Legislature:
Category:
Reset
Active:

DES — għalliema li rriżenjaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw għalliema fl-aħħar erba' xhur mid-DES? Liema suġġett kienu jgħallmu u kemm kien ilhom fis-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tindika kemm irreżenjaw għalliema fl-aħħar erba’ xhur mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u liema suġġetti kienu jgħallmu dawn l-għalliema. F’dawn l-aħħar erba’ xhur 15-il għalliem irriżenja minn mad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi. 4 - marru jgħallmu f’iskejjel oħra 2 - marru jaħdmu barra minn Malta 1 - sab xogħol ieħor 1 - sab it-tagħlim difiċli (kien supply) 7 - raġunijiet oħra

kwestjoni dwar persuna li trid tattendi r-resource centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif din il-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi fir-resource centre tal-Wardija ma tħallitx tattendi f'din l-iskola kif tagħmel kull sena fl-ewwel ġurnata skolastika fejn il-ġenituri ma kenux infurmati li kien se jkun hemm xi tibdil? Tista' tagħti raġuni għalfejn din il-familja sofriet dan l-atteġjament min-naħa tal-amministrazzjoni tal-iskola fejn diversi tfal oħra li kienu notifikati li mhux se jiġu aċċettati ntlaqgħu mill-ġdid wara diversi protesti mill-ġenituri? Tista' tgħid f'liema skola speċjali din il-persuna se tibda tattendi din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li kien jattendi fir-resource centre tal-Wardija spiċċa minn dan iċ-ċentru minħabba l-età tiegħu. Għaldaqstant din il-persuna ġiet irreferuta lill-Aġenzija Sapport u se jibda jattendi f’wieħed mic-Ċentri ta’ Matul il-Jum.

Dipartiment għas-Servizzi Soċjali — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga d-dewmien fil-ħlas tal-għajnuna soċjali lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba li qed jingħaq li ntielef il-file tiegħu u qed jieħu somom inqas ta' flus milli huma dovuti lilu? Jista' jinvestiga għaliex dan l-individwu għad għandu arretrati mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali li jmorru lura kważi sena?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Enemalta — wires imwaħlin ma' faċċata ta' dar

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, li għandha dawn il-wires tad-dawl tal-Korporazzjoni Enemalta li qed jikkawżawlha ħsara mal-faċċata tad-dar filwaqt li wieħed mill-arbli qed jisparkja ta' sikwit u qed ikun ta' periklu għan-nies li jgħaddu mill-inħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lil Onorevoli Interpellant li r-risposta se tinghata f'seduta ohra.

Bachelor of Education in Early Childhood Education and Care — kors part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-kors Bachelor of Eduction (Honours) In Early Childhood Education and Care m'għadux jiġi offrut fuq bażi part-time għall-istudenti fl-Università?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors li jwassal għal grad ta’ B.Ed.(Hons.) fil-qasam tat-tfulija bikrija (Early childhood education & care) infetaħ fl-2009, fl-2010 u fl-2011 dejjem bħala evening course li jtul għal ħames snin. L-għan għal dan kien li jintlaħqu nies li diġà kienu bdew u bnew/qed jibnu karriera f’dan il-qasam imma riedu jtejbu l-grad tagħhom fid-dawl tal-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT (2007) li minn 2015 ’l quddiem, nies li jaħdmu f’dan il-qasam u għandhom grad universitarju fil-qasam, jitqiesu bħala għalliema kwalifikati. Fil- cohorts ta’ tliet snin, in-numru ta’ nies li qed japplikaw u jidħlu għall-kors li huma diġà impjegati fil-qasam dejjem naqas. Rajna ukoll żieda ta’ numru ta’ studenti li qed ifittxu bidla fil-karriera tagħhom. Għalhekk, din is-sena, il-Fakultà mhux se toffri l- evening course fuq bażi part-time biex (a) tirrevedi l-kors u tagħmel reviżjonijiet meħtieġa (b) issir diskussjoni dwar il-possibilità li dan il-kors jibda jsir full-time biex b’hekk jibdew jitħarrġu studenti żgħażagħ f’dan il-qasam. Minkejja l-fatt li din is-sena l-Università mhix ser toffri dan il-kors fuq bażi part-time , mhix teskludi l-possibilità li dan jiġi offrut minn żmien għal żmien fil-futur.

Ħal Qormi — Triq Luqa - leakages

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-leakage ta' ilma fi Triq Luqa, Ħal Qormi (quddiem il-binja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) li ilu ħiereġ għal aktar minn ġimagħtejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma investigat u rriżulta li l-ilma kien ħiereġ minn residenza privata. Sar kuntatt mas-sid u min-naħa tiegħu ħa l-passi neċessarji biex iwaqqaf dan l-ilma.

Siġġiewi — xogħol ta' embellishment f'Tal-Provvidenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol ta' embellishment li qed isir f'Tal-Provvidenza s-Siġġiewi (u li r-ritratti dwar dan qed jingħataw separatament), il-livell tal-art se tiġi mgħollija fil-livell taz-zuntier tal-kappella bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita se jispiċċa jxaqleb fuq iz-zuntier tal-kappella?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi mhux qiegħed isir minn dan il-Ministeru u għaldaqstant nistiednu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura.

Sistema tad-drenaġġ misduda

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' din il-familja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li ghandha s-sistema tad-drenaġġ tal-gvern misduda (mill-bankina għal mat-triq) bil-konsegwenza li qed jikkawża inkonvenjent fid-dar tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm is-sadd kien fil-house connection tal-konsumatur jiġifieri bejn il-bankina u s-sewer main tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni għenet lill-konsumatur biex ineħħi dan is-sadd u jsolvi l-problema.

Triq Diċembru 13 — mafkar ta' Jum ir-Repubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-mafkar ta' Jum ir-Repubblika li kien jinsab fi Triq Diċembru 13? Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat jinsab dan il-mafkar bħalissa u għaliex inqala' minn postu mingħajr method statement professjonali u mingħajr indikazzjoni x'se jsir minnu kif jitolbu r-regolamenti u s-sens komun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba x-xogħlijiet tal-bini ta’ underpass fi Triq Diċembru 13 u minħabba li dawn jinkludu wkoll il-bini mill-ġdid tat-triq, il-monument ta’ Jum ir-Repubblika kellu jinqala’ biċċa biċċa mingħajr ma ssirlu ħsara u jitpoġġa temporanjament ġo store. Qabel jitlesta l-proġett, dan il-monument se jerġa’ jitpoġġa fi Triq Diċembru 13 f’post identifikat mill-bidu fid-disinn. Fil-proċess huwa maħsub li dan il-monument jitnaddaf u jiġi rrestawrat. Biex sar dan ix-xogħol, Transport Malta kienet inkarigat Perit li jaħdem fir-restawr biex jikteb method statement ta’ kif għandu jsir ix-xogħol, li ġie ppublikat mat- tender tax-xogħlijiet bħala linji gwida. Qabel ma beda x-xogħol fuq il-monument, il-kuntrattur ippreżenta method statement miktub minn Perit li jaħdem fir-restawr biex jispjega kif se jsir ix-xogħol.

Enemalta — wires tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-problema ta’ din il-familja li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament li għandhom wires tad-dawl għaddejjin minn mal-bieb tal-gallarija tagħhom b’inkonvenjent u periklu għalihom u minkejja li l-uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta kienu anke marru fuq il-post sal-lum dawn ma tneħħewx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li saret spezzjoni fuq is-sit imsemmi, ġie kkonfermat li għalkemm saru xi tibdiliet fil-livelli tal-bini l-ebda applikazzjoni ma kienet sottomessa lill-Korporazzjoni Enemalta biex jiġu mressqin il-linji.

Ħal Farruġ — rilokazzjoni ta' arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li twaħħal arblu tad-dawl quddiem l-istabbiliment tagħha fiż-żona industrijali ta' Ħal Farruġ u qed joħloq inkonvenjent qawwi għall-vetturi li jiġu jidħlu f'dan il-post biex isewwu l-vetturi tagħhom? Jista' jikkonsidra li dan l-arblu tad-dawl jiġi riallokat ftit metri 'l bogħod?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Malta Industrial Parks konxji tal-ilment imsemmi u għamlet investigazzjonijiet dwar il-każ ma min għamel l-ilment kif ukoll ma l-Enemalta. Sadanittant ġie mogħti tender li bħala parti mix-xogħlijiet tiegħu ser jirriloka dan l-arblu tad-dawl.

Arms Ltd — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kumpanija ARMS Ltd qed tagħmilha impossibli għall-konsumaturi li jkunu wirtu djar mingħand il-ġenituri tagħhom biex idawru l-kontijiet tad-dawl fuqhom meta jkollhom dritt testamentat għal użufrutt tad-dar? Jista' jgħid għaliex titlob il-kunsens tal-werrieta l-oħra saħansitra dawk li jkunu jgħixu barra mill-pajjiż u b'konsegwenza t'hekk ma jkunux jistgħu idawru l-meter mill-ewwel? Ma jaħsibx li dan hu red tape bla bżonn u qed jikkawża ħafna problemi għall-konsumaturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ARMS Ltd titlob li sabiex jinqalbu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma f’każ ta’ wirt, jiġi ppreżentat it-testment bħala prova ta’ appartenenza tal-fond ikkonċernat. Fl-eventwalità li jkun hemm iktar minn eredi wieħed, ikun meħtieg il-kunsens tagħhom kollha, dan sabiex jiġu evitati problemi legali futuri fl-eventwalità ta’ xi kontestazzjoni minn xi wieħed jew aktar mill-werrieta. L-istess japplika fil-każ li eredi jkun użufruttwarju, kemm-il darba il-konsumatur ma jipprovdix prova illi l-fond ikun fil-pussess tiegħu, fejn ġeneralment, il-prova msemmija, tkun il- causa mortis .

Arms Ltd — żbalji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ARMS Ltd qed tagħmel ħafna żbalji fis-sistema tal-kontijiet li jkunu ġew trasferiti fuq persuni fl-istess familji billi qed ineħħu n-numru tar-residenti kollha mill-kontijiet tagħhom bil-konsegwenza li dawn qed jitilfu s-sussidju? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-familji wara li jindunaw b'dawn l-iżbalji minn naħa tal-ARMS Ltd qed jgħidulhom biex japplikaw għall-bdil tan-numru ta' residenti u r-refund jingħatalhom mid-data li jissottomettu din l-applikazzjoni mill-ġdid? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn l-iżbalji simili ma kenux isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li f’eventwalita’ ta’ kont, il-persuni konċernati huma obbligati jirreġistraw ruħhom permezz ta’ formola apposta. Permezz ta’ din il-formola, il-persuni konċernati kienu mitluba jimlew id-dettalji tal-persuni li ser joqogħdu fil-fond msemmi. L-ARMS timxi skont dak li jintela fil-formola.

irċevuti tal-VAT — lotterija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma, jew le, li l-irċevuti tal-VAT kollha huma eliġibli biex jieħdu sehem fil-lotterija ta' dawn l-istess irċevuti li titla' kull xahar? Jekk le, għaliex issa wara dawn is-snin kollha, rappreżentant tad-Dipartiment tal-VAT spjega (fuq Radio RTK) li mhux l-irċevuti kollha huma eliġibli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kemm id-darba jkunu riċevuti fiskali maħruġa skont il-liġi tal-VAT dawn ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-lotterija tal-VAT. Ninsab infurmat ukoll li rappreżentant tad-dipartiment spjega li riċevuti fiskali jkunu eliġibbli, kemm il-darba jittellgħu, u jkunu validi skont il-provvidimenti tal-liġi tal-VAT.

kont tad-dawl u l-ilma — ilment

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-kont li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ammont eċċessiv li nħareġ dan l-aħħar peress li din il-familja qed tilmenta li qatt ma ġie kont daqshekk għoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijent.

ilment dwar spaction tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, minħabba spaction tad-drenaġġ li hemm fit-tarf tat-triq li minnhu qed jitilgħu ħafna ġrieden minnu u qed jikkawża periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' dan l-ispaction jiġi rranġat?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezjoni li saret fuq il-post imsemmi jirriżulta li hemm manhole bil-kaptelli f’kundizjoni ħażina. Din ġiet rranġata.

Raħal Ġdid — Vjal it-28 ta' April - ħofor fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-istat ta' Vjal it-28 ta' April f'Raħal Ġdid peress li hemm numru ta' ħofor viċin ir-roundabout tal-Fgura li qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Vjal it-28 ta' April ma' taqax taħt ir-responsabbilta' ta' Transport Malta.

applikazzjoni għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tistenna l-approvazzjoni min-naħa ta' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni diġa' ġiet approvata.

Kindergarten Assistants — taħriġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex kindergarten assistants 2 jingħataw taħriġ biex isiru ekwivalenti għal min se jidħol b'livell ta' degree fit-2015?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta offriet part-time kors għal dawk kollha eliġibbli li jixtiequ jagħmlu kors fil-livell ta’ Bachelors fl-Edukazzjoni Bikrija. Dawk il-Kindergarten Assistants li kienu interessati li jilħqu għalliema setgħu japplikaw għal dan il-kors.

Ħal Qormi — Triq l-Erba' Qaddisin - leakage ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-leakage tal-ilma fi Triq l-Erba' Qaddisin Ħal Qormi ilu iktar minn madwar ġimagħtejn biex jiġi msewwi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u sal-lum għad hemm l-ilma ħiereġ fit-triq?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma rċeviet żewġ rapporti fuq dan il-leak, wieħed fis-27 ta’ Ġunju u ieħor fit-28 ta’ Ġunju. Il-leak issewwa fl-1 ta’ Lulju.