Jista’ l-Ministru jgħid min ser jerfa’ r-responsabilità għan-nuqqasijiet li saru fil-bypass tal-Mellieħa, liema nuqqasijiet ħarġu issa aktar fil-beraħ bl-ewwel xita li għamlet fejn filwaqt li kien diġà jeżisti periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għaċ-ċiklisti għall-mod ta’ kif saru l-affarijiet, issa l-istess periklu huwa ferm akbar b’riskju kbir li jseħħu inċidenti minn ħin għall-ieħor? (Nuqqasijiet oħra mhux biss mil-lat ta’ xogħol iżda wkoll għall-mod ta’ kif inbidlet il-policy fiż-żona, liema policy hija wkoll il-kaġun għal dan in-nuqqas li qed jiġi esperjenzat ta’ kuljum fiż-żona indikata minn dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq)
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżattament x’inhuma n-nuqqasijiet u perikli li qed jissemmew, u fejn jinsabu.
Kummissjoni Nazzjonali Għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità – approvazzjoni għax-xogħol fuq bankina fuq il-pont tal-Mistra
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità għax-xogħlijiet li saru reċentement minn Transport Malta fuq il-bankina li tinsab fuq iż-żewġ naħat tat-triq ta' fuq il-Pont tal-Mistra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ma tapprovax proġetti jew pjanti, iżda sservi bħala waħda mill-entitajiet illi l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsulta magħha. Għal dan il-għan, meta mitluba, hija tindika jekk għandhiex oġġezzjoni jew le għall-pjanti li jiġu sottomessi lilha.
Jista' l-Ministru jindika jekk fuq is-sit fin-Naxxar fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet mal-proġett "Reach " ( PA 04152/16) kienx hemm xi problemi relatati mal-qerda ta' speċi ta' pjanti protetti jew inkella kumplikazzjonijiet oħra li setgħu nqalgħu waqt li kien qiegħed isir tħaffir/skavar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt ix-xogħlijiet fuq is-sit tal-proġett REACH fin-Naxxar, ma kienx hemm qerda ta’ speċi protetti u lanqas kumpikazzjonijiet oħra matul il-proċess ta’ skavar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-permessi approvati u l-istudji kollha relatati mal-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?
Jista' l-Ministru jindika liema żona jew żoni fl-akkwati tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa li kienu identifikati bħala siti li fuqhom ser isir ix-xogħol sabiex ikunu allokati għal spazju ta' parkeġġ fl-istess żona?
Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti u kemm sewa x-xogħol li sar fl-aħħar xhur fuq il-Pont tal-Mistra u fl-istess waqt ipoġġi r-rapporti tal-perit fejn allura ċċertifika li l-perikli li seta kien hemm, issa ġew issorpassati?
Response (BORG, IAN)
It-tiswijiet u r-restawr tal-pont tal-Mistra, li minn fuqu tgħaddi t-triq ewlenija li twassal għall-Mellieħa u għall-port tat-trasport lejn Għawdex, inbena fl-1884, tkabbar darbtejn fis-snin għoxrin u fis-snin ħamsin, iżda tħalla mingħajr manutenzjoni meħtieġa għal għexieren ta’ snin. Wara li bdew studji dwar ix-xogħol meħtieġ biex dan il-pont jiġi rrestawrat, f’April li għadda l-esperti internazzjonali imqabbda biex jgħinu lill-periti ta’ Infrastructure Malta talbu biex parti mit-triq ta’ fuq il-pont tingħalaq mill-ewwel, minħabba l-periklu li ċċedi.
Ix-xogħol meħtieġ beda mill-ewwel, f’April stess. F’din il-ħidma, il-ħitan tal-ġenb tal-parti l-aktar antika tal-pont, li fuqha hemm il-korsija mix-Xemxija għall-Mellieħa, inħattu u nbnew mill-ġdid fuq pedamenti aktar adekwati. Dawn ix-xogħlijiet neħħew il-periklu li din il-parti tal-pont tikkrolla, u għalhekk it-triq setgħet tinfetaħ mill-ġdid.
Fl-istess waqt, il-wiċċ tat-triq tranġa b’asfalt ġdid u ġiet installata sistema ġdida ta’ crash barriers għal aktar sigurtà għal dawk li jivvjaġġaw f’din ir-rotta. Dan ix-xogħol inizjali sabiex il-pont tal-Mistra jitranġa u jissaħħaħ tlestew fi ftit ġimgħat, qabel beda s-sajf, meta din it-triq tibda tintuża ferm aktar minn ¿minijiet oħra tas-sena. Fl-istess waqt, l-istudji tekniċi dwar ir-restawr tal-kumplament tal-istruttura għadhom għaddejjin, bl-għajnuna tal-esperti tekniċi internazzjonali, sabiex ix-xogħol ikun jista’ jkompli għaddej. S’issa, investejna aktar minn €180,000 fit-tiswijiet u restawr ta’ dan il-pont. Ir-rapporti tekniċi tax-xogħlijiet li saru u tal-programm ta’ restawr u manutenzjoni kontinwa li dan il-pont jeħtieġ biex nibqgħu nużawh fis-snin li ġejjin jiġi ffinalizzat meta jintemmu l-istudji kollha.
Triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa — tarmak
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raguni li fit-triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa ngħataw biss partijiet minnha bit-tarmak meta fil-fatt jirriżulta li baqa' żoni fl-istess triq li għadhom qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa u ħsarat għall-vetturi li jgħaddu mill-istess triq minħabba l-ħofor li għadhom hemm?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7180, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li fil-passat, it-triq indikata qatt ma nbniet b’pedamenti adatattati u b’saħħithom biżżejjed biex jifilħu għad-domanda tal-istess triq. Fl-istess waqt, hemm diversi servizzi taħt il-livell tat-triq li jeħtieġ jinbidlu qabel ma’ tkun tista’ tinbena mill-ġdid bl-istess mod li qed naraw f’toroq arterjali oħra li fihom qed issir qabża ‘l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà. Filwaqt li dan ix-xogħol jinsab fil-pjanijiet futuri ta’ Infrastructure Malta, qabel is-sajf li għadda nħass il-bżonn li partijiet mit-triq jiġu rranġati b’mod temporanju waqt ħidma ta’ titjib tar-rotot li jwasslu għal postijiet popolari tas-sajf. Dan ix-xogħol sar biss f’dawk il-partijiet tar-rotta bejn il-bajja tax-Xemxija u l-Mellieħa li l-aktar li kellhom ħsarat.
Infrastructure Malta qed tkompli taħdem sabiex fiż-żmien li ġej isir aktar investiment infrastrutturali f’din it-triq u sabiex eventwalment jissolvew id-diffikultajiet ikkawżati mit-telqa u nuqqasijiet oħra tal-passat.
Jista' l-Ministru jindika preżentement lil min tgħajjat il-binja fil-Mellieħa magħrufa bħala "Ir-Razzett tax -Xjaten" u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qattx talab lid-Dipartiment tal-Artijiet biex dan is-sit jiġi devolut lilu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-propjetà magħrufa bħala "Ir-Razzett tax-Xjaten" hija mikrija għand terzi. L-Awtorità tal-Artijiet ma kellha ebda talba mingħand ebda entità għall-devoluzzjoni.
Forti Campbell fil-limiti ta’ Selmun – talbiet/interessi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet/interess minn entitajiet privati jew għaqdiet mhux governattivi lid-Dipartiment tal-Artijiet dwar il-binja magħrufa bħala Forti Campbell li tinsab fil-limiti ta' Selmun?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2010 saret talba minn għaqda non-governattiva permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport,sabiex l-inħawi ta’ Fort Campbell jintużaw bħala Airsoft Range. Fl-2014, id-Dipartiment tal-Artijiet irċieva rikjesta minn entità privata għal dettalji dwar tas-sit u dwar il-possibilità li Forti Campbell tiġi devoluta lilhom.
Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases – applikazzjoni għall-bini ta’ lukanda
Question
Jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni (PA 5909 / 17 ) ta' bini ta' lukanda u appartamenti fil-Mellieħa fiż-żona li tinsab bejn Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kienx wieħed minn dawk li formalment ressqu oġġezzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni (PA5909/17) ġiet validata fi 13 ta’ Lulju 2018 u għaddiet mill-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni fejn irriżulta li jeħtieg aktar informazzjoni kif ukoll emendi tal-pjanti. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ippjanar qegħda tistenna s-sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista’ tgħaddi għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Matul il-konsultazzjoni pubblika l-Awtorità tal-Ippjanar irċceviet erba’ rappreżentazzjonijiet li tinkludi waħda f’isem il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6482 u ċjoè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Nemmen li din il-Kamra żgur tapprezza l-fatt li din il-mistoqsija parlamentari mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli li jkun żgurat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Cutajar tinġabar kollha. Infurmat li f’kull applikazzjoni ta’ żvilupp l-ammont ta’ korrispondenza li ssir bejn uffiċjali differenti fl-awtoritajiet konċernati dejjem tkun waħda voluminuża biex ikun żgurat li l-policies kollha jkunu qed jiġu osservati. L-informazzjoni li waslitli hija li dan il-każ ma kienx b’inqas. Nispera biss li bit-talba tiegħu għal korrispondenza kollha li għaddiet bejn l-uffiċjali fiż-żewg awtoritajiet, l-Onor. Cutajar mhux qed jipprova jqajjem dubju fuq il-ħidma siewja li jagħmlu l-mijiet ta’ uffiċjali li jaħdmu fiż-żewġ awtoritajiet konċernati.
Nikkoreġi wkoll li l-Onor. Interpellant meta qal li ttieħdet xi art biex issir xi service road u nindirizzah jerġa' jaqra r-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet bin-numri 6016 u 6647.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6483 u ċjoè: B'referenza għaż-żona Ta' Masrija fil-Mellieħa, li tinkludi wkoll is-service road li “ttieħdet” fl-aħħar xhur mill-bypass tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat (inkluż korrispondenza li għaddiet bejn TM u l-MEPA) mal-applikazzjoni PC 42/15, kif ukoll dokumenti relatati mal-applikazzjoni tal-MEPA PA 4811/15?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6487 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid, jekk is-service road in kwistjoni kenitx oriġinarjament tifforma parti mill-art li l-istess żviluppatur għandu b'ċens temporanju u għaldaqstant taqa' fil-konfini tal-istess art jew jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx lill-istess żviluppatur parti minn art pubblika oltre l-konfini tal-art tiegħu, u dan sabiex jaqdi l-interessi privati tal-proġett?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art li ġiet żviluppata tifforma parti minn dik l-art deskritta fil-kuntratt tal-akkwist tal-utile dominium temporanium datat 29 ta’ Diċembru 2014, fl-Atti tan-Nutar Sam Abela u li sussegwentament għal dan, wara sejħa għall-offerti, id-dirett dominum temporanium u s-sussegwenti proprjetà ġew akkwistati permezz ta’ kuntratt fl-atti tal-istess Nutar Sam Abela datat 21/10/2016. L-art in kwistjoni tifforma parti minn art akbar oriġinarjament mogħtija b’ċens temporanju għal 150 sena, skont il-kuntratt datat 6 ta’ Ġunju 1933 tan-Nutar Calcedonio Gatt.
Kif diġà tennejt f’PQ 6016 din l-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħala Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, filwaqt li għadha suġġett għaċ-ċens temporanju għal 150 sena u qatt ma ġiet mittiefsa.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument datat is-sena 1933 u li għamel referenza għalih fl-istess tweġiba?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jindika liema se jkunu l-160 triq li Infrastruttura Malta se tkun qed tagħmel fix-xhur li ġejjin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil-l Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Ix-xogħol tal-infrastruttura tat-toroq se tiġi ppjanata b’mod gradwali meta din l-entità tiġi mwaqqfa fix-xhur li ġejjin.
Il-Mellieħa – Pulizija fi Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira
Question
Fid-dawl li wieħed jista’ jantiċipa li jseħħ xi inċident waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-Iskola Primarja tal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jara li jkun hemm pulizija/uffiċjal tal-komunità (warden) biex ikun jista’ jinforza regolamenti tat-traffiku fiż-żoni ta’ Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira, il-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal fejn l-iskola Primarja tal-Mellieħa dejjem ikun hemm uffiċjal tal-pulizija ddettaljat sabiex jagħmel school shepherding u sabiex jinforza r-regolamenti tat-traffiku fil-lokalità indikata. Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjali tal-komunità (wardens) ma jaqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali.
Il-Mellieħa – Uffiċjali tal-Komunità fi Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira
Question
Fid-dawl li wieħed jista’ jantiċipa li jseħħ xi inċident waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-Iskola Primarja tal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jara li jkun hemm pulizija/uffiċjal tal-komunità (warden) biex ikun jista’ jinforza regolamenti tat-traffiku fiż-żoni ta’ Triq Qasam Barrani u Triq il-Mitħna l-Kbira, il-Mellieħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija LESA toffri servizz regolari ta’ moniteraġġ mill-Uffiċċjali tal-Komunità mal-Iskejjel Primarji f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex u din l-iskola se tingħata l-istess servizz.