Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mellieħa – żona Ta’ Masrija — dokumenti

Question

B'referenza għaż-żona Ta' Masrija fil-Mellieħa, li tinkludi wkoll is-service road li “ttieħdet” fl-aħħar xhur mill-bypass tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat (inkluż korrispondenza li għaddiet bejn TM u l-MEPA) mal-applikazzjoni PC 42/15, kif ukoll dokumenti relatati mal-applikazzjoni tal-MEPAPA 4811/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bypass tal-Mellieħa – service road – varjazzjoni fil-veloċità

Question

B'referenza għas-service road li saret fil-bypass tal-Mellieħa, liema service road "ittieħdet" mill-istess bypass, jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun il-veloċità massima permessa tul l-istess bypass kollha u jekk hux ser ikun hemm varjazzjoni fil-veloċità permessa fil-parti ta' fejn sar il-ħajt ta' fejn illum saret is-service road li “ttieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa? U jekk ser ikun hemm varjazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser tkun din il-varjazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-veloċità massima tal-Bypass tal-Mellieha se tkun ta’ 60km/h. Dan ukoll minħabba l-fatt li mhux rakkomandabbli veloċità massima ta’ aktar minn 60km/h fejn ikun hemm cycle lane. Ninfurmah ukoll li fil-parti tranżitorja fejn hemm aċċess għaż-żona residenzjali u fejn hemm cycle lane li tgħaddi minn ġol-inkroċju, il-veloċità massima ġiet imnaqqsa għal 40km/h u wkoll li tali parti tranżitorja se tkun mgħammra b’miżuri tas-sigurtà.

Mellieħa – service road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġejja wiesa’ s-service road li saret fiż-żona magħrufa bħala Ta' Masrija fil-Mellieħa li din l-istess service road tmiss mal-bypass tal-Mellieħa kif ukoll jekk hux ser ikun hemm bankina fl-istess service road (liema service road “ittieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa)?

Response (BORG, IAN)

L-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħala Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’ċens temporanju ghal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa. Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jkun hemm bankina fuq naħa waħda, filwaqt li t-triq inkluż il-bankina ser tkun wiesgħa 6.2 metri.

Bypass tal-Mellieħa – bike lane

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-parti fejn inbena l-ħajt minn fejn "ittieħdet" parti mill-bypass tal-Mellieħa sabiex setgħet isir is-service road, hux ser tiġi interrotta l-bike lane li suppost ser issir tul il-bypass tal-Mellieħa, u jekk l-istess parti tal-bike lane hijiex ser tkun inserita fl-istess service road?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bike lane mhux sa tkun qed tiġi interrotta, iżda ser tkun qed tgħaddi minn ġo l-istess service road.

Bypass Mellieħa – service road

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid, jekk is-service road in kwistjoni kenitx oriġinarjament tifforma parti mill-art li l-istess żviluppatur għandu b'ċens temporanju u għaldaqstant taqa' fil-konfini tal-istess art jew jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx lill-istess żviluppatur parti minn art pubblika oltre l-konfini tal-art tiegħu, u dan sabiex jaqdi l-interessi privati tal-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4845 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid liema kienu l-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq, min inħatar fihom, u x’inhuma r-responsabilitajiet marbuta ma’ kull ħatra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4846 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm mill-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq saru b’sejħa b’applikazzjoni u kemm saru b’mod dirett?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul il-perjodu msemmi kien hemm, 24 ħatra li saru permezz ta’ sejħa pubblika skont il-proċeduri stabbiliti, ħatra li saret mill-Bord tad-Diretturi, żewġ ħatriet illi kienu deployed minn entita` governattiva oħra, ħatra skont il-policy tal-Gvern rigward trejd-unjonisti u 4 ħatriet illi kienu ġew appointed.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4847 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid x’inhuma l-pakketti finanzjarji u benefiċċji oħra marbuta ma’ kull ħatra fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Avviżi Legali dwar stil ta’ ħajja sana

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5107, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema huma dawn iż-żewġ avviżi legali u jekk effettivament daħlux fis-seħħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru għas-Saħħa qegħdin jaħdmu fuq Avviż Legali dwar il-Provvista tal-Ikel fl-Iskejjel.

Triq li mill-Pont tal-Mistra tagħti għall-bajja tal-Mistra – qtugħ ta’ qasab

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5429, jista’ l-Ministru jara li l-qasab fit-triq imsemmija jinqata’, peress li dan il-qtugħ għadu ma sarx u l-periklu għadu hemm?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għas-segwitu tar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 5429, saret spezzjoni fuq is-sit fejn ittieħdu d-dettalji relatati mal-estent tal-qasab li jinsab fil-medda tat-triq li minn fuq il-pont tal-Mistra tagħti għal bajja tal-Mistra. Sar pjan biex fl-immedjat jitneħħa ammont ta’ qasab li jinsab biswit it-triq u mat-tul kollu ta din it-triq. Ħa ssir applikazzjoni biex ikun hemm permessi neċessarji biex kif jitneħħa l-qasab kollu u nkunu nistgħu nħawwlu siġar u pjanti ndiġeni adattati għal dan is-sit. Dan il-pjan huwa ntiż li jsir lejn l-aħħar tas-sajf meta jkun iktar opportun li jitħawwlu s-siġar u l-arbuxxel.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras – permessi approvati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3681 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kif approvati mill-awtoritajiet konċernati tal-proġett li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn Triq il-Marfa u Triq Dun Franġisk Sciberras?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-permess kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar - PA 02572/15 kif ipprovduti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Il-Mellieħa – Triq il-Kbira u Triq in-Nasses — pjanti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-bini tal-lukanda li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa bejn Triq il-Kbira u Triq in-Nasses? Fl-istess waqt jindika jekk kienx hemm xi forma ta' oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

L-applikazzjoni msemmija hi PA 5909/17, għadha fl-istadju ta’ Screening. L-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tistenna risposta mingħand l-ERA fir-rigward ta’ studji sottomessi mill-perit fit-18 u 25 ta’ Mejju 2018 (Air Quality Study u Noise Impact Study Report). L-ERA ġiet konsultata fil-25 ta’ Mejju 2018 u ż-żmien ta’ konsultazzjoni jagħlaq fil-25 ta’ Ġunju 2018. Fl-istadju ta’ Screening ma kien hemm ebda oġġezzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, imma ta’ min jinnota li ż-żmien uffiċjali fejn persuna/i jew entitajiet jistaw jissottomettu l-kummenti tagħhom jiskatta wara li l-applikazzjoni tkun inqalbet għal ‘Full Process’.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4844 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm saru ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu msemmi kien hemm 32 persuna, li kienu maħtura fil-gradi, minn Maniġer ‘il fuq.

Il-Mellieħa – Bypass – Service Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet valutata s-service road (kif indikata mill-Ministru stess f'risposta parlamentari 4634) li saret fil-bypass tal-Mellieħa u jekk kienx hemm ħlas dovut lid-Dipartiment tal-Artijiet u jekk kien hemm ħlas, jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħalha Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’cens temporanju għal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa.

Aġenzija Infrastruttura Malta – Toroq fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar

Question

Wara li titwaqqaf l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid liema se jkunu dawk it-toroq fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, mill-160 triq li l-Gvern se jkun qed jibni mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-160 triq li qed jirreferi għalihom ma jistgħux jinbnew “mill-ġdid” hekk kif qed jiġi indikat fil-mistoqsija, iżda jeħtieġ jinbnew għall-ewwel darba wara li tħallew mhux mibnija u asfaltati għal snin twal, taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Dawn it-toroq residenzjali baqgħu qatt ma ġew mibnija minkejja li ilhom jgħixu fihom ir-residenti għal ħafna żmien. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-ewwel snin ta’ ħidma ta’ Infrastruttura Malta ser tkun li tibni u tasfalta t-toroq kollha li Gvernijiet preċedenti qatt ma investew fihom qabel. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, biex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar- applikazzjonijiet għall-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm u fiex jikkonsistu l-applikazzjonijiet għall-bini approvati jew pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement għaż-żona ta’ fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar (biċ-ċentru indikat inkluż ukoll)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex inkunu nistgħu nirrispondu din il-mistoqsija ikollna bżonn site-plantal-post in kwistjoni.

Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar – applikazzjoni għall-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti ppreżentati b’rabta mal-proġett li ser isir minflok il-bini li qabel kien iservi bħala ċentru tal-fieri fin-Naxxar u kif ukoll jgħid fiex waslet din l-istess applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6061 tal-istess Seduta.

Awtorità tal-Ippjanar — Proġett ta’ disability hub – pjanti approvati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti approvati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar tal-proġett li oriġinarjament kien ġie msejjaħ bħala disability hub u li għandu jsir fiż-żona biswit fejn qabel kien hemm il-bini taċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-pjanti tal-proġett jinsabu fid-dominju pubbliku u huma aċċessibli mis-sit elettroniku tal-Awtorita` tal-Ippjanar, bħalma huma l-pjanti tal-proġetti l-oħra kollha, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat.