu din l-applikazzjoni mill-ġdid? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn l-iżbalji simili ma kenux isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

MEPA — appelli mirbuħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ intbagħat lura mill-Qorti tal-Appell lit-Tribunal tal-Appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija minn din il-Qorti fl-aħħar ta' Mejju li kienu jammontaw madwar 22? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irnexxiela tirbaħ fil-Qorti tal-Appell?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-31 ta' Mejju 2012 il-Qorti tal-Appell tat 14-il sentenza, fejn f'żewġ sentenzi minnhom il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal ta' Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, u fit-tnax il-sentenza l-oħra il-Qorti tal-Appell annullat id-deċiżjonijiet rispettivi tat-Tribunal ta' Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn fil-maġġoranza ta' dawn il-każijiet il-Qorti tal-Appell ħasset illi t-Tribunal ma trattax għas-sodisfazzjon tal-Qorti aggravvji imqajjma minn appellanti quddiem l-istess Tribunal.

MEPA — direct actions

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammont ta' direct actions mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li saru s'issa matul din is-sena u f'liema lokalitajiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq Valletta - arblu tal-injam

Question

Jista' l-Ministru jara li l-arblu tad-dawl tal-injam li hemm imwaħħal tempranjament fi Triq Valletta ftit 'il bogħod minn Triq il-Mitħna Ħal Qormi u biswit bini ġdid jitneħħa minn hemm minħabba l-periklu li dan jista' jikkawża?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-arblu tal-injam m’huwiex arblu tal-Enemalta.

Ħal Qormi — Sqaq l-Għadira - triq two way

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra t-talba tar-residenti ta' Sqaq l-Għadira f'Ħal Qormi biex dan isir two way għar-residenti biss peress li hemm numru ta' garaxxijiet f'din it-triq u d-direzzjoni tat-traffiku toħloqilhom problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-talba diġà ġiet ikkunsidrata minn Transport Malta u mhux rakkmandat li tali talba tiġi milqugħa minħabba d-diffikultajiet u l-periklu li jinħoloq għax-xufiera li jkunu f'dik il-parti ta' dan l-isqaq li jinfed miż-żewġ naħat.

rotta 63

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex ir-Rotta numru 63 tal-Arriva ma ġietx fil-ħin tagħha nhar it-Tlieta 29 ta' Mejju 2012 bil-konsegwenza li diversi persuni waslu tard għax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li minn investigazzjoni li saret minn Transport Malta rriżulta li l-vjaġġ li kellu jseħħ fis-7.00 ta’ filgħodu ħareġ siegħa tard. Ir-raġuni li ngħatat mill-operatur kienet li x-xarabank inqabdet ġot-traffiku, bil-konsegwenza li l-passiġġieri tħallew jistennew għal perjodu ta’ siegħa. Infurmat ukoll li dan mhux aċċettabli għal Transport Malta u li l-kuntratt iffirmat mal-operatur jistipula li l-operatur għandu d-dmir li joħroġ xarabanks extra sabiex iżomm il-ħin massimu ta’ stennija stipulat fuq kull rotta. Għaldaqstant, Transport Malta se tkun qed tieħu il-provedimenti meħtieġa skont kif stipulat fil-kuntratt.

Refund fuq VAT tat-tieġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34542 u jgħid għaliex ir-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadhom ma ngħatawx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li r-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna msemmija qiegħed jiġi pproċessat sabiex jinħareġ il-pagament dovut skont l-Att Legali 585/2001.

Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta l-kompetenza tat-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se jiġi assorbita taħt il-Kap 490 Administrative Justice Act kif hemm provdut fl-ewwel skeda annessa ma' dan l-imsemmi att?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nitlob lill-Onor Interpellant jiffeferi din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, għax hu l-ministru kompetenti taħt l-Administrative Justice Act, Kapitolu 490 tal-Liġijiet ta' Malta.

Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk it-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hux attwalment tenut li jaderixxi mal-prinċipji ta' imġieba amministrattiva elenkata f'Kap 490 Administrative Justice Act?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nikkonferma li t-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hu tenut li jaderixxi mal-prinċipji tal-imġieba amministrattiva elenkat f'Kap 490 Administrative Justice Act.

Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — prinċipji ta' ġustizzja naturali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, in vista tal-fatt li din hi ppubblikata taderixxi mal-prinċipji tal-ġustizzja naturali, hix tenuta li tiddisponi minn kull punt imqajjem bħala argument u li tagħti risposta speċifika għal kull sottomissjoni li kieku kellha tkun aċċettata tkun deċiżiva għar-riżultat tal-applikazzjoni?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri li trid taddotta l-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, kif ukoll il-Bord tal-Awtorità, huma regolati kemm mill-Liġi speċifika kif ukoll minn prinċipji legali ġeneriċi. Il-Kummissjoni hija obbligata, meta hija ma tilqax ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorati, li tagħti raġunijiet imsejjsa fuq prinċipji tekniċi sabiex tissostanzja d-deċiżjoni tagħha.

Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk applikanti għandhomx id-dritt jitolbu li jsir aċċess lill-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel tittieħed deċiżjoni?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanti għandhom kull dritt li jitolbu aċċess mill-Kummissjoni, iżda il-Kummissjoni għandha id-dritt li tiddeċiedi hi jekk tali talba għandiex tintlaqa jew le.