Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar — ħruġ ta' permess għal lukanda fil-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se tkun qed tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar wara sentenza tal-Qorti li ngħatat fl-aħħar jiem li lukanda fid-daħla tal-Mellieħa (biswit l-istabbiliment Welbees), li tagħha ħareġ il-permess (PA5909/17) mill-Awtorità fl-2019, qatt ma kellu jinħareġ l-istess permess u li għandu jiġi revokat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Fid-dawl tas-sentenza mogħtija fejn parti mill-permess maħruġ ġiet imħassra, l-applikant għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jindirizza l-pożizzjoni fid-dawl tat-tali deċiżjoni.

Awtorità tal-Ippjanar — ħruġ ta' permess għal lukanda fil-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jerfa’ r-responsabilità politika u amministrattiva għall-ħruġ tal-permess PA5909/17, liema permess inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar u li l-Qorti, f’sentenza fl-aħħar jiem, stqarret li dan il-permess qatt ma messu nħareġ u li għandu jiġi revokat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità sa mit-twaqqif tagħha dejjem tieħu nota tad-deċiżjonijiet li jingħataw minn żmien għal żmien mill-Qrati u tieħu nota tal-insenjament tal-Qorti u tal-interpretazzjonijiet li tagħti fis-sentenzi tagħha.

Tfal adottati jew fostered

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta' tfal adottati minn pajjiżi oħra bejn is-snin 2010 sal-2022 maqsuma skont in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tfal adottati bejn l-2010 u l-2022 li ġew rehomed (jew 'fostered' għand familji Maltin oħra) maqsuma skont in-nazzjonalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – ħruġ ta’ default notices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu, u fuq liema, kuntratti l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ħareġ default notices bejn Jannar 2017 u Marzu 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: Kuntratt/Sena Tindif ta' Toroq Urbani Tindif ta' Toroq Mhux Urbani Latrini Pubbliċi Ġbir ta' Skart Domestiku Parks u Ġonna 2017 1 0 0 0 0 2018 0 0 2 0 0 2019 0 0 0 0 0 2020 0 0 0 4 0 2021 20 2 10 16 1 2022 15 4 1 25 4 2023 (sa Marzu) 4 0 0 0 0

Sit fix-Xemxija – permess mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tatx il-kunsens tagħha sabiex fl-aħħar ġimgħat jinbeda xogħol fuq is-sit fix-Xemxija (PA 6747/18) fejn qabel kien hemm il-kumpless turistiku tal-Mistra Village fid-dawl tal-fatt li l-istess applikazzjoni għad għandha każ pendenti quddiem il-Qrati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistqosija parlamentari 7792.

Sit fix-Xemxija – spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat sarux spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit fix-Xemxija (PA 6747/18), fejn snin ilu kien hemm il-kumpless turistiku tal-Mistra Village? Jekk saru, x’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispezzjonijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 7794.

Sit fix-Xemxija – Minuti tas-seduta tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti tas-seduta tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li saret nhar l-24 ta’ Jannar 2019 fuq l-applikazzjoni fuq is-sit fix-Xemxija (PA 6747/18) fejn snin ilu kien hemm il-kumpless turistiku tal-Mistra Village?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti Minuti tas-seduta tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li saret nhar l-24 ta’ Jannar 2019 fuq l-applikazzjoni fuq is-sit fix-Xemxija (PA 6747/18). Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku http://eapps.pa.org.mt

Il-Mellieħa – Ġnien il-Qigħan – korrispondenza dwar it-Teatru Grieg

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, id-Dipartiment tal-Anzjani u Care Malta dwar it-Teatru Grieg li jinsab fi Ġnien il-Qigħan ġewwa l-Mellieħa?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korrispondenza dwar it-Teatru Grieg li jinsab fi Ġnien il-Qigħan ġewwa l-Mellieħa kienet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u kumpanija privata Care Malta. Għalhekk hu xieraq li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa – Ġnien il-Qigħan – korrispondenza dwar it-Teatru Grieg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3794 dwar it-Teatru Grieg li jinsab fi Ġnien il-Qigħan fil-Mellieħa li kien ġie inawgurat mill-Kunsill Lokali f’Lulju 2008, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha indikata fit-tweġiba mogħtija li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u Care Malta bejn l-2018 u Marzu 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’ghandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 3749.

Kunsill Lokali Mellieħa – fondi Ewropej – proġett fiż-żona ta’ Selmun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kellu jikkonsisti l-proġett imwettaq mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa permezz ta’ fondi Ewropej fiż-żona ta’ Selmun, primarjament fil-post fejn qabel kien kumpless ta’ rziezet, fl-2012, u jgħid ukoll x’użu għamel minn dan il-post l-istess kunsill lokali bejn l-2013 u l-2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ftehim u l-obbligazzjonijiet li kienu oriġinarjament jorbtu lill-istess kunsill vis-à-vis il-fondi mogħtija nżammux?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li fl-istess żmien meta kienet saret applikazzjoni għall-fondi Ewropej kienet ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar – PA 2368/09 – li kienet tinvolvi r-restawr u l-konservazzjoni tal-kumpless tal-irziezet f’Selmun, fost binjiet oħra, liema talba kienet ġiet approvata u abbażi tagħha ġew allokati l-fondi. Infurmat ukoll li meta tlestew dawn ix-xogħlijiet, kienet saret it-tieni applikazzjoni – PA 2481/13 – li tinvolvi fost oħrajn l-użu tal-irziezet bħala ċentru ta’ interpretazzjoni, liema applikazzjoni għadha pendenti minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Intant infurmat li l-każ anke ġie trattat mit-Test for Reasonableness Board (TORB), iżda rriżulta li l-interventi mitluba mill-Bord jaffettwaw b’mod drastiku l-aspett estetiku tal-istess binjiet.

Kunsill Lokali Mellieħa – użu minn kamra fil-Park tal-Majjistral

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’użu qed jagħmel illum il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa minn kamra fil-Park tal-Majjistral li kienet għaddiet b’devoluzzjoni lill-istess Kunsill qabel l-2013 sabiex titgawda mill-pubbliku li jżur il-Park b’aċċenn fuq karatteristiċi partikolari u sinonimi mal-lokalità tal-Mellieħa, u li llum tħalliet mitluqa u tiddeterjora?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-binja msemmija ġiet devoluta lill-Bord tal-Park tal-Majjistral permezz ta’ ftehim iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2011, bl-obbligu li tenement E26228 jiġi allokat lill-Kunsill Lokali bħala ‘on-site reference point’ u uffiċċju. Infurmat ukoll li attwalment il-binja qed tintuża proviżorjament bħala maħżen, billi l-Kunsill għandu l-intenzjoni li l-binja tinbidel f’ċentru ta’ interpretazzjoni dwar il-produzzjoni tal-melħ u l-għasel, bħala parti minn pjan ħollistiku mfassal mill-Bord tal-Park tal-Majjistral.

Il-Mellieħa – park tal-familja – manutenzjoni ta’ trakka

Question

Jista’ l-Ministru jara li trakka magħmula minn wood chips, li sa ftit snin ilu kienet parti mill-Park tal-Familja fil-Mellieħa, li jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, issirilha l-manutenzjoni meħtieġa sabiex terġa’ tintuża u titgawda mill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-esperjenza wriet li kull darba li ‘wooden chippings’ tferrxu fuq il-jogging track, dawn inġarru mill-ilmijiet fl-iktar partijiet baxxi tal-istess trakka kull meta tagħmel xita qawwija.

Il-Mellieħa – park tal-familja – persuna responsabbli miż-żamma tal-post

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Park tal-Familja fil-Mellieħa, li jaqa’ fir-responsabilità tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, hemmx persuna responsabbli miż-żamma ta’ dan il-post? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt mogħti lil din il-persuna sabiex ikunu magħrufa l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ żamma fl-aħjar kondizzjonijiet tas-soft areas, tal-multi-purpose court kif ukoll il-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrini f’dan il-post frekwentat regolarment minn mijiet ta’ familji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-Kunsill ta' b’kuntratt s-servizz ta’ kustodju li jipprovdi għal superiżjoni tal-Park tal-Familja waqt il-ħinijiet li jkun l-aktar iffrekwentat mill-pubbliku. Dwar dan infurmat li x-xogħol tal-kustodju jinkludi t-tindif tal-park, bl-esklużjoni tas-soft areas. Infurmat ukoll li l-ħinijiet tax-xogħol tal-kustodju jiġi estiżi tul il-perjodu kollu li t-tfal tal-iskola jkunu bil-vaganzi, eż: tal-Milied, tal-Għid, tal-Karnival, u fil-mid-term holidays. Intant infurmat li l-ħinijiet normali tal-kustodju u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrina pubblika, kif ivarjaw matul is-sena jidhru fuq l-iskeda li qed tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrina, infurmat li dawn jinsabu fin-notice board tal-Park li qiegħda fid-daħla ewlenija minn Triq Ġuże’ Flores. Fuq nota finali, infurmat li s-soft areas huma parti minn kuntratt ieħor illi l-Kunsill għandu dwar iż-Żamma tal-Parki u Ġonna li jkopri l-lokalità kollha. Is-siltiet rilevanti mill-kuntratti li saret referenza għalihom, fejn hemm l-obbligi tal-kuntratturi konċernati, qed jiġu mqiegħda wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl tat-Tarġa, Naxxar – Torri tal-Kaptan – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jiġu pprovduti fondi sabiex post storiku u ta’ valur magħruf bħala t-Torri tal-Kaptan f’San Pawl tat-Tarġa, Naxxar, issirlu l-manutenzjoni meħtieġa wara ħsarat strutturali li ġarrab wara l-maltempata li seħħet f’pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – talbiet għal ħruġ ta’ tenders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6502 u jgħid jekk fl-aħħar 30 sena kienx hemm talbiet oħra għal ħruġ ta’ tenders fuq art fil-Mellieħa fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa - Mellieħa Heights, art li bħalissa inħarġet sejħa għall-offerti fuqha - Avviż Numru 8- Sit tal-Qortin - mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni provduta lili mill-Awtorita hija li din hija l-ewwel darba li ħarġet sejħa għal tenders fuq l-art indikata mill-Onor. Interpellant. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja t-talba tat-tender hekk kif maħruġ mill l-Awtorità.

Mellieħa – wesgħa għal żvilupp

Question

Peress li l-wesgħa li tinsab bejn Triq is-Sagħtar, Triq il-Miġħba u Triq in-Narċis fil-Mellieħa, li hija fil-qalba ta’ żona residenzjali, fl-aħħar jiem inħarġet b’offerta mill-Awtorità tal-Artijiet b’intenzjoni ċara li tiġi żviluppata f’aktar bini, tista’ l-Ministru tara li tittieħed minn Project Green (b’konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa) sabiex isir proġett għat-tgawdija tal-komunità Melliħija?.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green diġà għaddejja b’konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati sabiex isir proġett fil-Mellieħa għat-tgawdija tal-komunità Melliħija.

Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – valur tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inħadem il-prezz tal-valur tal-art li tinsab fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights), fil-Mellieħa, li ħarġet b’tender mill-Awtorità tal-Artijiet (Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin) u kemm hu indikat allura l-istess valur?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prezz tal-valur tal-art inħadem bil-valutazzjoni skont l-artikolu 79 tal-Att dwar Artijiet tal-Gvern, Kap. 573. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija l-informazzjoni diġà hija pubblika u tinsab fuq l-istess avviż li qed jelenka l-istess Onor. Interpellant.

Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – tender

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-ħruġ tat-tender li nħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet (Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin ) relatat ma’ art fil-Mellieħa f’żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dokumenti relatati mal-ħrug tat-tender huma diġà pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd fuq il-website tal-Awtorità.

Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – għoti ta’ art għall-Project Green

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jirtira t-tender ‘Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin fil-Mellieħa’ sabiex jidħol bħala parti mill-inizjattiva tal-Gvern mnedija minn Project Green u minflok din l-art, li tinsab fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights), tispiċċa f’aktar bini bla rażan, tingħata għat-tgawdija tal-ġid komuni fi spazju miftuħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit inkwistjoni ilu pjanat għall-iżvilupp mill-Iskemi Temporanji tal-1988, bl-iżvilupp residenzjali jiġi stabbilit bil-pjan lokali 2006. Il-Ministru jinforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi fl-inħawi tal-Qortin hemm tal-inqas sitt żoni pjanati bħala żoni miftuħin għall-pubbliku. Rigward il-mistoqsija tal-Project Green, nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – talbiet għal ħruġ ta’ tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar 30 sena kienx hemm talbiet oħra għal ħruġ ta’ tenders fuq art fil-Mellieħa fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa - Mellieħa Heights, art li bħalissa inħarġet sejħa għall-offerti fuqha - Avviż Numru 8- Sit tal-Qortin - mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.