Jista' l-Ministru jgħid kif se jaħdem is-servizz ġdid ta' manutenzjoni fid-djar tal-Gvern? Jista' jgħid liema dipartiment se jibda jerfa' r-responsabbiltà tal-ħsarat u l-periklu li jeżisti fid-djar tal-Gvern li qabel kienu taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbilità dejjem kienet taqa’ taħt l-Awtorità tad-Djar u hekk ser jibqa jsir. L-inkwilini ridu japplikaw għal-għajnuna taħt id-diversi skemi li qed tħaddan l-Awtorità u wara li jsir il-means testing, tingħata l-għajnuna skont is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-inkwilini.
Dipartiment tal-Manutenzjoni — ħaddiema trasferiti
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema dipartimenti kienu trasferiti l-ħaddiema eżistenti tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni? Għaliex dawn ma nżammux ma' l-Awtorità tad-Djar meta dawn kellhom esperjenza kbira u jafu l-postijiet u l-problemi tal-appartamenti f'diversi areas?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-trasferiment tal-ħaddiema ma sarx minn dan il-ministeru u għalhekk din l-informazzjoni trid tingħata mill-ministeru konċernat.
Informat ukoll li l-Awtorità tad-Djar ħasset il ħtiega li jsir din ir-riorganizzazzjoni peress li x-xogħol involut kien qed ikun “
outsourced
” u għalhekk ħasset li hemm biżżejjed impjegati li għandhom l-esperjenza meħtieġa biex ikomplu jsir dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet taħt l-Shared Ownership Scheme s'issa u kemm minnhom kienu aċċettati mill-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid kemm-il ftehim minn dawn daħal fis-seħħ s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi taħt it-tlett ħarġiet ta’ l-iskema Shared Ownership, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 1954 applikazzjoni. Minnhom 1,765 kienu aċċettati bħala validi u 795 saritilhom allokazzjoni. Minn dawn is-795 allokazzjoni, s’issa 291 applikant ikkonkludew il-proċess mal-bank u ġew ffirmati l-konvenji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti aċċettati għall-Shared Ownership Scheme li ffirmaw il-konvenju sat-8 ta' Marzu, 2009?
Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikanti ffirmaw il-kuntratt finali sat-8 ta' Marzu, 2009?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sat-8 ta’ Marzu 2009 taħt it-tlett ħarġiet tax-Shared Ownership ġew iffirmati 289 konvenji u 288 kuntratti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkun il-pakkett finanzjarju jew salarju tal-ħatra tal-Membri tal-Bord tad-DCC (Development Control Commission) bis-sejħa pubblika li saret dan l-aħħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pakkett finanzjarju tal-Membri tal-Bord tad-DCC għadu ma ġiex determinat.
Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn il-ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġewwa Hexagon House għadhom qed ikunu suġġetti għall-irwejjaħ kontinwament? X'tip ta' moniteraġġ qegħda tagħmel l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-madwar u ġewwa Hexagon House? X'kienu r-riżultati uffiċjali li nġabru s'issa?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6598, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar għadha m'għamlet xejn dwar din il-problema li qed tikkawża ħsarat fil-proprjetà tar-residenti minħabba negliġenza min-naħa tal-Awtorità tad-Djar? Jista' jinvestiga l-ħsara li reġgħet saret fil-proprjetà ta' dawn ir-residenti għat-tielet darba konsekuttiva f'dawn l-aħħar snin minkejja li kien imwiegħed mill-Awtorita' li se tiġi solvuta din il-problema?
Response (DALLI, JOHN)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni mitluba, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkun il-pakkett finanzjarju jew salarju tal-ħatra tal-Membri tal-Bord tad-DCC (Development Control Commission) bis-sejħa pubblika li saret dan l-aħħar?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Artijiet żgombra l-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament meta l-inkwilina tinsab għall-kura barra minn Malta wara li qed tikrupra minn inċident u beħsiebha tirritorna lura Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-fond li d-dettaliji dwaru qed jintbagħtu separatament, imur lura għall-2006 fejn l-inkwilina ntalbet tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fil-fond li kien mikri lilha peress li daħal ħafna ilma mill-fond tagħha għal fond li jinsab taħt ir-residenza tal-inkwilina.
Peress li minkejja diversi talbiet, t-tiswijiet mitluba baqgħu ma sarux, u peress lis-soqfa tal-fond ta’ taħt kienu fi stat perikuluż, il-Kummissarju tal-Art ma kellux għażla oħra ħlief li jieħu pussess ta’ dan il-fond skont il-liġi.
Ħal Qormi — Triq Nikol Baldacchino - qtugħ ta' dawl
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex fi Triq Nikol Baldacchino f'Ħal Qormi kien hemm qtugħ tad-dawl tat-triq u r-residenti ilhom iktar minn ġimgħa jirrapportaw din il-ħsara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Familji mis-Siġġiewi — kumpens finanzjarju minħabba power surge
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9800, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta sal-lum għadha ma tatx il-kumpens finanzjarju lill-familji fis-Siġġiewi li sofrew ħsarat fl-apparat domestiku tagħhom minħabba power surge li seħħ fl-inħawi? Jista' jgħid meta dawn il-ħlasijiet se jingħataw?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed jikkawża l-irwejjaħ ta' drenaġġ persistenti fi Triq l-Imdina, f'Ħal Qormi faċċata tal-Klabb tal-Boċċi ta' San Bastjan fejn minkejja li dan l-aħħar id-Dipartiment għamel xi tiswijiet fl-inħawi jidher li din il-problema għadha ma ssolvietx?
Jista' jara li dawn l-irwejjaħ jitneħħew minħabba l-inkonvenjent li qed ibatu minnu r-residenti ta' din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li meta l-WSC investigat, sabet li kien hemm sadda fis-sistema nterna tad-drenaġġ taż-żewġ clubs tal-boċċi, kawżata minn tfieħ ta' xaħam u żjut mill-istess clubs. Il-Korporazzjoni naddfet din l-istess sistema u qalet lis-sidien/kerrejja taż-żewġ clubs biex japplikaw għal discharge permit u jinstallaw grease trap.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, irċeviet żieda fil-kera tal-appartament tagħha ta' aktar minn €48 fis-sena meta ma kenitx infurmata mill-Awtorità tad-Djar b'din iż-żieda jew ir-reviżjoni li saret?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna din is-sena kellha r-reviżjoni tal-kera tagħha li issir kull sentejn. Din il-perusna intalbet tissottometti dokument tad-dħul tagħha u wara li l-Awtorità tad-Djar irċeviet id-dokumenti neċessarji rriżulta li fuq id-dħul tal-persuna in kwestjoni hi tingħata sussidju ta’ 70 fil-mija fuq il-kera. Il-persuna kkonċernata ġiet mgħarrfa b’ittra fit-28 ta’ Mejju 2009 fejn infurmajniha li kellha tibdil fl-ammont tal-ħlas tal-kera.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li hemm ordni ta' żgumbrament min-naħa tal-Awtorità tad-Djar u dawn m'għandhomx post fejn imorru jgħixu?
Jista' jgħid fiex wasal il-każ ta' din il-familja li ilha titlob akkomodazzjoni alternattiva sa mill-1990?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qegħda ssir referenza għaliha kienet tgħix ma' ommha (sharing) ġewwa post l-iMsida. Dan il-post jagħmel parti mill-proġett ta’ Slum Clearance ġewwa l-Imsida. Omm il-persuna indikata kienet il-kerreja konoxxuta tal-fond u għalhekk ingħatat post ġdid ġewwa l-Imsida stess, skond il-Policy ta’ l-Awtorità tad-Djar. Il-persuna indikata ma kenetx intitolata għall-post peress li hija ma kenetx il-kerrejja konoxxuta għalhekk intalbet toħroġ mill-istess fond ġewwa l-iMsida u tirritorna ċ-ċwievet ta’ dan il-post lill-Awtorità tad-Djar. Hija ħarġet volontarjament minn dan il-post u marret tgħix ma’ oħtha fl-Imsida stess. Jidher li wara ċertu żmien hija reġgħet marret fil-post l-ieħor. Għal l-Awtorità tad-Djar din il-persuna mhiex evictee u għalhekk ma tistax tingħata post alternattiv jekk tibqa’ tinsisti li qedgħa tgħix f'dan il-post għaliex dan il-post suppost huwa vakant għaliex l-inkwilina (ommha) ingħatat post alternattiv.
Informat ukoll li din il-perusna tidher li qedgħa tgħix l-iMsida fil-post fejn hemm oħtha, fl-applikazzjoni tagħha. L-applikazzjoni qedgħa preżentament magħluqa peress li nstab li mhiex qedgħa tgħix fil-post indikat fl-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li rrikorrew għand il-customer care tal-Awtorità tad-Djar dwar is-sussidji tal-kera għadhom qed ikunu nformati li din qed titħallas kull sitt xhur mhux skond il-ftehim milħuq bejn is-sid u l-inkwilin?
Jista' jgħid kif meta persuni rreferew it-tweġibiet li ngħataw minnu fil-mistosijiet parlamentari li saru fuq dan is-suġġett ġew infurmati mill-customer care li ma kenux jafu b'din id-deċiżjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar terġa tikkonferma li il-ħlas tas-sussidju fuq il-kera qed jitħallas skond il-ftehim li hemm bejn l-inkwilin u s-sid. L-Awtorità reġgħet ikkomunikat internament mal-customer care din id-deċiżjoni biex tassigura li jkun hemm ċarezza fil-kommunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-ħruġ ta' ilma minn ġo Triq Karm Debono kantuniera ma' Triq Tal-Bajjada, Qormi huwiex ilma jew drenaġġ għax qed jikkawża inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħruġ ta’ ilma fil-post imsemmi kienet kawżata minn ħsara fuq is-servizz tal-ilma tax-xorb ta’ binja fil-viċin. Il-ħsara ssewwiet fl-24 ta’ Lulju.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9923, jista' l-Ministru jgħid jekk il-problema ta' vultaġġ baxx fi Triq l-Iżbandola, f'Ħal Qormi ġietx solvuta minħabba li għad hemm residenti li qed jilmentaw li l-vultaġġ għadu baxx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li għamlet l-Enemalta irriżulta li l-vultaġġ fi Triq l-Iżbandola, Ħal-Qormi huwa tajjeb.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' din l-anzjana u żewġ uliedha li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li l-post li qed tgħix fih din il-familja jinsab ikkundannat u ta' periklu imminenti għas-saħħa ta' din il-familja?
Jista' l-Ministru jgħid kemm se ddum l-Awtorità tad-Djar biex tagħti post alternattiv lil din il-familja?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta tixtieq post alternattiv, isfel biss, fil-lokalita ta’ Santa Venera biss. Fil-preżent l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex post kif tixtieq din l-applikanta.
Ħal Qormi — Ta' Parscarella Housing Estate - lifts
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9910 u jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fuq il-bini tal-lift fil-blokk tal-flats li hemm f'Ta' Pascarella Housing Estate f'Ħal Qormi? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol se jitkompla u jitlesta?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol tal-installazzjoni ta’ lift ġo Blokk B, Ta’ Pascarella, Qormi kellu jinkludi wkoll il-bini tat-tromba tal-lift kif ukoll il-kamra fuq il-bejt li kienet neċessarja biex tgħaqqad il-lift mat-tromba tat-taraġ. Ix-xogħol ta’ bini issa hu prattikament lest, l-istallazzjoni tal-lift proprju inbeda wkoll u ġew installati r-rails tal-lift u l-pjattaforma tiegħu, waqt li il-partijiet l-oħra nġabu kollha fuq is-sit. Il-kuntratt għal dan ix-xogħol għadu fit-termini ta’ żmien stipulat fit-tender li ġie mogħti lill-kuntrattur. Madankollu, l-Awtorita’ tad-Djar xorta qed tagħmel kull sforz biex il-kuntrattur iħaffef l-installazzjoni u jlesti ix-xogħol sa l-aħħar ta’ Lulju 2009.
Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili — ingaġġ ta' Fire & Rescue Officers
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm ingaġġ mill-ġdid ta' Fire & Rescue Officers mad-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili, minħabba li kien hemm numru ta' studenti fl-MCAST li ġew imħarrġa għal din il-karriera, iżda sfaw mingħajr opportunità ta' impjieg wara li temmew dan il-kors?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent ma hemmx il-ħsieb li jiżdied in-numru ta' Assistance and Rescue Officers fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.