Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żona tal-Aħrax u l-Miżieb – vandaliżmu fuq siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju mill-ammont ta' vandaliżmu fuq siġar li qiegħed dejjem jiżdied fiż-żoni tal-Aħrax limiti tal-Mellieħa kif ukoll fil-Miżieb u jekk jistax jgħid x'qed isir biex dan il-vandaliżmu jiġi kkontrollat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru ġie notifikat bil-vandaliżmu u l-ħsarat li saru riċentament ġewwa l-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieha. Dawn iż-żoni huma amministrati mill-FKNK u qed isiru diskussjonijiet biex il-Ministeru jkun jista’ jassisti fejn ikun hemm bżonn.

Afforestazzjoni tal-Aħrax il-Mellieħa u ż-Żona tal-Miżieb – siġar mejta jew fi stat ħażin

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux konxju mill-fatt li fl-afforestazzjoni li hemm fl-Aħrax il-Mellieħa u fiż-żona tal-Miżieb hemm numru konsiderevoli ta' siġar mejta jew fi stat ħażin ħafna? X'miżuri qed jieħu l-Gvern sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata u tieqaf milli tkompli sseħħ u fl-istess waqt jitħawwlu siġar ġodda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’ żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2484, minn stħarriġ li jwettaq biex jissorvelja l-preżenza ta’ organiżmu ta’ ħsara għall-pjanti, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ma identifika l-ebda pesti fiż-żona tal-Mellieħa li jista’ jikkawża l-mewt ta’ siġar ta’ afforestazzjoni. Id-Direttorat ikkonċernat ser ikompli bil-programm ta’ sorveljanza u jieħu l-passi neċessarji f’ każ li jkun identifikat xi organiżmu ta’ ħsara.

Kunsill Lokali Mellieħa — Triq li tagħti mill-Mellieħa għall-Manikata – sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li jinħtieġ li jsiru mill-Kunsill Lokali Mellieħa fit-triq li tagħti mill-Mellieħa għall-Manikata jsiru mill-aktar fis, anke minħabba l-fatt li dan in-nuqqas jista' jkun il-kaġun ta' inċidenti tat-traffiku u inkonvenjent bla bżonn għas-sewwieqa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ma jidhirlux li hemm sinjali tat-traffiku eżistenti fi Triq il-Mellieħa li jeħtieġu manutenzjoni, jew li jiżdiedu oħrajn ġodda. In vista ta’ dan, l-Onorevoli interpellant huwa mitlub li jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Kunsill Lokali Mellieħa – proġetti kapitali/infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema proġetti kapitali/infrastrutturali mistennija jsiru mill-Kunsill Lokali Mellieħa matul is-sena 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-proġetti li qed jippjana li jwettaq matul l-2018 huma mnizzlin hawn taħt. Intant id-diskussjoni dwar il-proġetti kapitali għall-2018 għadha ma’ ġietx konkluża, u għaldaqstant jista’ ikun hemm xi tibdil f’dan ix-xogħol. Lista ta’ proġetti pjanati għall-2018: - - Resurfacing tal-parti t’isfel ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier - - Restawr tal-Batterija ta’ Westreme u titjib fil-Mużew tat-Tunnara - - Pavimentar u xogħlijiet anċillari fi Triq l-Inkurunazzjoni - - Tisbiħ tat-taraġ fi Triq il-Mitħna l-Qadima u Triq Sant’ Anna - - Bdil ta’ bandli u rubberized flooring fi Ġnien Dun Anton Debono, Ġnien il-Qigħan u fi Ġnien tas-Salib - - Tieni fażi tat-tisbieħ tat-taraġ ta’ Triq San Publiju

Mellieħa – Mużew tat-Tunnara – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jitlesta x-xogħol ta' manutenzjoni/restawr li hemm għaddej jew li ser jibda fuq il-Mużew tat-Tunnara fil-Mellieħa, kemm hu stmat li ser ikun sewa x-xogħol ġaladarba jkun lest u kemm mill-ispiża finali ser ikun qed jagħmel tajjeb għaliha l-Kunsill Lokali Mellieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-pożizzjoni għadha l-istess, fis-sens li l-Kunsill issottometta talba għall-finanzjament sabiex isir ir-restawr tal-Batterija ta’ Westreme, flimkien ma’ titjib fil-Mużew tat-Tunnara li hemm fl-istess batterja. Din it-talba saret taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Priority Axis 5. Il-proġett huwa stmat li jiswa €460,050, li 20% minnhom jeħtieġ jiġu koperti mill-fondi tal-Kunsill.

Skemi mill-Gvern li mistennija joħorġu għall-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm u liema skemi mill-Gvern mistennija joħorġu għall-Kunsilli Lokali matul l-2018 u jekk hux ser ikunu kollha eleġibbli għall-Kunsilli kemm dawk f'Malta kif ukoll dawk f'Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Monti ta’ Marsaxlokk – bejjiegħa tal-monti — ftehim

Question

Fid-dawl li xhur ilu l-bejjiegħa li jarmaw kull nhar ta’ Ħadd fil-Monti ta’ Marsaxlokk, kienu ffirmaw kuntratt wara li daħlu fi ftehim mal-Kunsill Lokali Marsaxlokk biex jagħtu posthom lill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitħallsu, peress li dawn il-bejjiegħa kellhom jitħallsu wara li jiġi ffirmat il-kuntratt, liema ħlas s’issa għadu ma sarx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li għadhom ma ġewx iffirmati l-ebda kuntratti. Sa issa kienet iffirmata dikjarazzjoni minn kull bejjiegħ biex juri nteress li jirrinunzja il-posta tiegħu. F'dan l-istadju infurmat li qed isir xogħol mill-Ministeru tat-Turiżmu, il-Ministeru tal-Enerġija u l-Ilma, u l-Ministeru tal-Ekonomija, li flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk qed iħejju d-dokument tal-kuntratt biex eventwalment jiġu ffirmati l-imsemmija kuntratti u jinħargu l-pagamenti dovuti mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Ilma.

Marsaxlokk – In-Naħa tal-Magħluq — xogħlijiet fuq ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet fuq il-ġnien li se jinbena f’Marsaxlokk, preċiżament fin-naħa tal-Magħluq?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Għases Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar – rapporti relatati ma’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti relatati ma' vjolenza domestika fl-Għases tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar fis-snin 2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 b'mod separat lokalità b'lokalità, sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ ka¿ijiet ta’ Vjolenza Domestika rrapurtati lill-pulizija mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba – rapporti ta’ serq reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu r-rapporti ta' serq li ġew reġistrati/irrappurtati fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar / Qawra / Buġibba fl-2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 u jagħti din l-istatistika b'mod separat, lokalità b'lokalità u sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ rapporti ta’ serq fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral – vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni (b'mod separat) saru u kemm ittieħdu passi kontra individwi li wettqu vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral sena b'sena bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2014 u sal-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena il-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE għamlu l-ispezzjonijiet kif indikati fit-tabella t'hawn taħt minħabba vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Persuna waħda ittieħdu passi kontra tagħha minħabba reati relatati. Barra minn dan il-Pulizija tal-RIU jagħmlu ronda erbgħa u għoxrin siegħa kuljum mal-gżira kollha u dawn jinkludu l-area tal-Mellieħa fejn hemm l-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Fost spezzjonijiet oħra dawn ikopru dawk relatati ma’ din i-mistoqsija'. Inspections- Aħrax, il-Miżieb, & Park Majjistral fuq vandaliżmu ta' siġar u ħitan 2014 2015 2016 2017 Spezzjonijiet 24 19 18 14 Persuni mressqa l-Qorti 1 Nil Nil nil

Tmexxija tal-Park tal-Majjistral – għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral sena b'sena, bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral skond l-ftehim stabilit taħt LN 251 ta 2007 min Jannar 2014 u Ottubru 2017 kien ta €279,502.75

Telgħa ta’ Selmun – bozoz fuq l-arbli

Question

Peress li f’dawn l-aħħar jiem, numru ta’ bozoz fuq l-arbli li hemm fit-triq arterjali magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Selmun limiti tal-Mellieħa kienu mitfija jew maqtugħa, jista’ l-Ministru jara li dan in-nuqqas jiġi rranġat mill-aktar fis possibbli peress li qed jikkawża inkonvenjent u periklu għas-sewwieqa li jkunu qed jagħmlu użu minn din l-istess triq fil-ħinijiet ta’ filgħaxija anke minħabba l-ammont ta’ ħofor li fiha l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-manutenzjoni fuq l-arbli tad-dawl msemmija saret fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn bl-assistenza ta’ wardens, impjegati tal-Enemalta rranġaw ħsara fuq il-linja u anke biddlu lampi maħruqa li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-kumpanija.

Advisory Board tal-Fostering — inkjesta

Question

Wara li l-Ministru kien stqarr li l-inkjesta li kien sar referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 1674 dwar l-Advisory Board tal-Fostering filfatt kienet tlestiet u li qiegħda fi stadju li jiġi kkompilat ir-rapport tal-istess inkjesta, jista’ l-Ministru jpoġġi dan l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Imħallef li qed jikkonduċi l-inkjesta li x-xoghol fuq ir-rapport ghadu ghaddej.

Għassa tal-Mellieħa — karozzi

Question

Wara li għal numru ta’ ġimgħat (tal-inqas tliet ġimgħat) matul ix-xahar ta’ Ottubru, l-Għassa tal-Mellieħa spiċċat bla karozza u dan ħoloq inkonvenjent għall-pulizija sabiex jaqdu d-doveri tagħhom kif inhu sewwa u xieraq, jista’ l-Ministru jara kif jista’ jirrimedja din is-sitwazzjoni u jara li f’każijiet simili fil-futur, dan id-dewmien ma jerġax iseħħ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-vettura li tintuża mill-Għassa tal-Mellieħa, reġgħet ġiet irritornata fid-distrett wara li sarulha t-tiswijiet meħtieġa, fid-9 ta' Novembru 2017, malli l-parts li kienu meħtieġa għat-tiswija tagħha waslu. Infurmat illi matul il-perjodu li fiha kienet qed tissewwa l-vettura, dan id-Diviżjon kien jagħmel użu minn vetturi allokati lill-Għassa tal-Qawra. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, it-Taqsima fil-Korp responsabbli għat-tiswijiet ta' vetturi, tagħmel minn kollox biex vetturi bil-ħsara jitlestew bla dewmien, anke meta hemm ammont kbir ta' vetturi li jintużaw mill-Korp, u tagħmel dak kollu possibli biex tara li jkun hemm vetturi spare għall-użu f'każ ta' ħsarat ta' vetturi oħra tas-servizz.

In-Naxxar – proġett fil-kumpless tal-Fieri fin-Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti jew dokumenti pubbliċi oħra relatati dwar proġett li hemm il-ħsieb li jinbena fiż-żona (sit) ta' fejn hemm il-kumpless tal-Fieri fin-Naxxar? Fuq l-istess proġett, jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet konċernati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija konxja ta’ din is-sitwazzjoni u qed jiġi analizzat l-aħjar mod kif din il-problema tista’ tiġi ndirizzata.

Awtorità tat-Trasport – sitwazzjoni tal-Pont tal-Mistra

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tat-Trasport tirrimedja b'urġenza s-sitwazzjoni tal-Pont tal-Mistra li kompliet tiddeterjora speċjalment wara l-maltemp li seħħ fl-aħħar jiem peress li kull ġurnata li tgħaddi kull min jagħmel użu minn dan il-pont qed jinnota li l-periklu qed dejjem jiżdied?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif fuq il-pont bħala parti minn programm ta’ analizi u manteniment tal-istruttura li qed torganizza Transport Malta. Il-post qed jiġi spezzjonat minn esperti.

Triq li tagħti mill-promenade tax-Xemxija sal-Knisja tax-Xemxija – rranġar ta’ Triq

Question

Peress li bix-xita li għamlet fl-aħħar jiem il-kundizzjoni u l-istat tat-triq li tagħti mill-promenade tax-Xemxija sal-Knisja tax-Xemxija kompla jiddeterjora, jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità tat-Trasport sabiex b'mod immedjat isir xogħol u t-tiswijiet meħtieġa kif titlob is-sengħa, sabiex jiġu evitati perikli għas-sewwieqa u ħsarat bla bżonn għall-vetturi li jgħaddu minn din iż-żona?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir studju ta’ upgrading ta’din it triq imsemmija.

Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – apparat biex jitkejjel il-livell ta’ emissjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1675 dwar apparat biex jitkejjel il-livell ta' emissjonijiet fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa u ġaladarba dan l-apparat (passive diffusive tube) għadu qed jintuża, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati li ħarġu mill-kejl li tkejjel bejn Jannar 2014 u Settembru 2017 (xahar b'xahar)?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.