Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex tibda tinbena faċilità sportiva (grawnd tal-futbol) fin-Naxxar fil-limiti ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess li permezz tiegħu l-awtorità tal-artijiet ser tgħaddi l-art lil SportMalta. Il-kuntratt bejn l-entitajiet mistenni jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-proġett li suppost kien intenzjonat għall-persuni b'diżabilità madwar tliet snin ilu fin-Naxxar, preċiżament fiż-żona fejn kien jopera qabel iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti ta' dan il-proġett li ġew sottomessi quddiem il-MEPA u awtoritajiet oħra konċernati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u l-applikazzjoni qiegħda tiġi evalwata. Għalhekk, il-pjanti għadhom m'humiex finalizzati. La darba l-pjanti jkunu fi stadju avvanzat ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet pendenti għar-residenzi għall-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jindika kemm hemm applikazzjonijiet pendenti ta' persuni li applikaw sabiex jidħlu f'waħda mir-residenzi għall-anzjani li jinsabu fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ma jitlobx informazzjoni dwar il-preferenza tal-applikanti għal dħul fi djar tal-anzjani. Għalhekk d-Dipartiment m’għandux informazzjoni dwar kemm applikaw persuni sabiex jidħlu fir-residenzi għall-anzjani li jinsabu fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni li jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b'sena u lokalità b'lokalità minn Jannar 2011 sa Settembru 2017?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31137 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-inkjesta li kienet intalbet mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali meta kien għamel referenza għal diskors li sar minni fil-21 ta’ Ottubru 2015 waqt seduta parlamentari b'rabta mal-ħidma tal-Advisory Board tal-fostering (peress li dakinhar l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari kienet tgħid li l-inkjesta inkwistjoni kienet waslet fi stadju li se tingħalaq)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-inkjesta waslet fl-aħħar fejn il-provi nġabru u qiegħda fi stadju li jiġi kumpilat ir-rapport.
Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – apparat biex jitkejjel il-livell ta’ emissjonijiet
Question
Peress li sa numru ta’ snin ilu fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa kien jintuża apparat mill-awtoritajiet konċernati (MEPA) sabiex jitkejjel il-livell ta’ emissjonijiet f’din iż-żona, jista’ l-Ministru jara li dan l-apparat jerġa’ jibda jintuża (anke jekk minn awtoritajiet differenti minn dawk preċedenti) sabiex wieħed ikun jista’ jifhem aħjar jekk l-emissjonijiet ikkawżati f’din iż-żona hux qed jikkawżaw ħsara fis-saħħa tal-persuni li jiffrekwentaw din iż-żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid, mhux vera li l-ERA neħħiet l-apparat, iżda żammet l-apparat li kellha il-MEPA tal-passive diffusive tube li jkejjel il-livell ta’ inkwinanti fl-arja f’dik iż-żona (35.958467N, 14.361878E in WGS 84).
Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – apparat biex jitkejjel il-livell ta’ emissjonijiet
Question
Peress li sa numru ta’ snin ilu fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa kien jintuża apparat mill-awtoritajiet konċernati (MEPA) sabiex jitkejjel il-livell ta’ emissjonijiet f’din iż-żona, jista’ l-Ministru jara li dan l-apparat jerġa’ jibda jintuża (anke jekk minn awtoritajiet differenti minn dawk preċedenti) sabiex wieħed ikun jista’ jifhem aħjar jekk l-emissjonijiet ikkawżati f’din iż-żona hux qed jikkawżaw ħsara fis-saħħa tal-persuni li jiffrekwentaw din iż-żona?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1478, jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-lokalità tal-Mellieħa hijiex qed tiġi kkonsidrata bħala waħda mil-lokalitajiet li fiha jista' jinbena l-proġett 'Waste to Energy'?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni li għaddejja bħalissa bejn il-Kumitat maħtur apposta u li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax, m’hijiex dwar il-fejn imma aktar dwar il-kif pajjiżna ser ikollu impjant ta’ waste to energy li huwa tajjeb għal pajjiżna kif ukoll tajjeb għal saħħitna.
Ovvjament, ix-xogħol relattiv kollu b’rabta mal-impjant inkwistjoni jrid jitwettaq fil-kwadru tar-regoli kollha aplikabbli inkluż dawk tal-ippjanar.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1476 dwar l-irwejjaħ mil-Landfill tal-Magħtab, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet (sniff testing) li skont ir-risposta imsemmija jsiru b'mod regolari kull ġimgħa f'din iż-żona indikata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-testijiet.
San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – toroq mibnija mill-ġdid
Question
Mil-lista ta' toroq li l-Gvern se jkun qed jibni mill-ġdid matul is-seba’ snin li ġejjin, jista’ l-Ministru jindika liema se jkunu dawk it-toroq fil-lokalitajiet (konfini) tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar li se jkunu nklużi f'dan il-programm?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża ta’ rwejjaħ kontinwi matul ix-xhur tas-sajf fil-landfill tal-Magħtab, liema rwejjaħ ikkawżaw inkonvenjent lir-residenti tas-Salina u dawk tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn sniff testing li jsir kull ġimgħa fl-akwati tal-Magħtab, diversi sorsi ta’ rwejjaħ jiġu identifikati. Għaldaqstant, l-ilmenti mhux dejjem neċessarjament ikunu qed jirreferu għall-irwejjaħ mill-miżbla.
Fix-xahar ta’ Settembru kien hemm ilmenti mir-residenti tas-Salina u għaldaqstant l-eżerċizzju ta’
sniff testing
sar iktar frekwenti. Madankollu, ma jirriżultax li kien hemm irwejjaħ illi ħerġin mill-kumpless tal-Magħtab li kienu barra minn norma għax xhur tas-sajf.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri li ttieħdu sabiex l-inkonvenjent li nħoloq mill-irwejjaħ ikkawżati mil-landfill tal-Magħtab ma jerġax jiġi esperjenzat mir-residenti tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdux miżuri ulterjuri apparti dawk diġà msemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, li huma żieda fid-daily cover u l-użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-15 ta' Settembru 2017 bis-suġġett ikun l-impjant "waste-to-energy " li mistenni jibda jitħaddem f'Malta sal-2023, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett hux se jsir f'xi żona fil-konfini tal-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-progett il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri taghħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.
Kemm il-proġett innifsu kif ukoll is-sit li jkun abbinat ma’ dan il-proġett iridu jkunu suġġetti għall-proċess ta’ l-ippjanar bl-istudji u l-konsultazzjonijiet meħtieġa li dan il-proċess iġib miegħu.
Skejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja – skema ta’ frott
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel tal-Gvern, privati u tal-knisja li gawdew mill-iskema tal-frott li ngħataw lill-istudenti bejn l-2012 u l-2016 (sena b'sena - skola skola)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-iskejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja li gawdew mill-iskema tal-frott li ngħataw lill-istudenti bejn l-2012 u l-2016 (sena b’sena – skola skola) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 1479 - Skejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja - skema tal-frott.xlsx
Avviżi legali abbinati mal-Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema kienu l-avviżi legali abbinati mal-liġi mressqa mill-Oppożizzjomi dwar Stili ta' Ħajja Sana approvata mill-Parlament f'Jannar 2016 li nħarrgu s’ issa u li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni? Jekk inħarrġu, jista' jgħid liema kienu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana ser jitħabbru fil-budgetli ġej.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma, fejn u f’liema stadju jinsabu applikazzjonijiet quddiem il-MEPA, illum il-Planning Authority, għall-bini ta' lukandi ġodda jew estensjonijiet fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 811, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet li ġew ivvalidati jew ippublikati u qegħdin quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukandi ġodda jew estensjonijiet tal-istess.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijet li ġew ivvalidati u /jew ippublikati u li għadhom mhux deċiżi u għandhom fil-proposta tagħhom waħda mill-kelmiet segwenti:
· Lukanda/i
· Hotel/s
Fid-dawl tal-fatt li l-lokalità tal-Mellieħa (Manikata inkluża) qed titlef b'mod allarmanti l-karatteristiċi uniċi tagħha (b'mod partikolari minħabba ħruġ ta' permessi varji bla rażan fosthom dawk għall-bini sfrenat) jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet sabiex jinbeda b'mod immedjat proċess mill-MEPA, illum il-Planning Authority u awtoritajiet oħra kompetenti sabiex jitħejja pjan ħolistiku għal din iż-żona f'Malta? Dan sabiex fil-Mellieħa u l-Manikata jigu salvagwardjati bis-serjetà l-patrimonji Nazzjonali, il-wirt storiku kif ukoll il-ġmiel naturali u ambjentali.
Response (BORG, IAN)
Mill-2013 'l hawn il-gvern approva pjan strateġiku ġdid, l-iSPED, approva linji gwida għal żvilupp f'żoni urbani, DC15, u approva numru ta’ policies oħra fosthom ir-Rural Policy and Design Guidelines, li flimkien jiffurmaw qafas ta’ politika ġdida tal-iżvilupp inkluż għaż-żona msemmija. Hemm ukoll skedat estensiv taż-żoni rurali u kostali ji jħares il-patrimonju kulturali u naturali.
Barra minn hekk il-Pjan Lokali tal-Majjistral approvat fl-2006 huwa dokument prinċipali li fuqu jkunu bbażati d-deciżjonijiet tal-awtorità u għalhekk l-iżvilupp li qed iseħħ illum huwa fil-qafas ta' policy li ġiet fis-seħħ fl-2006 u mhux riżultat ta' xi bidla fil-politika għaż-żona tal-Mellieħa.
Mellieħa – Triq il-Qortin – siġra antika tal-ħarrub imqaċċta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm permessi approvati mill-awtoritajiet konċernati sabiex "titqaċċat" siġra antika tal-ħarrub fi Triq il-Qortin fil-Mellieħa proprju nhar l-Erbgħa 28 ta' Ġunju fl-4:30pm kif juri dan ir-ritratt li qed jingħata separatament? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid liema awtorità approvat dawn il-permessi? Dan l-isfreġju sar fuq xogħol ta' Transport Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li s-siġra inkwistjoni tinsab ġo żona ta’ l-iżvilupp u għaldaqstant ma tirrikjediex permess biex titneħħa jew biex isir intervent fuqha skont ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar, 2011 (L.S. 549.64). Permess tal-ambjent għal interventi fuq din it-tip ta’ siġra huwa rekwiżit bil-liġi msemmijia meta tkun tinsab f’żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) u barra miż-żona tal-Iżvilupp (ODZ).
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — postijiet għall-programm tal-Festival Internazzjonali tan-Nar
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar hux se jkunu inklużi bħala postijiet li fihom issir waħda mill-attivitajiet relatati mal-programm tal-Festival Internazzjonali tan-Nar li jmiss jiġi organizzat f'pajjiżna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li t-tim organiżżattiv tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jistabbilixxi l-lokalitajiet fejn ser ikun jittella’ l-festival billi jittieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti kollha loġistiċi kif ukoll l-aspetti ta’ saħħa u sigurta’. Diskussjonijiet dwar il-Festival tas-sena d-dieħla għadhom se jibdew.