Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet u proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għandux pjanijiet li jwettaq proġetti kapitali fil-konfini tal-lokalità u jekk iva liema huma dawn il-proġetti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li skont l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2020, il-proġetti kapitali li qed jaħdem fuqhom il-Kunsill huma s-segwenti: · Sistemi ta’ dwal ġodda fiż-żoni Ta’ Pennellu, Tas-Sellum, u f’Santa Marija Estate; · Restawr tal-Batterija ta’ Westreme minn barra u titjib fil-Mużew tat-Tunnara; · ¯vilupp ta’ faċilità għan- neutering tal-qtates fil-Park tal-Familja; · Pavimentar ta’ Triq l-Inkurunazzjoni; · Tisbiħ ta’ Triq San Publiju bejn Triq il-Kappillan Magri u Triq il-Parroċċa; · Żvilupp ta’ spazju pubbliku konfinanti minn Triq l-Etna, Triq l-Għasel u Triq Mons. F. Xuereb; · Panoramic lift bejn Triq l-Inkurunazzjoni u Misraħ il-Parroċċa; u Introduzzjoni ta’ green infrastructure fil-Park tal-Familja

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – laqgħat ma’ Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kellu ma' Transport Malta fuq Triq Ġorġ Borg Olivier bejn April 2013 u April 2020?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li saret laqgħa waħda bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u Transport Malta fuq Triq Ġorġ Borg Olivier. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti ta’ din il-laqgħa.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Park tal-Majjistral – użu mill-kmamar

Question

Jista' l-Ministru jindika x'użu qed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa minn waħda mill-kmamar ewlenin li jeżistu fid-daħla tal-Park tal-Majjistral, liema kamra kienet ġiet devoluta mill-Gvern lill-istess Kunsill Lokali fl-2012?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-binja ndikata kienet ġiet devoluta lill-Bord tal-Park tal-Majjistral, u fil-ftehim relattiv kien hemm stipulat li din tiġi assenjata lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Attwalment il-Kunsill qed jagħmel użu minnha bħala maħżen. Minkejja dan, il-Kunsill ippropona sabiex jintegra l-użu ta’ din il-binja fil-pjan ħollistiku li qed jitfassal mill-Bord tal-Park tal-Majjistral bil-għan li tiġi żviluppata bħala ċentru ta’ interpretazzjoni dwar il-produzzjoni tal-melħ u l-għasel.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Forti Campbell — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kompliex bil-pjanijiet li kienu nbdew mill-istess kunsill fl-2011 biex Forti Campbell, li jinsabu fil-limiti ta' Selmun, jgħaddu għand l-istess kunsill lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Mellieħa li ma tkomplewx il-pjanijiet dwar Forti Campbell li kienu nbdew mill-istess Kunsill fl-2011.

Il-Mellieħa — Bajja tal-Għadira – studji fuq proġett ta’ estensjoni

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Laqgħat ta’ konsultazzjoni – minuti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat ta' konsultazzjoni li l-Gvern kellu mal-Kunsilli Lokali, bdiewa, raħħala u residenti fuq l-estensjoni tal-Magħtab u l-erba’ impjanti indikati, bejn Jannar 2016 u s-27 ta' April 2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Minbarra l-laqgħat li saru s’issa minni personali mal-kunsilli, bdiewa u raħħala, liema minuti m’humiex pubbliċi, dawn l-impjanti kollha huma suġġetti għal proċess metikoluż ta’ permessi li fi ħdanu jinkludi proċess konsultattiv.

Żona tal-Magħtab — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjega dwar fiex ser ikunu jikkonsistu l-erba' proġetti li l-Gvern qed jippjana li jwettaq fiż-żona tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fiż-żona tal-Magħtab qed jiġu proposti dawn il-proġetti: 1. Waste to Energy Plant(W2E), li se jkun qed jikkonverti f’enerġija dak il-materjal li jibqa’ bħala rejects minn impjanti oħra. Dan sabiex jonqos drastikament il-materjal li jmur fil-landfill. 2. Material Recovery Facility (MRF), li jkun impjant dedikat biex jittratta materjal riċiklabbli li ser jilħaq livell għoli ta’ reusability. 3. Organic Processing Plant (OPP), li se jkun impjant dedikat biex jittratta l-iskart organiku tal-borża l-bajda waħdu u li se jiġġenera kemm elettriku kif ukoll kompost għall-agrikoltura. 4. Thermal Treatment Facility (TTF), li se jkun inċineratur li jittratta skart kliniku u tal-biċċerija biex jieħu post dak li hemm fil-Marsa.

Żona tal-Magħtab — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra (pjanti / site plans) liema partijiet mill-Magħtab ser ikunu qed jintużaw għall-erba' proġetti li l-Gvern qed jippjana li jagħmel fiż-żona tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta bl-informazzjoni mitluba.

Awtoritjiet tal-Ippjanar – applikazzjonijiet – votazzjoni taċ-ċermen tal-ERA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba u liema kienu dawk l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtoritajiet tal-Ippjanar fejn iċ-ċermen tal-ERA ivvota kontra bejn Jannar 2015 u s-27 ta' April 2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-votazzjonijiet inkwistjoni isiru fil-pubbliku u l-minuti tal-każijiet kollha huma pubbliċi.

Stili ta’ ħajja sana – bord konsultattiv — membri

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-membri u lil liema entitajiet / dipartimenti huma jirrapreżentaw fil-Bord Konsultattiv, li twaqqaf grazzi għal-liġi li tresqet u li ġiet approvata mill-Parlament fl-2016 li titratta dwar stili ta' ħajja sana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Name and Surname of Appointee Position on Board Representing Dr Charmaine Gauci Chairman N/A Mr Kevin Azzopardi Member Nominated by the Minister Responsible for Sports Dr Walter Busuttil Member Nominated by the Minister Responsible for Health Ms Dolores Gauci Member Nominated by the Minister Responsible for Education and Employment Ms Marisa Pisani Member Nominated by the Minister Responsible for Finance Ms Marisa Scerri Member Nominated by the Minister Responsible for the Family and Social Solidarity Mr Natalino Attard Member Nominated by the Minister Responsible for Local Government Dr Matthew Psaila Member Nominated by the Minister Responsible for Home Affairs Dr Karen Vincenti Secretary Public Health Consultant

Stili ta’ ħajja sana – bord konsultattiv — laqgħat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat kollha tal-Bord Konsultattiv li saru sa mit-twaqqif tiegħu, liema Bord joħroġ mil-liġi approvata unanimament fil-Parlament f'Jannar 2016 liema liġi titratta l-istili ta' ħajja sana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġie mwaqqaf dan il-Bord Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx sal lum, iltaqa 30 darba u ddiskuta diversi materji.

Proġetti Infrastrutturali sportivi

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kienu l-proġetti infrastrutturali sportivi li saru f'pajjiżna bejn l-2008 u l-2020 u kemm kien il-valur tagħhom b'mod individwali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Natura 2000 — siti protetti

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma s-siti protetti li jaqgħu taħt l-istatus ta' Natura 2000 u li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Il-Mellieħa – spezzjonijiet mill-pulizija fiż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax, il-Park tal-Majjistral u Selmun/Imġiebaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u meta saru spezzjonjiet mill-pulizija jew/u l-uffiċjali tal-komunità fiż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax, il-Park tal-Majjistral u Selmun / Imġiebaħ (kollha limiti tal-Mellieħa) bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-21 ta' April 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi spezzjonjiet (patrols) fiż-żoni msemmija mill-Onor. Interpellant u ċjoè ż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax, il-Park tal-Majjistral u Selmun / Imġiebaħ (kollha limiti tal-Mellieħa) jsiru kontinwament mill-Pulizija tal-RIU peress li dawn iż-żoni huma fir-rotta tar-ronda tagħhom. Barra minn dan spezzjonjiet (patrols) isiru wkoll mill-pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE fl-istess żoni, u bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-21 ta' April 2020 ġew reġistrati 310 spezzjoni fil-Miżieb, 302 spezzjonijiet fl-Aħrax, 290 spezzjoni fil-Park tal-Majjistral u 290 spezzjoni f’Selmun/Imġiebaħ (kollha limiti tal-Mellieħa). Ninsab infurmat ukoll illi fiż-żoni msemmija, minbarra dawk ta’ ġewwa l-Miżieb u ġewwa l-Park tal-Majjistral, isiru spezzjonijiet regolari mill-Uffiċjali tal-Aġenzija LESA. Jirriżulta li ta’ kuljum tinħadem rotta partikolari li tkopri tali spezzjonijiet/żoni.

Il-Mellieħa – ċitazzjonijiet mill-pulizija u uffiċjali tal-Komunità fiż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax, il-Park tal-Majjistral u Selmun/Imġiebaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u meta ngħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija jew/u l-uffiċjali tal-komunità fiż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax, il-Park tal-Majjistral u Selmun/Imġiebaħ (kollha limiti tal-Mellieħa) bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-21 ta' April 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant fiż-żoni tal-Miżieb ingħataw 2 ċitazzjonijiet, fiż-żona tal-Aħrax ingħataw żewġt ċitazzjonijiet, fil-Park tal-Majjistral ma ngħatat l-ebda ċitazzjoni u fiż-żona ta’ Selmun/Imġiebaħ (kollha limiti tal-Mellieħa) ingħataw erbgħa ċitazzjonijiet. Iċ-ċitazzjonijiet li ngħataw min-naħa tal-LESA fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant, ġewwa l-Miżieb ma ngħatat l-ebda ċitazzjoni, fiż-żoni tal-Aħrax inkluż l-Armier ingħataw erbgħa u tlettin ċitazzjoni, fil-Park tal-Majjistral ma ngħatat l-ebda citazzjoni u ngħataw erbgħa ċitazzjonijiet fiż-¯ona ta’ Selmun/Imġiebaħ.

Skola Nazzjonali tal-Isport – numru ta’ studenti li għaddew

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien in-numru ta' studenti li għaddew għal-Iskola Nazzjonali tal-Isport sa mill-ftuħ tagħha fis-sena 2012 sal-lum u liema kienu d-dixxiplini sportivi li ġew ipprattikati mill-istess studenti fl-istess perjodu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primarji u Sekondarji tal-Gvern – ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hu l-ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku kuljum f'kull skola primarja u sekondarja tal-Gvern f'pajjiżna (kull skola għandha tiġi identifikata b'mod individwali)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-iskejjel Primarji huwa rrakkomandat li jsir mill-inqas 30 minuta t’attività fiżika kuljum total ta’ 2.5 sigħat fil-ġimgħa. Dawn jinkludu lezzjonijiet li jitmexxew mill-għalliem/a tal-Edukazzjoni Fiżika, mill-għalliem/a tal-klassi, attivitajiet sportivi li jsiru kemm fl-iskola u kemm f’kumplessi sportivi, attivitajiet fil-brejk u f’ħinijiiet oħra tal-ġurnata inkluż permezz ta’ lezzjonijiet kross-kurrikulari. L-istudenti tal-Year 7 u Year 8 fl-iskejjel Sekondarji Medji jkollhom tliet lezzjonijiet t’40 minuta 'l waħda fil-ġimgħa (total ta’ sagħtejn). Imbagħad, l-istudenti li jagħżlu l-iSports Career Development Programme fil-Year 7 u Year 8 ikollhom 4 lezzjonjiiet t’40 minuta oħra addizzjonali. L-istudenti tal-Year 9, 10, 11 fl-iskejjel Sekondarji jkollhom żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa t’40 minuta, li jġib total ta’ 80 minuta fil-gimgħa. Dawk li jagħżlu l-Edukazzjoni Fiżika bħala option ikollhom 4 lezzjonijiet t’40 minuta addizzjonali oħra fil-ġimgħa.

Baġit għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien il-baġit għall-isport f'pajjiżna, sena b'sena, bejn l-2009 u l-2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Building Regulation Office – spezzjonijiet fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Building Regulation Office bejn Jannar 2017 u Frar 2020 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa (Manikata nkluża), San Pawl il-Baħar (Xemxija - Buġibba - Qawra nklużi) u n-Naxxar (Salina u Magħtab inklużi)? Jista’ jgħid ukoll kemm instabu rregolaritajiet mill-ispezzjonijiet li saru fil-lokalitajiet indikati (lokalità b’lokalità)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlubha qed tiġi annessa fit-tabella t’hawn taħt. Ninsab infurmat ukoll li f’każi fejn instabu l-irregolarijiet (a) ingħataw twissijiet (b) twaqqfu x-xogħlijiet temporanjament sakemm irregolizzaw il-posizzjoni u, (c) inħargu multi. Jan - Dic 2018 Jan - Dic 2019 Jan - Frar 2020 Total ta' Spezzjonijiet Siti Irregolari 37 72 10 122 102 132 147 34 324 269 198 271 74 593 415

Każ ta’ Familja – ħsarat strutturali fid-dar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13340 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jindika jekk hemmx tkaxkir tas-saqajn minn xi entità tal-Gvern fil-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament wara li nhar it-12 ta' Ottubru 2019 kellhom jiġu evakwati mill-appartament indikat wara li xogħol ta' kostruzzjoni li kien qed isir biswit l-istess blokka kkawża ħsara strutturali f'wieħed mill-appoġġi / ħajt fl-istess appartament fejn huma kienu jabitaw u għalkemm saru numru ta' spezzjonijiet, u anke daħlet il-pulizija u l-każ spiċċa quddiem il-Qorti, sal-lum din il-familja għadha ma tistax tmur lura f'darha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat minn naħa tal-Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma hemm l-ebda tkaxkir tas-saqajn.