Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet /klabbs sportivi minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19, anke sabiex il-Gvern jisma’ mingħand il-membri fi ħdan l-istess assoċjazzjonijiet/federazzjonijiet u klabbs dwar x’impatt ħalliet fuqhom din l-imxija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li qed isiru laqgħat ma’ Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet sportivi ta’ kuljum kemm minn SportMalta u mis-Segretarju Parlamentari nnifsu, li ma jistax jiġi kwantifikat f’numru.
COVID-19 — Għaqdiet Sportivi li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għaqdiet sportivi (u liema kienu dawn l-għaqdiet) li bbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista ' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Il-Mellieħa – Triq Salvu Camilleri – sistema ta’ one way
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mar-residenti li joqogħdu fl-akkwati ta' Triq Salvu Camilleri kif ukoll mal-Grupp tal-Iscouts tal-Mellieħa, li dawn joperaw fl-istess żona, sabiex ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm sistema ta' one way fl-istess triq (bl-effetti kollha li tali deċiżjoni ser tkun qed tħalli fit-toroq tal-madwar)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li laqgħat mar-residenti li joqgħodu fl-akkwati ta' Triq Salvu Camilleri kif ukoll mal-Grupp tal-Iscouts tal-Mellieħa per sè ma sarux.
Minkejja dan, ġie kkonferat ukoll li ma kien hemm ebda rispons negattiv mill-istess residenti u li l-uniku lment li sar kien mill-Grupp tal-Iscouts tal-Mellieħa. Dan wara li l-Kunsill unanimament qabel li għandu jaddotta s-sistema ta’ one-way bejn Triq San Mikiel u Triq iz-Znuber sabiex tissolva l-problema ta’ kongestjoni fi Triq Salvu Camilleri.
Il-Kunsill ikkonferma li l-ilment imqajjem mill-Grupp tal-Iscouts tal-Mellieħa hu wieħed validu u ser issir laqgħa magħhom bil-għan li jiġu identifikati rimedji fattibbli.
Il-Mellieħa – Triq il-Qortin – miżuri ta’ traffic calming
Question
Jista' l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, wara li jagħmel konsultazzjoni mar-residenti ta' Triq il-Qortin, jikkunsidra li jagħmel xi tip ta' miżuri għal traffic calming fit-triq indikata peress li qed ikun innutat sewqan eċċessiv fl-imsemmija triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ser tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji u tikkomunika mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex tara x’hemm bżonn isir.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-assoċjazzjonijiet/għaqdiet sportivi li qed jistennew li artijiet/faċilitajiet li huma għandhom interess fihom u li ser ikunu qed jitilgħu quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sussegwenti huma l-għaqdiet sportivi li urew interess f’artijiet/faċilitajiet u li qed jiġu proċessati skont il-liġi u qegħdin f’varji stadji tal-istess proċess biex jekk approvati, jgħaddu għand l-istess għaqdiet, jekk u wara li jiġu trasferiti għand SportMalta u l-kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Parlament għall-iskrutinju:
Hibernians BC
Valletta FC
SK Victoria Wanderers
Senglea Regatta Club
Birżebbuġa Regatta Club
Attard FC
BMX Association
Bormla Boċċi Club
Dingli Swallows FC
Kirkop United FC
Luqa St. Andrews FC
Msida St. Joseph FC
Żurrieq FC
Mġarr United FC
Mqabba FC
San Ġwann FC
Marsaxlokk FC
Sirens ASC
Canoe Racing Club
Birżebbuġa Aquatic Sports Club
Naxxar Lions FC
Victoria Hotspurs FC
Elite Airsoft Gunners
Floriana Basketball Club
Għajnsielem Redcoats
Racing Pigeons Club
Valletta Grand Prix Foundation
Sliema ASC
Lija Athletic FC
Pembroke Racket Club
Island Karting Club
Xewkija Tigers FC
Għaqda Komunitarja tas-Sajd Marsamxett
Għaqda Komunitarja tas-Sajd Birżebbuġa
San Ġiljan ASC
Marsa FC
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13043, 11806 u 11968 u jindika liema kienu l-Iskemi ta' Fondi Speċjali għall-kunsilli lokali li ġew imnedija fis-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019? Kemm kien l-ammont fi flus ta' kull skema f'kull sena indikata u kemm mill-iskemi indikati tħallsu lill-kunsilli lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jindika jekk fil-qasam sportiv hemmx xi pjanijiet li fil-Mellieħa jinbnew xi faċilitajiet sportivi ġodda? Jekk iva jista' l-Ministru jindika x'tip ta' faċilità u f’liema żona fil-lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fiż-żmien li ġej SportMalta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Mellieħa se joħroġ sejħa għall-offerti biex isir żvilupp fl-outdoor gym li hemm fil-Family Park Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkunsidra li jerġa' jagħti lura l-Palazz ta' Selmun lill-poplu wara li fl-aħħar snin tħalla jiddeterjora?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-ħsibijiet u l-pjani tal-Gvern dwar dan is-sit jimmaturaw, jinħareġ it-tagħrif meħtieġ flimkien mas-sejħiet pubbliċi li jkun hemm bżonn skont il-każ.
Jista' l-Gvern jgħid jekk dik li qabel kienet il-Lukanda Selmun, tinsabx viċin li tinbiegħ? Jista' l-Gvern jindika x'inhuma l-ħsibijiet tal-Gvern dwar it-triq 'l quddiem għal din l-istess binja li tinsab f'Selmun, limiti tal-Mellieħa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li meta l-ħsibijiet u l-pjani tal-Gvern dwar dan is-sit jimmaturaw, jinħareġ it-tagħrif meħtieġ flimkien mas-sejħiet pubbliċi li jkun hemm bżonn skont il-każ..
COVID-19 — Għaqdiex Mhux Governattivi – ħaddiema li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ Għaqdiet Mhux Governattivi (u ma' liema għaqdiet jaħdmu) li se jkunu qed jibbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
COVID-19 — Għaqdiex Mhux Governattivi – ħaddiema li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ Għaqdiet Mhux Governattivi (u ma' liema għaqdiet jaħdmu) li se jkunu qed jibbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninfroma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista' l-Ministru tindika liema huma dawk il-bajjiet ċertifikati bħala Blue Flag f'pajjiżna u meta kienet is-sena li dawn ġew iddikjarati kemm bħala Beach of Quality kif ukoll allura sussegwentament bħala Blue Flag?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bandiera Blu (Blue Flag) huwa ċertifikat li jittieħed kull sena fejn il-proċess jibda’ mill-ġdid. Li bajja tieħu Blue Flag f’sena partikolari mhux garanzija li ser terġa’ tittieħed is-sena ta’ wara. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Blue Flag tingħata mill-FEE (Foundation for Environmental Education), irrapreżentata Malta minn Nature Trust u li l-pijunieri ta’ kif jiġu maniġġjati bajjiet b’dan il-mod kienu l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Intant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji kollha għal kull bajja, b’sena sena, mill-2007 sal-lum.
Aħrax tar-Rabti limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa – helicopter li kien qed jittajjar fil-baxx
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li helicopter, aktarx tal-Forzi Armati, kien qed jittajjar fil-baxx fiż-żona magħrufa bħala l-Aħrax tar-Rabti fil-limiti tal-Aħrax fil-Mellieħa bejn l-Erbgħa 29 u l-Ħamis 30 ta' April 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 14375, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi t-titjir fil-baxx indikat fil-perjodu msemmi kien relatat ma’ operazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll fuq taħriġ.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq binjiet li hemm fiż-żona magħrufa bħala “Id-Dahar” li tiġi l-ġewwa mit-Torri l-Aħmar biswit ir-Radar Station? Dawn il-binjiet li ilhom abbandunati għal numru ta’ snin qed ikunu dejjem kaġun ta’ abbużi varji apparti li qegħdin fi stat infrastrutturali kkundannat u allura huma ta’ periklu kbir?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-valur tal-investiment li sar mill-Gvern fil-Park tal-Majjistral, sena b'sena, bejn Jannar 2014 u April 2020?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Laqgħat bejn il-Gvern u l-Bord tat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral — Minuti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat li saru bejn il-Gvern u l-Bord tat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral bejn Jannar 2017 u April 2020 (anke jekk kienu laqgħat ta' konsultazzjoni)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-laqgħat mhumiex pubbliċi u li f’dawn il-laqgħat jistgħu jsiru referenza għall-interessi privati u kummerċjali ta’ terzi li l-Bord m’għandux awtorizazzjoni li jippublika l-informazzjoni li taw dawn l-istess terzi, ma nħossx li huwa għaqli li informazzjoni u diskussjonijiet li jkunu saru fil-magħluq jiġu pubblikati. Il-Minuti jinkludu l-opinjonijiet professjonali u personali tal-membri li saru waqt deliberazzjonijiet fuq policy u azzjonijiet li ser jittieħdu.
Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-estensjoni tal-Iskola Primarja fil-Mellieħa, liema xogħol kien imwiegħed qabel l-elezzjoni tal-2017 tant li jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali indikata kienu twaħħlu billboards fl-istess żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda wara li jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar u jkunu aġġudikati s-sejħiet għall-offerti biex jitwettaq ix-xogħol.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – devoluzzjoni ta’ bini
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk bejn April 2013 u April 2020 il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talabx għal xi forma ta' devoluzzjoni ta' xi bini li jinsabu fil-konfini tal-istess lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ma kien hemm l-ebda devoluzzjoni ta’ bini pubbliku fil-perjodu ndikat. Wara l-2013 il-policy tal-Kunsill kienet li jikkonsolida devoluzzjonijiet oħra li seħħew fis-snin preċedenti.