Mellieħa – Ċentru ta’ Matul il-Jum – lezzjonijiet tal-Aerobics u Thai Chi
Question
Jista’ l-Ministru jara li t-tnaqqis li sofrew l-anzjani Melliħin li jattendu fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum (Day Centre) b'rabta mal-ġranet li matulhom kienu jipprattikaw l-Aerobics u t-Thai Chi jerġgħu lura għall-istess ammont ta' ġranet li kellhom sa ftit ġimgħat ilu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, għaddej ix-xogħol sabiex l-affarijiet jerġgħu lura għal kif kienu qabel.
Mellieħa – bini ta’ lukandi/appartamenti – laqgħat ta’ konsultazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru laqgħat ta’ konsultazzjonijiet mill-MEPA mal-pubbliku inġenerali li ovvjament ikun jinkludi wkoll ir-residenti Melliħin dwar proġetti li l-applikazzjoni tagħhom jinsabu quddiem il-MEPA u li jittrattaw bini ta’ lukandi u lukanda/appartamenti fil-Pjazza tal-Mellieħa kif ukoll fid-daħla tal-Mellieħa minn Triq il-Kbira rispettivament?
Response (BORG, IAN)
Il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar applikazzjonijiet ta’ żvilupp hija speċifikata fl-Att u fl-Avviż Legali li dejjem tiġi segwita mill-Awtorita f’kull applikazzjoni ta żvilupp.
Triq arterjali mix-Xemxija sat-Telgħa ta’ Selmun – xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru b'mod immedjat jara li jibdew xogħlijiet ta' bini mill-ġdid inkella jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa (anke jekk temporanji) li hemm bżonn isiru fit-triq arterjali li tagħti mix-Xemxija sat-Telgħa ta' Selmun li tinkludi wkoll il-Pont tal-Mistra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma sabiex isir titjib fit-toroq indikati diġa bdiet diversi xhur ilu. Filfatt, filwaqt li f'parti minn din ir-rotta għaddej xogħol ta' bini mill-ġdid ta' parti mit-triq, għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati dwar xogħlijiet oħra li jeħtieġ isiru fil-kumplament ta' din ir-rotta.
Bħalissa qed isiru wkoll testijiet tekniċi f'partijiet mill-infrastruttura ta' dawn it-toroq sabiex jiġu ffinalizzati r-rekwiżiti tal-manutenzjoni meħtieġa.
Mellieħa – Triq Lewis Wettinger u l-Qortin – traffic lights
Question
Minħabba perikli li qed jiġu kkawżati minn sewqan eċċessiv fit-toroq Lewis Wettinger u l-Qortin fil-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax/hix tikkunsidra li jsiru xi forma ta’ traffic lights?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil- Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda talba u l-anqas mhi infurmata li hemm xi perikli fit-triq imsemmija. Normalment dawn it- talbiet jigu mingħand il- Kunsilli tal-lokalitajiet rispettivi.
Ser nara li ngħaddi din l- informazzjoni lid-Dipartiment konċernat biex flimkien mal-Kunsill rispettiv jara dan l-ilment.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Għar u Casa fil-Mellieħa hijiex waħda mit-toroq li ser isiru matul l-2018 bħala parti mill-bini ta’ toroq ġodda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid liema toroq ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul is-sena 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati ma’ PC 46/13 li għaliha kien hemm referenza fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4634?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument mitlub, jigifieri PC46/13 li ġie approvat mill-Planning Authority 9 ta’ Settembru 2015 qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Ninfurmah ukoll li flimkien mall-Awtoritajiet ivverifikajt u thejjew pjanijiet sabiex dan il-bypass jibqa’ b’erba’ korsiji, tnejn kull direzzjoni.
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – anzjani – servizz ta’ home help
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li preżentament qed jingħataw is-servizz tal-home help (lokalità b’lokalità) fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ residenzi li qed jirċievu s-servizz tal-Home Help fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar huwa kif ġej :
Mellieħa 49
San Pawl il-Baħar 24
Naxxar 63
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – lista ta’ stennija għas-servizz ta’ home help
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija ta’ persuni li talbu s-servizz tal-home help (lokalità b’lokalità) fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ każijiet li qed jistennew is-servizz tal-Home Help fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar huwa kif ġej :
Servizzi ġodda approvati:
Mellieħa 1
San Pawl il-Baħar 2
Naxxar 5
Servizzi li waqfu u qed jistennew jerġa’ jibda s-servizz:
Mellieħa 9
San Pawl il-Baħar 6
Naxxar 1
Każijiet li qed jistennew biex jarahom il-bord:
Mellieħa 1
San Pawl il-Baħar 2
Naxxar 1
Każijiet li qed jistennew li jsirilhom assessment minn social worker:
Mellieħa 1
San Pawl il-Baħar 4
Naxxar 1
Każijiet li applikaw imma kellhom xi dokumenti neqsin:
Mellieħa 1
San Pawl il-Baħar 4
Naxxar 1
Total globali : 40
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-prezz li persuna kienet tħallas għas-servizz tal-meals on wheels, sena b’sena, bejn is-snin 2012 u l-2018?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prezz li persuna kienet tħallas għas-servizz tal-meals on wheels, għal kull ikla, bejn is-snin 2012 u 2018 huwa kif ġej :
2012 - €2.21
2013 - €2.21
2014 - €2.21
2015 - €2.21
2016 - €2.21 (mit-3 ta’ Novembru 2016 l-prezz għal meals on wheels sar €2.20)
2017 - €2.20
2018 - €2.20
Jista' l-Ministru jara li n-nuqqas ta' vettura tal-pulizija fl-għassa tal-Mellieħa tiġi riżolta darba għal dejjem peress li jirriżulta li wara li din l-għassa kienet ilha ġimgħat bla karozza, wara biss jumejn li ngħatat lura, fl-aħħar jiem, il-lokalità tal-Mellieħa reġgħet spiċċat bla karozza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi waqt li jsir dak kollu possibbli biex problemi mekkaniċi u tekniċi fil-vetturi tal-pulizja jiġu indirizzati malajr, ċerti ħsarat huma inevitabbli u ma jistgħux jiġu antiċipati, kif ġara fil-każ tal-vettura għal-lokalità tal-Mellieħa. Infurmat illi l-istess vettura ġiet irritornata wara li problemi ġew solvuti.
Jista’ l-Ministru jara min hu responsabbli sabiex jiġu nstallati 12-il bus shelter li hemm nieqsa minn ħdejn il-grawnd tal-futbol ta’ Sirens FC u tul Triq il-Kosta kollha li tinkludi wkoll il-viċinanzi taż-żona residenzjali fis-Salini? (Din id-domanda ilhi nagħmilha għal aktar minn sentejn).
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament ġie identifikat il-kuntrattur il-ġdid inkarigat mill-installazzjoni tal-bus shelters ġodda f'diversi lokalitajjiet f'Malta u Għawdex fuq in-network tat-trasport pubbliku. Fost dawn hemm dawk fi Triq il-Kosta li jinkludu il-bus shelters li hemm referenza għalihom f'din il-mistoqsija.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm saru ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid liema kienu l-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq, min inħatar fihom, u x’inhuma r-responsabilitajiet marbuta ma’ kull ħatra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm mill-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq saru b’sejħa b’applikazzjoni u kemm saru b’mod dirett?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid x’inhuma l-pakketti finanzjarji u benefiċċji oħra marbuta ma’ kull ħatra fil-gradi minn Manager ‘il fuq?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
In-Naxxar – Ċentru tal-Fieri – Traffic Impact Assessment, Environmental Impact Assessment u Social Impact Assessment
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sarux jew jekk hux se jintalab li jsiru Traffic Impact Assessment, Environmental Impact Assessment u Social Impact Assessment fuq il-proġett li hu intenzjonat li jsir flok dak li sal-lum hu magħruf bħala ċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar, liema proġett se jkun qed ifisser żieda ta’ madwar 500 unit residenzjali fil-lokalità tan-Naxxar? Jekk dawn l-istudji saru, jista’ jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
L-Onor. Interpellant, skond ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, qiegħed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA2284/16 li qiegħdha fi stadju avvanzat ta' konsultazzjoni quddiem l-istess Awtorità tal-ippjanar. Infurmat li ġie mitlub Transport Impact Assessment kif ukoll Project Description Statement liema studji huma meħtieġa għall-ipprocessar komplut f' dak li hu Trasport u Ambjent.
L-ipprocessar tal-applikazzjoni preżentament qiegħed sospiż jistenna informazzjoni meħtiega.
Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar — arresti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-arresti/u jew il-persuni li ttelgħu l-Qorti, sena b’sena bejn l-2013 u l-2017, mill-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar fuq reati li jirrigwardjaw :
Storbju
Ġlied
Droga
Vjolenza Domestika, u
Serq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar persuni arrestati u dawk li ttelgħu l-Qorti mill-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar matul is-snin 2013 sa 2017 fuq storbju, ġlied, droga, vjolenza domestika, u serq, ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata kif mitluba u għalhekk mhux possibbli li din l-informazzjoni tingħata.
Vjolenza domestika — Rapporti li saru lill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika li saru mal-Pulizija, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ rapport ta’ reati dwar vjolenza domestika, irreġistrati mill-pulizija fis-sistema kompjuterizzata, għall-perjodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2017, kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.