Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet ta' PA 7189/07 humiex se jkunu osservati fir-rigward tad-dredging fl-istaġun tal-għawm peress li ħarġet Notice to Mariners 34 u 39/2011 li tavża li se jsir dredging fl-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li ma kien hemm ebda tibdil fil-kundizzjonijiet tal-permess.
Qormi — Housing Estate ta' De La Cruz - Indikazzjoni ċara fin-numri tal-blokka tal-appartamenti
Question
Tista' l-Ministru tara li l-blokka tal-appartamenti fil-Housing Estate ta' De La Cruz, Qormi jkunu mmarkati b'mod ċar skont in-numru tagħhom minħabba li r-residenti qed jilmentaw li n-nies li jżuruhom ma jkunux jistgħu jsibu l-post, partikolarment il-blokk li dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa l-ħsieb tal-awtorità li wara li jsir il-manutenzjoni fil-komun tal-binjiet, l-awtorità bi qbil mal-kunsill u r-residenti tixtieq tibda proċess fejn dawn il-binjiet jibda jkollhom ismijiet ta’ persuni sinjifikanti fil-komunita’ jew ismijiet oħra li r-residenti jindikaw.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-perjodu meta huwa kien bis-sick sabiex ikun jista' jingħata r-refund mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni skont l-informazzjoni li l-individwu ġabar mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dipartiment tat-Taxxi Interni diġà talab informazzjoni lill-individwu msemmi, u din l-informazzjoni għadha ma ġietx ipprovduta b’mod sħiħ lill-istess dipartiment. Mingħajr din l-informazzjoni ma jistax jiġi kkalkulat l-ammont tar-refund. L-individwu għandu jġib l-informazzjoni rikjesta mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet ġew deċiżi mill-EPC's taħt is-sistema l-ġdida tal-applikazzjonijiet fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skont is-sistema tal-informazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-EPCs iddeċidew, mill-ewwel ta’ Jannar, elf mija u seba’ u sebgħin (1177) applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet jippreċedu d-data ta’ l-1 ta’ Jannar 2011.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar s'issa minn meta xtrat Hexagon House biex għamlet immodernizzar u xogħlijiet oħra relatati mal-problema ta' ventilazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li n-nefqa totali li saret s'issa fuq is-sistema tal-ventilazzjoni tammonta għal €30,146.39. Għad irid isir xogħol ieħor aktar impenjattiv fuq din is-sistema, sabiex din tinqaleb minn waħda li topera b’sistema ta’ negative pressure għal sistema ta’ positive pressure.
Il-MEPA se toħroġ sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
Dipartiment tat-Taxxi Interni — refund ta' ħlas żejjed
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li ressaq l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, dwar refund ta' ħlas żejjed ta' bolol li huwa kien għadda lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li l-ittra li ntbaghtet f’isem l-individwu ma kellhiex id-dettalji kollha, id-dipartiment qed jikkuntattja lill-indivdwu biex dan jipprovdihom.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tiġi emendata l-liġi dwar id-distanza li trid tinżamm mill-hawkers li jkunu qegħdin ibiegħu fit-triq 'il bogħod mill-ħwienet? Ma jaħsibx li jekk il-ġeneru tan-negozju tal-hawker ma jkunx l-istess bħal dak tal-ħanut din il-klawsola tal-liġi għandha tkun aktar flessibbli?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li tiġi emendata l-liġi dwar id-distanza li street hawkers iridu jżommu bogħod mill-ħwienet.
Jista' l-Ministru jara li tiġi mibdula l-bozza permezz tal-Korporazzjoni Enemalta fi Triq Ġorġ Borg (fil-bidu tagħha) f'Ħal Qormi li għandha l-ħsara u li qed tisparkja u toħroġ in-nar bil-periklu għal min ikun għaddej fl-inħawi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bozza msemija fi Triq San Ġorġ ġiet msewwija.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li qed jgħixu bl-assistenza soċjali ta' €514.76 fix-xahar, li minnhom qed iħallsu €300 fix-xahar kirja mal-privat peress li din il-familja bi tlett itfal ma tiflaħx tibqa' tgħaddi f'din is-sitwazzjoni u filwaqt li din il-familja rrikorriet diversi drabi għand l-Awtorità tad-Djar, l-uffiċjali għolja tal-Awtorità qed jirrifjutaw li jkellmuha minħabba li dan huwa każ antik u ma jistgħu jagħmlu xejn aktar? Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx appartamenti available għal din il-familja minħabba li dawn qed jaqgħu lura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ din il-familja qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li d-dħul ta’ din il-familja fl-2010 kien ogħla minn dak li jidher fil-mistoqsija tiegħu waqt li l-Awtorità tad-Djar tissusidja l-kirja b’ €966.69 fis-sena.
sistema ta' pannelli fotovoltaiċi — meter tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk il-familji li investew eluf ta' euros f'sistema tal-pannelli fotovoltaiċi u ilhom minn Diċembru li għadda bil-meter l-antik idur lura minflok il-quddiem? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-units humiex se jkunu kkalkulati mill-meter readers u jekk hux se jingħata rifużjoni kif suppost dovuta lilhom għal dan il-perjodu sakemm jitwaħħal il-meter tad-dawl il-ġdid, inkella se jkunu taw l-enerġija b'xejn lill-Korporazzjoni Enemalta għal aktar minn erba' xhur minħabba d-dewmien fit-twaħħil tal-meters? Ma jaħsibx li jekk dawn il-units ma jkunux ikkalkulati, dawn il-familji se jkunu misruqa l-flus mill-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 23172 u 25185.
Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tieħu ħsieb tiżboħ mill-ġdid is-sinjali tat-traffiku fi Triq l-Imdina Ħal Qormi, partikolarment fl-inħawi tal-indirizz li qed jintbagħat separatament minħabba li l-vetturi qed jimblukkaw xi garaxxijiet tar-residenti li hemm fl-inħawi, meta suppost diġà hemm il-linji sofor?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan il-każ lil Transport Malta biex tinvestiga.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-każ ta' talba għall-akkomodazzjoni alternattiva tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ilhom fuq il-waiting list għal dawn l-aħħar tliet snin u għandhom it-tifla li għandha kundizzjoni medika li minħabba fiha jeħtieġ tingħata l-għajnuna mill-Housing?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24923, tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' djar li nbnew fuq plots tal-gvern li kienu għadhom fuq stadju ta' konvenju li reġgħu nbiegħu u għalhekk ġew trasferiti b'titolu legali mill-gvern? Kemm kien l-ammont ta' dawn id-djar u f'liema lokalitajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal kull plot hemm mibnija dar għalhekk l-ammont tad-djar u l-lokalitajiet huma l-istess kif jidhru fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24923.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont tad-dħul finanzjarju s'issa li sar minn djar tal-gvern li nbiegħu għall-iżvilupp u għalhekk ingħatat il-kontribuzzjoni finanzjarja biex is-sidien setgħu ibiegħu dawn id-djar? Tista' tgħid f'liema fond intefa' dan id-dħul finanzjarju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta dar tal-gvern tkun se tinbiegħ, l-Awtorità tad-Djar titlob lura s-sussidji mogħtija skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratti relattivi. Dan japplika rrespettivament mir-raġunijiet tal-bejgħ.
Madankollu tajjeb wieħed jiċċara li sabiex dar tal-gvern tkun tista’ tiġi żviluppata l-Awtorità tad-Djar għandha
policy
fejn titlob pagament jew tesiġi li jkunu ffirmati ipoteki biex is-sidien jiġu rilaxxatti mill-klawsoli restrittivi tal-kuntratti.
Minn Ottubru 2002 sa Dicembru 2010 is-sidien li xtaqu jizvillupaw ħallsu l-ammont globali ta’ €2,571,806. Dawn il-flus intuzaw fl-operat tal-awtorità biex tiffinanzja l-iskemi varji.
Awtorità tad-Djar — sistema tal-allokazzjonijiet tal-appartamenti mikrija mill-gvern
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif qed taħdem is-sistema tal-allokazzjonijiet tal-appartamenti mikrija mill-gvern jekk il-każijiet humiex jiġu deċiżi skont min għandu l-aktar punti jew inkella jekk hux qed jitressqu l-files quddiem il-bord u jiddeċiedu jingħatawx l-għajnuna jew le mill-Awtorità tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar talloka l-postijiet li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha lill-applikanti minn fuq il-waiting list għall-akkomodazzjoni alternattiva skont il-mertu tal-każ. Tingħata prijorità lill-persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet sabiex dawn jingħataw fond sabiex jiġu rintegrati fis-soċjetà. Is-sistema tal-punti mhux dejjem tirrifletti l-bżonnijiet tal-applikanti u hija biss indikattiva.
Djar substandard — periklu minħabba problemi strutturali fid-djar
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex nies li qed jgħixu fi djar substandard jew fil-periklu minħabba problemi strutturali fid-djar tagħhom, m'għadhomx mitqiesa bħala każijiet ta' prijorità fl-allokazzjoni tal-appartamenti tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar tagħti attenzjoni lill-applikazzjonijiet kollha li għandha u tagħmel mill-aħjar biex tiddentifika soluzzjoni għal applikanti li jaqgħu taħt kategoriji differenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trejqa rurali li tagħti minn Triq Pietru Felici f'Ħal Qormi għal Triq Għar Ram f'Ħaż Żebbuġ hijiex responsabbiltà tal-gvern? Jista' l-Ministru jara li din it-trejqa tiġi rranġata u mnaddfa minħabba li hija l-unika aċċess rurali li hemm bejn dawn iż-żewġ irħula u li minnha jgħaddu ħafna residenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabiltà ta’ toroq bħal dawn li mhumiex arterjali jew distributorji kienet devoluta lill-kunsill lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu l-ħlasijiet tar-refunds tal-iskema tal-pannelli fotovoltajiċi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ipproċessar tal-ħlasijiet tar-refunds tal-iskema tal-pannelli fotovoltaiċi ilu li beda. Il-ħlasijiet qed jinħarġu fuq bażi regolari.
L-azzjoni industrijali fil-Korporazzjoni Enemalta tellfet lill-familji minn ħlasijiet għall-enerġijia li tkun esportata ġol-grid tal-elettriku. Il-ħlasijiet tar-refunds isir wara li jitwaħħlu s-sistemi, għaldaqstant mhux qed ifixkel li tiġi ġġenerata enerġija li tiġġedded.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħlasijiet tar-refunds dwar il-pannelli fotovoltajiċi qed jigi ttardjat wara li familji applikaw f'Jannar li għadda għand l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi u dawn qed jgħidulhom li għandhom x'jistennew minn tal-inqas tliet xhur oħra biex jingħataw ir-refund? Jista' jikkonferma li f'waħda mill-mistoqsijiet parlamentari kien iddikjara li l-ħlas kellu jdum biss madwar tliet xhur? Ma jaħsibx li d-dewmien li hemm fit-twaħħil tal-meters fil-Korporazzjoni Enemalta fejn dawn il-familji qed jitilfu flus dovuti lilhom u d-dewmien fil-ħlasijiet tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi qed ixekklu din l-iskema li hija daqstant importanti għall-enerġija alternattiva ta' pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 25185, niġbidlu l-attenzjoni li dan l-ipproċessar jirrikjedi iċċekkjar dettaljat sabiex jassigura li l-ħlasijiet ikunu korretti. Il-ħlasijiet tar-refunds jkun jista' jsir wara li jitwaħħlu s-sistemi, għaldaqstant mhux qed ifixkel li tiġi ġġenerata enerġija li tiġġedded.
Kien għalhekk li l-Gvern ikkundanna pubblikament diversi drabi l-azzjoni industrijali meħuda mill-General Workers' Union fil-Korporazzjoni Enemalta u li waslet biex ħolqot inkonvenjent lill-dawk li għażlu li jinvestu f'enerġija nadifa.