Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – dokumenti fuq il-binja devoluta tat-Torri l-Abjad

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati ma’ kull forma ta’ ftehim li sar bejn il-Gvern, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u xi entitajiet oħra relatati mal-binja devoluta tat-Torri l-Abjad bejn Ġunju 2008 u Novembru 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda u appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza relatata mal-applikazzjoni PA 5909/17 (applikazzjoni għall-bini ta’ lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa) kif ukoll mas-sit inkwistjoni li saret jew/għaddiet mill-Kunsill Lokali u ma’/ jew xi entità governattiva bejn Jannar 2009 u Novembru 2018, liema sit kien jintuża bħala Park and Ride mill-Kunsill Lokali Mellieħi għal numru ta’ snin bejn l-2009 u l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Entratura ta’ Lukanda – bċejjeċ tal-baħar sorġuti fuq il-blat viċin

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-bċejjeċ tal-baħar li hemm sorġuti fuq il-blat viċin l-entratura tal-lukanda Ramla Bay, limiti tal-Mellieħa hux qegħdin hemm bil-permessi tal-Awtoritajiet kompetenti u jekk iva, jista' l-Ministru jindika liema kienu dawn l-awtoritajiet li ħarġu dawn il-permessi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-allegazzjoni ġiet mgħoddija lil Transport Malta sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet u l-aċċertamenti neċessarji, tieħu il-passi u tirraporta lura kif hemm bżonn.

L-Aħrax – struttura tal-ġebel (lighthouse) — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-istruttura tal-ġebel (lighthouse) li hemm fiż-żona magħrufa bħala l-Aħrax, limiti bejn il-Marfa u l-Armier, fil-Mellieħa ssirilha l-manutenzjoni meħtieġa wara li kienet ġarrbet ħsarat aktar minn sentejn ilu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema struttura tal-ġebel qed jirreferi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' site plan tal-PA li turi navigation light f'dawn l-inħawi li iżda mhix struttura tal-ġebel.

Il-Mellieħa – xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol relatat mat-tqegħid tas-sistema tad-drenaġġ fiż-żona magħrufa bħala x-Xatt ta' Santa Marija fil-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ser jibdew fil-ġranet li ġejjin. Bħal issa qed isiru l-aħħar taħdidiet u ftehim mal-kuntrattur, mal-kunsill u mal-entitajiet konċernati.

Skola Primarja tal-Mellieħa – xogħlijiet fuq estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq l-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-estensjoni ta’ l-iskola primarja tal-Mellieħa jkun jista’ jibda la darba jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar u kif jiġu allokati t-tenders lill-kuntratturi ta’ l-iskavar u kostruzzjoni.

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u jindika kemm minnhom huma ħaddiema impjegati mal-Gvern u kemm ħaddiema impjegati mal-kuntrattur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm 54 uffiċjal ħaddiema tad-Diviżjoni u 6 tal-kuntrattur.

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali – ħaddiema li qegħdin bil-family friendly measures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u li preżentement (sad-data ta' meta qed titressaq din id-domanda) qegħdin bil-family friendly measures u fl-istess risposta jindika x'tip ta' family measures huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għandha jaħdmu magħha, 54 uffiċjali. L-uffiċjali bil-family friendly measures jammontaw għal 29 persuna. It-tip ta’ family measures huma kif ġej: Flexitime – 15-il uffiċjal; Telework – 4 uffiċjali; Telework u Flexitime – 10 uffiċjali.

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali – ħaddiema li qegħdin bil-family friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista (mingħajr ismijiet) ta' kemm-il persuna u kif kienu approvati l-family friendly measures bejn Jannar 2014 u Ottubru 2018 (sena sena)?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Naxxar — Triq Leli Falzon – ħsara strutturali

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħsara strutturali li hemm fit-tarf ta' Triq Leli Falzon kantuniera ma' Triq il-Forga, fin-Naxxar tiġi mistħarrġa mill-awtorità kompetenti biex possibbilment l-inkonvenjent kbir li sofrew numru ta' residenti fir-residenzi tagħhom wara x-xita li għamlet fl-aħħar ġimgħat, ma terġax tiġri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-awtoritá kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq huwa l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Din l-entità ġiet mgħarrfa bid-diffikultà indikata. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 fost it-toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Naxxar – Triq Leli Falzon – rilokazzjoni tal-bus stop

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ittiħditx id-deċiżjoni li l-bus stop li hemm fit-tarf ta' Triq Leli Falzon kantuniera ma' Triq il-Forga fin-Naxxar, jiġi rilokat aktar ‘l isfel għal Triq il-Kbira biswit l-istess Triq Leli Falzon?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bus stop bl-isem “Stivala” li fil-prezent jinstab fi Triq il-Kbira, kantuniera ma’ Triq il-Forġa ħa jkun qed jiġi relokat ftit metri l-isfel fi Triq il-Kbira. Infurmat ukoll li Transport Malta applikat u kisbet permess minn ghand l-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex tinstalla bus shelter fuq dan il-bus stop.

Salini – Triq il-kosta – bus stops

Question

Jista' l-Ministru jara li l-periklu li tħalla fuq numru ta' bus stops tul Triq il-Kosta fis-Salini jiġi rimedjat b'mod immedjat? Dan wara li ammont ta' terrapin, ktajjen, ħofor imħaffra fuq il-bankini u saħansitra inġenji tħallew fuq l-istess bankini għal aktar minn għaxart ijiem b'detriment u b'periklu għal min jagħmel użu minn dawn l-istess bus stops? Dan apparti li dan ix-xogħol, ikkummissjonat minn Transport Malta, u li ma kienx imwettaq kif titlob is-sengħa, fisser li għall-pubbliku inġenerali li jagħmel użu minn dawn il-bus stops kien kważi unanimament impossibbli li seta’ jagħmel użu minnhom fl-aħħar għaxart ijiem kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-preżent qed isiru xogħolijiet ta’ preparament f’diversi partijiet ta’ Triq il-Kosta sabiex jkunu jistu jitwaħħlu numru ta’ bus shelters ġodda matul din it-triq. Dan huma works in progress hekk kif jixhdu r-ritratti stess li ppreżenta l-Onorevoli Interpellant ma’ din il-mistoqsija parlamentari fejn fir-ritratti Salini -Triq il-Kosta – bus stop pic 1 kif ukoll pic 3 jindikaw l-istess sit, fuq bus stop “Ghasfur” f’fażijiet differenti tax-xogħol. Filwaqt li napprezzaw li sabiex isiru ix-xogħolijiet meħtiega jkun qed jinħoloq ċertu inkonvenjent għall-pubbliku li jkun irid juża dawn il-bus stops, ir-ritratti li ppreżenta l-Onorevoli Interpellant jixhdu li hemm spazju adekwat fejn persuna tkun tista tagħmel użu minn dawn il-bus stops. Infurmat ukoll li nġibdet l-attenzjoni tal-kuntrattur li qed iwettaq dawn ix-xogħolijiet sabiex jiżgura li s-siti ma jkunux ta’ periklu għal dawk li jkunu qed jużaw dawn il-bankini.

Infrastruttura Malta — toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema se jkunu l-160 triq li Infrastruttura Malta se tkun qed tagħmel fix-xhur li ġejjin, liema ammont saret referenza għalih minn diversi esponenti tal-Gvern inkluż l-istess Ministru responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Jekk l-Onor. Cutajar qed jirreferi għall-akbar sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid ta’ toroq li qatt ħarġet f’Malta, u li ħabbarna u tkellimna dwarha fil-ġimgħat li għaddew, it-tagħrif mitlub jinsab fil-mezzi tal-media u media soċjali u jista’ faċilment jinkiseb mill-artikli ppubblikati. L-istess tagħrif jinsab ukoll f’aktar dettal fid-dokument pubbliku tas-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa biex is-sena d-dieħla jitwettaq dan l-akbar investiment ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt sar f’pajjiżna. It-tagħrif mitlub jinsab f’din il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Skola Primarja Mellieħa – dewmien fit-trasport

Question

Jista’ l-Ministru jara li n-nuqqasijiet li hemm bħalissa fit-trasport tat-tfal li jattendu l-iSkola Primarja tal-Mellieħa relatati mad-dewmien biex jitwasslu lura d-dar, jiġu solvuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mas-service provider biex jara li n-nuqqasijiet li hemm relatati mad-dewmien jiġu indirizzati u eliminati.
Leg 13 PQ #7191 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Palazz ta’ Selmun

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux ser jikkunsidra li l-Palazz ta' Selmun ikun mogħti lura lill-poplu Malti anke possibbilment b'devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7190.
Leg 13 PQ #7192 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Palazz ta’ Selmun – rapporti minn nies tekniċi

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fl-aħħar sentejn sarux rapporti minn persuni tekniċi, bħal periti dwar l-istat li jinsab fih il-Palazz ta' Selmun u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-istess rapporti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5417.

Bypass tal-Mellieħa — bozoz

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ammont ta' bozoz maqtugħin/mitfija li hemm fil-Bypass tal-Mellieħa minn ħdejn il-Pompa tal-Petrol li tinsab fi Triq Qasam Barrani sat-tarf tal-bypass, direzzjoni lejn l-Għadira, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Telgħa ta’ Selmun – żbir ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li s-siġar u l-għeruq tagħhom li hemm fit-Telgħa ta' Selmun direzzjoni lejn il-Mellieħa, issirilhom iż-żabra jew interventi oħra li għandhom bżonn peress li preżentement jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sewwieqa li jkunu qed jagħmlu użu mill-istess triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-22 t’Awwissu sar intervent ta żbir ġewwa t-Telgħa ta’ Selmun fejn inżabru numru ta’ siġar. Dan il-proċess isir bi programm ta’ xogħlijiet li għandu l-ELC għal din iż-żona u taħt d-direzzjoni u superviżjoni tal-MELP (Monitoring Environment Landscape Projects). Rigward is-sigurtà fit-toroq, l-Onor. Interpellant għandu jirefferi l-Mistoqsija lil-Ministeru kkonċernat.

Naxxar – applikazzjoni għall-bini ta’ appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' bini ta' appartamenti u aktar (PA 2284/16) fiż-żona ta' fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ipprocessar tal-applikazzjoni (PA5909/17) preżentament qiegħed sospiż jistenna nformazzjoni meħtiega f’dawk li huma emendi ta’ pjanti kif ukoll kompilazzjoni ta’ studji neċessarji. Matul il-konsultazzjoni pubblika l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar irċeviet 37-il rappreżentazzjoni.