Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni b’dati preċiżi meta se titlesta Triq Għar u Casa fil-Mellieħa u dan allura jkun jista’ jserraħ ras ir-residenti li joqogħdu f’dawn l-inħawi li ilhom isofru inkonvenjent għal numru ta’ snin, apparti wkoll li din it-triq kienet indikata u meqjusa bħala prijorità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-triq li qed issir referenza għaliha hija triq ġdida b’għadd ta’ bini li għadu qed jiġi żviluppat. L-iżviluppaturi ta’ dan il-bini residenzjali għadhom ma ffurmawx it-triq hekk kif stabbilit mill-liġi. Infrastructure Malta tkun tista’ tlesti l-wiċċ ta’ din it-triq bl-asfalt hekk kif l-iżviluppaturi konċernati jkun ffurmawha b’mod sħiħ, bħal ma jiġri f’kull triq ġdida oħra.
Infrastructure Malta – Ix-Xemxija – bini mill-ġdid tat-triq li twassal sa quddiem il-Knisja
Question
Jista’ l-Ministru jindika meta Infrastructure Malta ser tkun qed tibni mill-ġdid it-triq li tagħti minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija, liema triq għandha partijiet minnha li kontinwament qed jikkawżaw ħsarat lil numru ta’ vetturi, apparti perikli għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq arterjali?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13344 li twieġbet f’Seduta 307 saret mill-istess Onorevoli Interpellant u nżid li peress li l-entitajiet terzi li jeħtieġ jagħmlu xogħlijiet ta’ trinek f’din il-parti tat-triq indikaw li x-xogħol ser isir dalwaqt, Infrastructure Malta pposponiet ix-xogħol ta’ tiswijiet ta’ wiċċ it-triq għal wara li jitlestew ix-xogħlijiet tat-trinek. Hekk kif isiru dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija tkun tista’ tirranġa din it-triq kif meħtieġ.
In-Naxxar – Triq ir-Ramla u Triq il-Prinjoli – dawl fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jara li t-talbiet li ilhom quddiem l-Enemalta sa minn Lulju li għadda, sabiex Triq ir-Ramla u Triq il-Prinjoli, li jinsabu fil-konfini tan-Naxxar, jiġu mdawla b’dawl ġdid, peress li fiż-żewġ toroq hemm problema ta’ nuqqas ta’ dawl?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta plc irċeviet talba mingħand il-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar it-toroq li għalihom saret referenza fil-mistoqsija parlamentari, u bħalma huwa stabbilit fil-proċedura li hija attwata f’każijiet simili, il-Kunsill Lokali ġie i nfurmat li hija fir-responsabilita’ tal-istess Kunsill Lokali li ssir l-installazzjoni ta’ dawn il-lampi. Hekk kif issir din l-installazzjoni, Enemalta plc tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-provvista tal-elettriku lil dawn il-lampi.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom beda jitħaddem il-kunċett tal-Community Policing, liema kunċett kien ipproponut mill-Oppożizzjoni kważi tliet snin ilu waqt ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, u, f’dawn l-istess lokalitajiet, kemm ġew magħluqa għases tal-Pulizija bħal kif ġara fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-onorevoli interpellant suppost jaf kemm tassew kienet tkun miftuħa l-għassa tal-Mellieħa tul is-snin u għalhekk irrid ngħid li grazzi għall-proġett tal-pulizija tal-komunità llum ir-residenti tal-Mellieħa jgawdu minn preżenza tal-pulizija li hi ikbar minn qatt qabel.
It-tim tal-pulizija tal-komunità huwa wkoll assistit minn taqsimiet oħra tal-Korp tal-Pulizija skont il-ħtieġa, inkluż b’patrols f’ħinijiet differenti.
Anke jekk ir-residenti diġa’ huma moqdija aħjar minn qabel il-Ministeru jibqa’ miftuħ għad-djalogu mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar kif nistgħu nibqgħu nsaħħu l-preżenza tal-pulizija f’dan ir-raħal, b’mod partikolari permezz tat-tim tal-pulizija tal-komunità.
Irrid ngħid li l-istrateġija dwar l-għases tal-pulizija mhix esklussivament marbuta mal-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija tal-Komunità.
L-għases ewlenin tal-Korp tal-Pulizija se jibqgħu miftuħa 24 siegħa kuljum u dawn qedgħin hemm biex jaqdu żona tal-pajjiż u mhux biss il-lokalità li jkunu qegħdin fiha.
F’każi fejn l-għases jibqgħu miftuħa skont l-esiġenzi u mhux il-ħin kollu ġie installat servizz ta’ ‘intercom’ li hu mqabbad 24 siegħa kuljum mal-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn kull assistenza tingħata skont kif mitlub jew meħtieġ. Ħafna mir-rapporti jistgħu jsiru wkoll permezz tat-telephone jew mezzi elettroniċi oħra.
Intant, kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq.
Kien għalhekk li fl-aħħar ġimgħat estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għas-sena d-dieħla ħabbarna li se nkomplu nestenduh.
Il-Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum - attendenza
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm kienet l-attendenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-lokalità tal-Mellieħa xahar b’xahar bejn Jannar 2020 sa Ottubru 2020?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tiġi indikata l-attendenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Lokalità tal-Mellieħa kif mitlub fit-tabella t’hawn taħt:
Xahar
Jannar
Frar
Marzu
April
Mejju
Ġunju
Lulju
Awissu
Settembru
Ottubru
Attendenza
170
170
170
Magħluq
Magħluq
Magħluq
88
88
56
56
Matul parti mix-xahar ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju ta’ din is-sena, iċ-Ċentri Anzjanità Attiva kienu magħluqa minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ħafna anzjani naqsu fiċ-ċentri kollha minħabba l-miżuri dwar restrizzjoni ta’ gruppi ta’ mhux aktar minn sitt persuni. L-impjegati taċ-ċentru qed ikomplu jżommu kuntatt magħhom permezz ta’ gruppi fuq is-social media u permezz ta’ telefonati.
Il-Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum – post oriġinali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa jerġa’ lura għal post oriġinali tiegħu f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ċċaqlaq mid-Dar il-Madonna tal-Mellieħa peress li ċ-ċentru qed jintuża biex isiru żjarat lir-residenti tad-dar tal-anzjani. Iċ-ċentru jkun jista’ jerġa’ lura fejn kien meta s-sitwazzjoni titjieb u l-visti tar-residenti jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru fid-dar residenzjali.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — tilqim tal-influwenza
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta (ġurnata u xahar) se jerġgħu jibdew jingħataw it-tilqim tal-influwenza fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu se tkun qed tingħata fiż-żmien li ġej. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi sa issa diġà ngħataw 100,000 vaċċin tal-influwenza u se jkun hemm 150,000 vaċċin ieħor disponibbli fil-gżejjer tagħna.
Skola Primarja San Pawl il-Baħar – tneħħija tal-containers
Question
Jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jitneħħew il-containers mill-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, liema containers sa ftit ġimgħat ilu kienu jintużaw bħala klassijiet? B’hekk bit-tneħħija tagħhom, ikun ifisser aktar spazju miftuħ għall-istudenti.
Response (BONNICI, OWEN)
Peress li biex jitneħħew il-prefabricated classrooms mill-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar jinħtieġ isir proċess ta' procurement, dan il-proċess jinsab għaddej mill-FTS.
kunsilli lokail — persuni li qed jaħdmu bit-telework
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma dawk il-kunsilli lokali li fi ħdanhom, minħabba l-imxija tal-COVID 19 ‘għandhom ħaddiema li qed jaħdmu bit-teleworking jew xi miżura oħra simili (family measures) ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsilli lokali — talba għal telework u remote working
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema fil-kunsilli lokali li talbu għal teleworking jew remote working minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19 (Marzu 2020) u dawn it-talbiet ġew rifjutati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali li kemm ilha li bdiet l-imxija tal-CoVid19 f’Marzu, kien hemm erbgħa talbiet għal teleworking jew remote working li ġew rifjutati.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li bejn Ġunju 2020 u Ottubru 2020 ffumugaw l-uffiċini rispettivi tagħhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mill-Kunsilli Lokali, kien hawn 22 Kunsill Lokali li ffumigaw l-uffiċini tagħhom bejn Ġunju u Ottubru ta’ din is-sena kif muri f’din it-tabella annessa.
Il-Belt VallettaIl-Mellieħa
L-IslaL-Imġarr
BormlaIn-Nadur
Ħal QormiIn-Naxxar
Ħaż-Żebbug Ir-Rabat (M)
Ħad-DingliSan Ġiljan
FlorianaSan Ġwann
Il-GudjaSan Pawl il-Baħar
Il-ĦamrunTas-Sliema
Ħal KirkopIx-Xgħajra
Ħal LuqaIż-Żurrieq
Mellieħa – Triq Sant’Elena – manutenzjoni fuq bankina
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħmel jew jawtorizza li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq bankina fi Triq Sant’Elena fil-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ser jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bankina indikata.
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – ħinijiet tal-parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jitlob li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jara li jiġu rispettati u infurzati mill-awtoritajiet konċernati l-ħinijiet allokati dwar il-parkeġġ fi Triq San Pawl fl-istess lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għada qed tinġabar, u tingħata f’seduta oħra.
Kunsill Lokali Mellieħa – Triq Għajn Żejtuna u toroq f’Santa Maria Estate – tindif ta’ culverts u bankini
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jieħu ħsieb li l-culverts li hemm tul it-Triq Għajn Żejtuna u t-toroq l-oħra fiż-żona ta’ St. Maria Estate fil-Mellieħa jitnaddfu u anke jinqata’ l-ħaxix u z-zkuk li hemm fuq numru ta’ bankini fl-istess żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-culverts indikati tnaddfu fit-12 ta’Ottubru 2020, filwaqt li ż-żbir ta’ siġar u qtugħ ta’ ħaxix li qed jostakolaw il-bankini hu skedat li jsir fil-jiem li ġejjin.
San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra Burmarrad, Wardija u Xemxija — Community Policing
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra Burmarrad, Wardija u Xemxija billi jindika meta ser jkun qed jingħatalhom s-servizz tal-Pulizija tal-Komunità (Community Policing)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif diġà ġie indikat fi tweġibiet oħra, l-inizjattiva tal-Community Policing ser tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer u eventwalment ser tkun introdotta wkoll f’San Pawl fejn jiġu koperti ż-żoni tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tan-Naxxar , Salina u Magħtab billi jindika meta ser jkun qed jinghatalhom s-servizz tal-pulizija tal-Komunita (Community Policing)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-inizjattiva tal-Community Policing se tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer u l-ħsieb hu li eventwalment tkun introdotta wkoll fin-Naxxar u jiġu koperti ż-żoni li jagħmlu ma’ din il-lokalità.
Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tal-Mellieħa billi jikkonferma li fl-immeddjat ser ikun qed ireġġa lura d-deċiżjoni li terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-Mellieħa, liema deċiżjoni li din tingħalaq ttieħdet b’mod insensittiv u mingħajr konsultazzjoni u żgur li mhux fl-interess tal-ġid komuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi r-residenti tal-Mellieħa llum għandhom servizz ta’ pulizija ferm aħjar minn dak li kien offrut sa ftit taż-żmien ilu. Dan minħabba preżenza ferm akbar ta’ pulizija minn dik li kien hemm fil-passat riċenti, fit-toroq ta’ din il-lokalità.
Il-Korp se jkompi jsaħħaħ is-servizz tal-pulizija fil-Mellieħa kif ukoll fi bnadi oħra f’dawn il-gżejjer.
Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkonsidrata li ssir modifikazzjoni fid-devjazzjoni tat-traffiku fiż-żona tal-Marsa fil-parti fejn isir id-dħul u l-ħruġ taż-żwiemel direzzjoni lejn il-korsa taż-żwiemel ?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu minħabba li l-Awtorita’ ta’ Transport f’Malta tkun trid tiddiskuti dawn il-modifikazzjonijiet mal-Kunsill Lokali.
Ftehim iffirmat rigward l-Art fil-Miżieb u l-Aħrax
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li l-ERA ser tiffirma/iffirmat flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet u l-FKNK relatat mal-Imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax, liema ftehim sar referenza għalih fis-seduta tal-Erbgħa 7 ta’ Ottubru?
Ftehim iffirmat rigward l-Art fil-Miżieb u l-Aħrax
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li l-Awtorità tal-Artijiet ser tiffirma/iffirmat flimkien mal-ERA u l-FKNK relatat mal-Imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax, liema ftehim sar referenza għalih fis-seduta tal-Erbgħa 7 ta’ Ottubru?