Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15094, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni minħabba li d-Dipartiment tal-Joint Office mhux qed iwieġeb għall-informazzjoni meħtieġa lill-applikant in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sliema — Triq Depiro - leakage ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga leakage ta' ilma taħt it-triq fi Triq Depiro kantuniera ma' Trejqet San Injazju, Sliema li qed jispiċċa jiskula minn ġol-blat għall-basement garages li nbnew tal-kumpless Belmonte Heights? Jistgħu jsiru t-testijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit minn fejn ġej dan l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-kont tal-ilma tal-familja li dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tgħix bil-pensjoni tal-invalidità li sfortunatament kellha leakage ikkawżat minn ħarsa fl-appartament tal-gvern li tgħix fih u li rċeviet kont ta' madwar €2,410? Jista' jara li l-Bord tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jikkonsidra dan il-każ soċjali wara li l-familja ħadet il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex issolvi din il-problema, iżda ma tiflaħx tħallas dan il-kont qawwi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ imressaq mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi nvestigat. Fil-ġranet li ġejjin ser issir spezzjoni fil-fond imsemmi sabiex jiġi kkonfermat x’wassal għal din il-ħsara kif ukoll li l-ħsara ġiet irranġata. Kif ikollna l-informazzjoni neċessarja l-file ser jgħaddi quddiem l-Advisory Bord sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Madankollu l-konsumatur jista’ jħallas il-kontijiet li m’humiex kontestati.

Korporazzjoni Enemalta — wire tad-dawl irranġat

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tirranġa wire tad-dawl li nqala' minn postu u li ġie rapportat mill-Kunsill Lokali Qormi quddiem id-dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-wire li qiegħda ssir referenza għalih mhux responsabilta tal-Enemalta iżda ta’ terzi persuni.

Kulleġġ Santa Tereża — Ħaddiema general hand

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fil-Kulleġġ Santa Tereża l-ħaddiema general hand qed jintbagħtu jaħdmu minn ġo skola għall-oħra matul il-ġimgħa u mhux qed jingħataw xogħol fiss u dan qed jikkawża inkonvenjent qawwi għal dawn il-ħaddiema u problemi ta' tindif li qed jakkumula fil-ġranet li ma jkun hemm ħadd fihom? Tista' tgħid jekk jagħmilx sens li tkun addottata din is-sistema meta ħafna minn dawn il-ħaddiema jaħdmu fuq bażi part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bl-iskop li jinkisbu aktar riżultati u riżultati aħjar fl-iskejjel kollha skont l-esiġenzi tagħhom, l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ Santa Tereża qed jaħdem biex kull skola tingħata s-servizzi tal-General Hands b’mod ekwu u skont il-bżonnijiet partikolari f’kull skola. L-impenn tal-Kulleġġ hu li l-iskejjel kollha jinagħtaw l-aqwa servizz possibbli bla ma jiżdied ix-xogħol lill-General Hands minn dak indikat fid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom. Bħala parti minn dan it-titjib, il-Kulleġġ introduċa uniformi għalihom u nxtraw għodod bażiċi oħra f’kull skola. Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li bis-sistema l-ġdida diġa’ sar xogħol notevoli, bħal ngħidu aħna tbajdu l-faċċata tal-iskola, l-entratura u l-indani kollha u l-kurituri kollha tal-iskola primarja ta’ Ħal Lija, saret manutenzjoni fis-soqfa kollha tal-klassijiet kollha fl-iskola primarja tal-Imsida, saret il-control room tas-sala tal-iskola primarja tal-Imsida. Dan kollu sar fi żmien ftit ġimgħat biss minn Frar 2010. L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ għandha ppreparat ukoll xogħol estensiv fil-Liċeo tal-Bniet fl-Imrieħel, fl-iskola primarja ta’ Birkirkara u xogħol ieħor ippjanat għall-iskola primarja ta’ Santa Venera.

Kunsill Malta għall-Isport — budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget tal-Kunsill Malti għall-Isports u kif intnefqu l-fondi tiegħu f'dawn l-aħħar snin? Tista' tgħid liema kienu dawk l-għaqdiet jew organizzazzjonijiet sportivi li bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-Kunsill Malti għall-Isports u x'għajnuna ingħatat lilhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-budget tal-Kunsill Malti għall-Isport ghas-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 kien kif ġej: 2005 - Euro 2,981,598.00 2006 - Euro 3,028,185.00 2007 - Euro 2,678,780.00 2008 - Euro 3,424,000.00 2009 - Euro 4,445,000.00 2010 - Euro 5,045,000.00 Dawn il- budgets intefqu skont kif deskritt fl- audited accounts impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra matul is-snin. L- audited accounts għas-sena 2009 għad iridu jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif stabbilit mill-liġi. It-tieni parti tal-Mistoqsija tinkludi ġbir dettaljat ta’ informazzjoni fuq kull organizzazzjoni sportiva u minħabba l-kumplessita tal-informazzjoni mitluba, il-Kunsill Malti għall-Isport jeħtieġ aktar żmien biex jiġbor din l-informazzjoni.

Ħal Farruġ Industrial Estate — Directional signs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Industrial Estate ta' Ħal Farruġ tistax issir tabella organizzata fi Triq Ħal Luqa sabiex il-fabbriki u l-istabbilimenti li hemm joperaw minn dan l-estate ikollhom directional signs organizzati minħabba l-problema li hemm fl-indirizzi u l-mod kif dawn l-istabbilimenti jkunu milħuqa minn nies? Jista' l-Ministru jsib x'soluzzjoni jista' jkun hemm għat-tabelli li nqalgħu minn hemm dan l-aħħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tista’ issir tabella bil-mappa tal-post fid-dħul ta’ l-Industrial Estate. Din trid issir f'dan il-post biex ma toħloqx periklu għat-traffiku li ma jkunx ser jidħol fil-Industrial Estate. Huwa possibbli wkoll li jkun hemm tabelli oħra organizzati ġewwa l- estate biex l-istabillimenti jkunu jistgħu jintlaħqu mill-klijenti. Dan huwa l-mod kif ikun hemm soluzzjoni għat-tabelli li nqalgħu. Qed tkun studjata skema ta' zoni fl-istess Industrial Estate biex tkun faċli li l-klijenti jaslu fil-post li jkunu jridu. Din l-iskema tinkludi: numerar ċar ma' kull proprjetà, ismijiet tat-toroq, żoni b'tabelli ta' kull żona li turi l-proprjetajiet fl-istess żona.

Triq ta' l-Għadira — rapporti u studji tekniċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq ir-rapporti, l-istudji tekniċi li saru dwar it-triq ta' l-Għadira? Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti ta' dawn ir-rapporti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża fuq ir-rapporti, l-istudji tekniċi dwar it-triq tal-Għadira kienu ta' €20,229 u lira sterlina 30,362. Il-Konsulenti kienu l-MIA, il-Professur Kenneth Pye u Swansea Metropolitan University.

WSC — Investigazzjoni tal-kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-kont tad-dawl u l-ilma tal-individwu li dettalji tieghu qed jinbagħtu separatament li tgħix waħidha bil-benefiċċju soċjali, li qed tirċievi kontijiet aktar għaljin u suppost li l-każ tagħha kellu jkun investigat mill-Bord tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wara li l-uffiċjal ta' din il-korporazzjoni għamlu testijiet neċessarji?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ġiet infurmata li fil-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, seta kien hemm xi tip ta’ anomalija. Għalhekk fit-28 ta’ Jannar 2010 saret spezzjoni, fejn il-ħaddiema tal-KSI ma sabu l-ebda anomalija, pero l-istess ħaddiema ġew infurmati li xi żmien qabel kienu nbiddlu xi pajpijiet interni kif ukoll saru xi tiswijiet fuq is-sistema tal-flushing. Barra minhekk inbidel ukoll it-tank ta’ fuq il-bejt. Kif diġa spjegajt, ma nstab l-ebda leakage u ta’ min wieħed jirraġuna li l-pajpijiet, it-tank ta’ fuq il-bejt u s-sistema tal-flushing ma nbidlux ta’ xejn. Il-kontijiet għoljin jiġu attribwiti għal dan il-fatt u għalhekk dan il-każ ġie mgħoddi quddiem l-Advisory Board sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja. Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal u l-kontijiet li ħarġu minn Marzu 2009 ‘l quddiem jistgħu faċilment jiġu regolati.

Korporazzjoni Enemalta — meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta mhix qed tirrispondi għall-ilmenti li ressaq l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn dan l-aħħar twaħħal meter tad-dawl fl-għalqa tiegħu mingħajr il-kunsens tas-sid u dan qed ikun ta' periklu għat-tfal li jkun hemm f'dan il-post?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant dan il-meter twaħħal peress li saret applikazzjoni mingħand persuna, li fil-fatt għandu il-possess tal-proprjetà, fejn magħha ġie pprovdut l-compliance certificate skont ir-regolamenti. M’hemm periklu għal ħadd.

Ħal Farruġ — Ħsara fil-proprjeta' tan-nies

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 11206 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6598, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar għadha m'għamlet xejn dwar din il-problema li qed tikkawża ħsarat fil-proprjetà tar-residenti minħabba negliġenza min-naħa tal-Awtorità tad-Djar? Jista' jinvestiga l-ħsara li reġgħet saret fil-proprjetà ta' dawn ir-residenti għat-tielet darba konsekuttiva f'dawn l-aħħar snin minkejja li kien imwiegħed mill-Awtorita' li se tiġi solvuta din il-problema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġa ntqal fir-risposti għall-mistoqsijiet preċedenti, ix-xogħlijiet meħtieġa kellhom isiru mill-Kunsill Lokali bħala parti mill-proġett ta’ landscaping fl-istess lokalita’. Il-fatt li dan ix-xogħol s’issa għadu ma sarx, ċertament mhuwiex minħabba xi negliġenza min naħa tal-Awtorita’. Madanakollu l-Awtorita’ ser tagħmel laqgħa mal-Kunsill Lokali biex tinvestiga r-raġuni għaliex ma sarux ix-xogħlijiet u tidentifika soluzzjoni alternattiva.

Marsa Sports Complex — jogging track

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-pubbliku li kien imur jagħmel użu mill-jogging track fil-Marsa Sports Complex mhux qed jitħalla jidħol aktar f'dan il-post u qed jintalab biex iħallas fee matul is-sena meta l-użu qabel kien b'xejn għal kullħadd? Ma taħsibx li din il-jogging track għandha importanza soċjali għan-nies li kienu qed jagħmlu użu regolari minnha minħabba kundizzjonijiet ta' saħħa fiżika eċċ.? Tista' tgħid kemm qed ikun il-ħlas mitlub lin-nies li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-jogging track?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14628.

Applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sejħa għall-offerti ta' din l-applikazzjoni, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed ikun hemm dewmien żejjed meta l-applikazzjoni saret aktar minn sentejn ilu? Jista' jgħid meta se tinħareġ din is-sejħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol meħtieġ biex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għall-offerti imsemmija huwa kważi lest u jonqos biss li jsiru l-aħħar irtokki fil-pjanti tal-fond u allura jekk ma jkunx hemm problemi tekniċi, is-sejħa għall-offeri tkun tista’ ssir fi żmien qasir. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli membru li din l-applikazzjoni ħadet ftit aktar żmien min-normali peress li kienet applikazzjoni għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju u s-sussegwenti proprjeta’ ta’ fond użat mhux għall-abitazzjoni u dan l-aħħar kien hemm xi tibdil fil-mod kif jiġu proċessati talbiet simili.
Leg 11 PQ #14375 Sitting 190 2010-02-08 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tad-DCC — interviews

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm persuni applikaw għall-ħatra fil-Bord tad-Development Control Commission? Jista' jgħid min huma l-persuni li applikaw u r-riżultati li ġabu waqt l-interviews? Jista' jgħid min huma l-persuni li ġew magħżula għat-tieni interview u kemm ġabu marki rispettivament? Jista' jgħid min kienu l-persuni fuq il-panel ta' l-interviews?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-għażla għall-membri u Chairpersons, tal-Environment and Planning Commission, għadu għaddej u mhix etika, li din l-informazzjoni mitluba tingħata meta dan il-proċess għadu mhux komplut.

Qrendi — Triq Dun Nerik Mahoney - tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbeda x-xogħol ta' tarmac fi Triq Dun Nerik Mahoney il-Qrendi? Jista' jgħid meta huwa stmat li titlesta din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant isir meta jkunu allokati l-fondi meħtiega lill Transport Malta u skond il-prijorità ffissata.
Leg 11 PQ #14484 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħsarat strutturali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13665, jista' l-Ministru jgħid jekk din il-proprjetà li kienet okkupata illegalment mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jissewwewlha l-ħsarat li saru fiha biex din terġa' tiġi abitabbli għas-sidien tagħha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant din il-proprjetà ġiet rekwizizzjonata nhar il-2 Lulju 1990 f'isem il-Kummissarju ta' l-Artijiet. Fl-1990 il-persuna li kienet qiegħda tgħix hemm saħansitra minn qabel, ingħatat rikonoxximent fuq il-post. Dan il-post ġie allokat għal darba oħra nhar l-4 ta' Novembru 1998. Fl-20 ta' Marzu 2003 l-inkwilina rritornat iċ-ċwievet ta' dan il-fond u tali ċwievet ġew ritornati lid-Dipartiment ta' l-Artijiet nhar il-4 ta' Novembru 2003. L-Ordni ta' Rekwizizzjoni ġiet imħassra nhar is-16 ta' Settermbru 2003, Għalhekk li d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali qatt ma okkupa din il-proprjetà illegalment u għalhekk ma jistax jinżamm responsabbli għal xi ħsarat li hemm fil-fond.. Informat ukoll li l-Awtorità tad-Djar il-Kummissarju ta' l-Artijiet jipposjedi tliet partijiet minn sittax ta' din il-proprjetà filwaqt li l-kumplament huma ta' sidien privati.
Leg 11 PQ #14485 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tad-DCC — Għażla tal-membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14158 u jgħid jekk intgħażlux il-membri l-ġodda tal-Bord tad-Development Control Commission ? Jista' jgħid x' weightings saru jew kif ingħataw il-marki waqt l-intervisti li saru fl-għażla ta' dawn l-uffiċjali pubbliċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-għażla tal-membri li ser jiffurmaw l-Environment and Planning Commission għadu għaddej u għaldaqstant m’huwiex opportun li tingħata risposta.
Leg 11 PQ #14486 Sitting 187 2010-02-01 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — skema tal-bdil tal-gallariji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13680 u jgħid għaliex il-maġġor parti tal-familji li daħlu fl-iskema tal-bdil tal-gallariji ta' l-injam mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel l-elezzjoni ġenerali, għadhom ma tħallsux minkejja li għaddew aktar minn sentejn? Jista' jgħid meta se jintbagħtu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt l-iskema ta' Jannar 2008 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċiviet ’il fuq minn 590 applikazzjoni sabiex isiru xogħolijiet fuq il-galleriji ta' l-injam. Bħalissa ġew imħallsa 202 applikazzjoni, hemm 392 applikazzjoni pendenti li minnhom 64 għadhom qed jiġu pproċessati minħabba diversi raġunijiet ta' diskrepanzi fl-applikazzjonijiet milqgħuha. Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra tabella b'iktar dettalji. Id-diversi lmenti li saru fuq l-ipproċessar huma dovuti għal diversi raġunijiet fosthom: - Id-data ta' l-għeluq għal sottomissjonijiet tal-irċevuti tal-VAT kienet fil-25 ta' Frar 2009. Minħabba l-fatt li kien hemm ħafna mill-applikanti li ma setgħux jagħmlu x-xogħolijiet sa din id-data, il-MEPA estendiet id-data sa l-aħħar ta' Diċembru 2009. - Bosta applikazzjonijiet, li ftit minnhom għadhom qed jiġu spezzjonati, ma kienux jissodisfaw il-linji gwida u l-kriterji ta' l-iskema. - Kien hemm applikazzjonijiet li ma ġewx ippreżentati bid-dokumenti mitluba bħal ma huma pjanti, dettalji tax-xogħolijiet u ritratti. - Kien hemm applikazzjonijiet oħra li ma kienux qed jirriflettu d-dokumenti sottomessi bħal riċevuti tal-VAT u stimi ta' xogħol. - Kien hemm applikazzjonijiet li x-xogħolijiet u d-dokumentazzjoni u l-ispejjeż ma kienux jaqblu. - Il-proċess jinkludi wkoll stadju ta' ipproċessar mill- Unit tal-Finanzi tal-MEPA sabiex tivverifika u tiggarantixxi l-possibilità ta' fondi neċessarji sabiex tħallas skont il- Committment li sar mill-Ministeru tal-Finanzi.