Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-Anzjani — awtorità li tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx imwaqqfa l-awtorità li kellha tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards fid-Djar tal-Anzjani mmexxiha mill-Gvern u l-privat? Jekk iva jista’ jgħid minn min qed titmexxa din l-awtorità? It-twaqqif ta’ din l-awtorità kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani.

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Mejju 2018 ġiet imwaqqfa l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, skont l-Att Numru XV tal-2018. L-Att illi waqqaf din l-Awtorità, issostitwixxa żewġ Atti oħra, jiġifieri, l-Att dwar l-Awtorità dwar l-iStandards tal-Kura, 2015 u l-Att dwar l-Awtorità għal-Djar għal Persuni Anzjani (Standards ta’ Kwalità fil-Kura), 2016, illi ġew proposti matul il-leġiżlatura preċedenti, iżda li ma ġewx konklużi. B’hekk l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li hija mmexxija mis-Sur Matthew Vella, hija l- Awtorità li qed tirregolla s-settur kollu ta’ Ħarsien Soċjali li jinkludi wkoll id-Djar tal-Anzjani.

Residenza San Vinċenz de Paul — standards tad-Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul hux qed jiġu mħarrsa u mwettqa d-39 standard minimi għad-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Gvern u l-privat li suppost kienu nqasmu f’seba’ taqsimiet differenti kif kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa u li kienu tressqu anke quddiem il-Parlament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlementari 8419.

Il-Mellieħa — servizz ta' home help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-Mellieħa hemm anzjani li jew ilhom xhur jistennew is-servizz tal-home help inkella anzjani oħra li kienu qed jingħataw dan is-servizz u twaqqfilhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan huwa minħabba d-domanda kbira li hawn għas-servizz tal-home help, liema sitwazzjoni qed tiġi ndirizzata.

Triq li tagħti mix-Xemxija għal San Pawl il-Baħar — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq li tagħti mix-Xemxija għal San Pawl il-Baħar isirilha l-manutenzjonijiet meħtieġa, peress li qed ikun irrappurtat b'mod regolari inkonvenjenza lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li partijiet sostanzjali mit-triq indikata diġà sarulhom tiswijiet estensivi qabel is-sajf 2018. Infrastruttura Malta se tkompli t-tiswijiet ta’ din it-triq fiż-żmien li ġej. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

In-Naxxar – Triq San Pawl – speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq San Pawl fin-Naxxar hiex se ssir speed camera? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid fuq liema raġunijiet/studji din se ssir u jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali Naxxari ġiex ikkonsultat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux se jkun hemm speed camera fi triq San Pawl in-Naxxar u għalhekk ma kienx ikkonsultat il-Kunsill Lokali.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger — tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li tappiera fi Triq Lewis Wettinger (Mellieħa bypass) issirilha l-manutenzjoni meħtieġa, sabiex jieqaf l-inkonvenjent li qed toħloq lir-residenti tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastruttura Malta qed titkellem mal-entitajiet tas-servizzi li jinqdew bl-infrastruttura indikata biex jaċċessaw in-networks tagħhom taħt it-triq indikata, ħalli jirranġaw din id-diffikultà mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Il-Pont tal-Mistra – parti ta’ triq li qed iżżomm l-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jara li l-parti tat-triq (viċin il-bus stop) fuq il-Pont tal-Mistra li qed iżżomm l-ilma tax-xita, bil-konsegwenza li qed jinħoloq inkonvenjent għax-xufiera li jgħaddu minnha kif ukoll lil dawk il-persuni li jkunu qed jistennew is-servizz tat-trasport pubbliku, isirilha l-manutenzjoni meħtieġa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pont indikat kien ilu fi stat ta’ telqa mingħajr ebda tiswijiet jew manutenzjoni għal għexieren ta’ snin. Madankollu, s-sena li għaddiet id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, u eventwalment Infrastructure Malta wettqu studji tekniċi dwar il-qagħda ta’ din l-infrastruttura u eventwalment lestew ukoll xogħlijiet estensivi ta’ tiswija u tisħiħ biex il-pont ma jibqax f’periklu li jiġġarraf. Bħala parti minn ħidma separata biex jitjiebu t-toroq li jagħtu għax-xtajtiet u għaż-żoni turistiċi, qabel is-sajf li għadda sar ukoll xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni biex titjieb il-kwalità tat-triq li għaddejja minn fuqu, kif ukoll tat-Telgħa tax-Xemxija u t-Telgħa ta’ Selmun. Id-diffikultà ta’ ilma tax-xita indikata, fl-inħawi tal-istess pont, ġiet identifikata s-sena li għaddiet u dalwaqt ser jibdew xogħlijiet biex tinbena sistema ġdida ta’ kanali u spralli għall-ġbir tal-ilma li jaqa’ fuq wiċċ it-triq. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Il-Mellieħa – proċess tal-applikazzjoni għal Kamra tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni (PA 05985/09) għall-permess ta' kamra tan-nar fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-applikazzjoni tal-kamra tan-nar tal-Mellieħa ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni tal-Bord tal-Ippjanar fil-15 ta’ Jannar, 2019. L-applikazzjoni se tinstema’ quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar fil-11 ta’ Lulju, 2019 għal kontinwazzjoni.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda

Question

Jista' l-Ministru jindika fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni (PA 5909/17) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar b'rabta mal-binja ta' lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa preċiżament bejn Triq in-Nases u Triq il-Fortizza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li b’referenza għall-applikazjoni PA5909/17, l-istess Awtorità qiegħda tistenna aktar dettalji fil-forma ta’ ‘visuals’ biex b’hekk ikun jista’ jsir studju komplut tal-impatt viżwali li hija l-aħħar fażi tal-proċess.

Awtorità tal-Ippjanar – talba għal għoli u sulari ta’ lukanda u appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi t-talba għall-għoli/sulari tal-lukanda u l-appartamenti li tagħhom hemm l-applikazzjoni (PA 5909/17) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar liema binja tinsab bejn Triq in-Nases u Triq il-Fortizza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li t-talba għall-għoli /sulari fl-applikazzjoni (PA5909/17) hija dik kif se jiġi spjegat: Residenzjali Għoli ta’ bejn 16.3 metri mill-aktar parti għolja tat-triq u 17.7 metri mill-aktar parti baxxa ta’ triq. Lukanda Għoli ta’ 25.75 metri mill-aktar parti għolja ta’ triq.

Il-Mellieħa – applikazzjoni għal lukanda u appartamenti – studju dwar impatti soċjali u tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'rabta mal-applikazzjoni PA 5909/17 (lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa) hux se jkun hemm talba mill-awtoritajiet konċernati sabiex isiru studji dwar l-impatti soċjali u dak tat-traffiku fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li l-applikazzjoni (PA5909/17) qiegħda fuq art li tinsab f’żona residenzjali kif ukoll f’lokalità turistika, għaldaqstant, Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw. Jirriżulta li l-iżvilupp kif propost ikkwalifilka għal studju dwar l-impatt tat-traffiku liema studju ġie analizzat u konkluż mill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll mill-Awtorità ta’ Trasport fejn tal-aħħar taw l-approvazzjoni tagħhom suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet. F’dak li huwa studju dwar l-impatt soċjali, jidher ċar li n-natura tal-proġett ma tikkwalifikax għal dan.

Il-Mellieħa – Wied ta’ Ġnein Ingraw – fdalijiet ta’ blata kbira

Question

B’referenza għall-aħbar li kienet irrapportata fis-7 ta’ Diċembru fuq l-istazzjon Nazzjonali, bl-isem ‘Bdiewa Melliħin jitolbu l-għajnuna biex jitneħħew fdalijiet ta’ blata kbira’, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dipartimenti konċernati humiex se jkunu qed jagħtu l-għajnuna mitluba mill-bdiewa Melliħin konċernati sabiex jitneħħew fdalijiet ta’ blata li waqgħet fiż-żona magħrufa bħala l-Wied ta’ Ġnien Ingraw fil-Mellieħa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li tajt struzzjonijiet lill-Ambjent Malta, li peress li ġie mpattat perkors ta’ ilma naturali li jintuża għall-biedja, għandha tara kif tista tgħin biex tkun riżolta din il-problema.

Skola Primarja tal-Mellieħa – annex — post

Question

Jista’ l-Ministru jara u jaċċerta li l-post li se jintuża bħala estensjoni għall-annex għall-Iskola Primarja tal-Mellieha (fil-kumpless tal-faċilità sportiva li jinsab metri bogħod mill-iskola) huwiex wieħed aċċettabbli u li jilħaq il-livelli kollha xierqa u bla perikli fejn tidħol saħħa u sigurtà kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema (dawn jinkludu fost l-oħrajn użu ta’ faċilitajiet sanitarji, ventilazzjoni adegwata fil-kmamar li se jintużaw bħala klassijiet, kif ukoll turġien wieqfa u dojoq)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li rigward saħħa u sigurtà sar risk assessment minn uffiċjal tas-Saħħa u s-Sigurtà fejn saru numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula ser ikunu implimentati qabel jintuża l-post, wara jsir risk assessment ieħor li jikkonferma dan.

Skola Primarja tal-Mellieħa – miżuri għal studenti bi problemi ta’ mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mi¿uri se jittieħdu għal tfal/studenti bi problemi ta’ mobilità li se jkunu qed jattendu fil-parti li se tkun qed tintu¿a bħala annex għall-Iskola Primarja tal-Mellieħa fil-ġimgħat li ġejjin (il-parti li tinsab fil-kumpless sportiv)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni tal-iskola tiżgura li t-tfal/studenti kollha bi problemi ta’ mobilità li jattendu l-iskola Primarja tal-Mellieħa jkollhom aċċess għaż-żoni meħtieġa għat-tagħlim tagħhom billi jintużaw żoni aċċessibbli eżistenti.

Skola Primarja tal-Mellieħa – nuqqas ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta’ għalliema fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-preżent ma hemm l-ebda nuqqas ta’ għalliema fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda u appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni PA 5909/17 li tikkonsisti f’bini ta’ lukanda b’għoli ta’ tmien sulari flimkien ma’ numru ta’ appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtoritá tal-Ippjanar b’referenza għall-applikazzjoni PA5909/17, l-Awtoritá tal-Ippjanar qegħdha tistenna sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista tingħalaq l-aħħar fażi tal-konsultazzjoni. L-art in kwistjoni tinsab f’żona residenzjali kif ukoll f’ lokalita turistika, għaldaqstant, Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6482 u ċjoè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6645 f’Seduta 137.

Il-Mellieħa – applikazzjoni għal tliet sulari għal lukanda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni 10178/18 li tirrigwardja fost l-oħrajn żieda ta’ tliet sulari oħra fuq li hemm għal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Mellieħa? (Applikazzjoni li jekk tiġi approvata se tkun tfisser aktar qerda tal-karatteristiċi uniċi tal-Mellieħa).

Response (BORG, IAN)

L-Applikazzjoni PA 10178/18 ġiet ipubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-21 ta’ Novembru 2018. Dan iffisser illi l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata, li jwassal għall-konklużjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni u fl-istess ħin jagħti ċans għall-kummenti tal-pubbliku, jagħlaq fil-21 ta’ Dicembru 2018. Id-Direttorat ta’ l-Ippjanar, f’isem ic-Chairperson Eżekuttiv, irid jifli l-każ sew wara li jkun ingħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-kummenti kollha li jistgħu jintbgħatu mill-pubbliku. Il-proċess jista’ jinkuldi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti ikollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri. Dan jista’ jiskatta it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta l-proċess ikun sħiħ u komplut, id-Direttorat jikteb ir-rapprot finali li jkun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Ikun f’dan l-istadju illi l-Awtorita’ ikollha l-fatti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddelibera u tagħmel rakkomandazzjoni favur jew kontra dan il-proġett. Dan ir-rapport imsemmi għandu jitlesta’ u jintbgħat għand il-Kummisjoni għall-Ippjanar sa mhux aktar tard mill-11 ta’ April 2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni. Għaldaqstant, id-Direttorat ta’ l-Ippjanar iħoss illi f’dan l-istadju hekk bikri, mingħajr ma għandu l-evidenza, l-informazzjoni, u l-kummenti esterni kollha neċessarji sabiex ikun jista jagħti rakkomandazzjoni fuq il-progett, mhux fil-pożizzjoni illi jikteb ir-rapport finali; min-naħa tagħha, l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, mingħajr dan ir-rapport, li bil-liġi trid tistenna qabel tieħu deċizjoni ben infurmata, tħoss illi jkun prematur illi tippronunċja ruħa favorevoli jew kontra dan il-proġett. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirriżulta fir-rapport finali, u għad-decizjoni li għad trid tittieħed mill Awtorita’, id-Direttorat diġa ħa konjizzjoni tal-fatt illi prima facie, il-proposta ta’ ieda ulterjuri fl-għoli tal-bini ta’ din il-lukanda partikolari ma tikkonformax ma l-Policy bit-titolu “Height Limitation Adjustment Policy for Hotels”, approvata f’Ġunju ta’ l-2014, u dan billi: a) Is-sit tal-lukanda jinstab fil-limiti taż-Żona ta’ l-Iżvilupp, adjaċenti ma Żona Rurali filwaqt li mhux f’żona Turistika; u b) Is-sit jinstab ukoll fix-xifer ta’ l-irdum tal-Mellieħa. Għaldaqstant, anke f’dan l-istadju hekk bikri, jidher car illi din il-lukanda fuq dan is-sit partikolari ma tikkwalifikax bħala waħda minn dawk illi tista tisfrutta il-Policy imsemmija hawn fuq sabiex tkabbar in-numru ta’ kmamar billi tibni b’għoli li jeċċedi dak stipulat fil-Pjan Lokali.

Żona ta’ Masrija/Bypass Mellieħa — dokumenti

Question

Ġaladarba l-Ministru ma sab l-ebda oġġezzjoni li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti relatati mal-PC 46/13 (Żona Ta’ Masrija/Bypass Mellieħa), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument simili għall-istess żona li però jġib in-numru PC 42/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – oġġezzjonijiet fuq proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fuq liema kienu l-proġetti (wieħed wieħed) li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għamel oġġezzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar bejn Ġunju 2013 u Novembru 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.