Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna – attenzjoni u tindif
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-post/żona (wesgħa pubblika) magħrufa bħala l-Fekruna li jinsab fil-limit tax-Xemxija jingħata l-attenzjoni xierqa billi jitneħħa l-periklu li hemm u possibbilment jitnaddaf u jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku?
In-Naxxar — Triq il-Kappella tax-Xagħra - triq one way - spezzjonijiet mill-pulizija
Question
Jista' l-Ministru jara li fi Triq il-Kappella tax-Xagħra fin-Naxxar, li ftit tal-ġimgħat ilu saret one way, isiru aktar spezzjonijiet regolari u frekwenti mill-pulizija/uffiċjali tal-Komunità (wardens) u dan peress li minkejja s-sinjali tat-traffiku mwaħħla fil-post, xorta baqa' jsir abbuż min-numru ta' sewwieqa fejn apparti l-periklu li qed jikkawżaw għalihom stess, qed jinħoloq ukoll periklu għar-residenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija kif ukoll l-Uffiċjali tal-Komunità huma konxji ta’ dak li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant u se jsiru spezzjonijiet aktar frekwenti.
Community Police – Mellieħa — Rapport mill-Università ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar studju li sar mill-Università ta’ Malta dwar il-Pulizija tal-Komunità fil-Mellieħa, liema rapport għamel referenza għalih il-Ministru waqt id-dibattitu fuq abbozz numru 174 li kien għaddej fil-Kamra nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra preżentazzjoni dwar dan l-istudju li r-riċerkatur kien għamel lill-Kunsilli Lokali involuti fil-proġett tal-Community Policing bħala parti minn sessjoni ta' konsultazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara li mill-aktar fis, isiru s-sinjali tat-traffiku meħtieġa li jinkludu miżuri ta’ traffic calmers fi Triq tal-Wilġa fil-Manikata speċjalment qabel ma’ taqbad l-aħħar kisra destinazzjoni lejn Sqaq Ħarruba u Triq il-Manikata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, Transport Malta tinsab f’diskuzzjonijiet mal-kunsill lokali fir-rigward ta’ implimentazzjoni ta’ ‘safety preventive measures’ f’din it-triq.
Triq il-Milizzja, Triq is-Salina u Triq tal-Imdawra fil-limiti tan-Naxxar – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ biex jittranġa l-istat ħażin li jinsabu fih Triq il-Milizzja, Triq is-Salina u Triq tal-Imdawra, kollha fil-limiti tan-Naxxar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali.
Fil-lokalità tan-Naxxar diġà nbnew mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki u Triq John Adye, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq San Pawl, Triq il-Forġa u Triq il-Fortizza tal-Mosta.
It-toroq indikati diġà kienu ppjanati minn Infrastructure Malta biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara.
L-aġenzija diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Villeġġjatura – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ biex jittranġa l-istat ħażin li tinsab fih Triq il-Villeġġjatura f’San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li I-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali.
Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar diġà nbnew mill-ġdid dawn it-toroq residenzjali - Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot, u Triq Annetto Caruana. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq it-Tamar, Triq Cunningham u triq ġdida magħha, kif ukoll għaddejjin xoħlijiet fi Triq is-Simar u Triq l-Iskuna.
It-triq indikata diġà kienet ippjanata minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Kaħli, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq Luigi Preziosi u Triq il-Ġifen.
Infrastructure Malta kontinwament tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’diversi toroq oħrajn madwar il-pajjiż kollu. Qabel is-sajf tas-sena l-oħra saru tiswijiet estensivi fi 17-il triq f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel crash barrier fi Triq John Adye fin-Naxxar? Dan sabiex jiġi evitat il-periklu eżistenti fit-triq imsemmija u li diġà inġibdet l-attenzjoni dwar dan mill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata li hi twila madwar 1.2 kilometri u li kienet fi stat ħażin, għadha kemm inbniet mill-ġdid u fiha saru servizzi ġodda taħt l-art għall-provvista tal-ilma, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid bl-asfalt. Infrastructure Malta hija konxja mill-periklu u għaldaqstant qed tikkunsidra x’miżuri oħrajn ta’ sigurezza għandhom jittieħdu fosthom it-tqegħid ta’ cash barriers fil-ġimgħat li ġejjin.
Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — sinjali tat-traffiku ħdejn l-Iskola tal-Qawra
Question
Jista’ l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew minn xi entità oħra governattiva fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li wara diskussjonijiet li saru bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-Kulleġġ Maria Reġina u l-amministrazzjoni tal-Iskola l-ġdida tal-Qawra inħadem pjan tal-immaniġjar tat-traffiku fiż-żona. B’mod immedjat il-Kunsill talab is-servizz tal-Perit, sabiex jiġi koordinat ix-xogħol u jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji má Transport Malta.
Il-Mellieħa — skeda ta' knis ta' toroq u qtugħ ta' ħaxix
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-ġranet u l-ismijiet tat-toroq meta suppost isir il-knis fit-toroq u qtugħ ta’ ħaxix fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
San Pawl il-Baħar — skeda ta' knis ta' toroq u qtugħ tal-ħaxix
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-ġranet u l-ismijiet tat-toroq meta suppost isir il-knis fit-toroq u qtugħ ta’ ħaxix fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — vened ta' traport pubbliku - distanza soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jara li fuq il-venda tat-trasport pubbliku ta’ Buġibba u fuq il-bus stops fiż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jiġu osservati l-obbligazzjonijiet u jsir infurzar relatati mad-distanza soċjali b’rabta mal-imxija tal-COVID-19? Dan jgħodd ukoll anke dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jitilgħu fuq il-karozzi li joffru s-servizz tat-trasport pubbliku b’mod ġenerali.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta Transport Malta kif ukoll dawk tal-LESA qegħdin iwettqu spezzjonijiet għall-għarieda kemm fuq bus stops, vened, fuq il-karozzi tal-linja kif ukoll fuq il-vapuri tal-Gozo Channel sabiex jinfurzaw ir-rekwiżiti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-ilbies tal-maskri kif ukoll iż-żamma tad-distanza soċjali.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — vened ta' traport pubbliku - distanza soċjali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li fuq il-venda tat-trasport pubbliku ta’ Buġibba u fuq il-bus stops fiż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jiġu osservati l-obbligazzjonijiet u jsir infurzar relatati mad-distanza soċjali b’rabta mal-imxija tal-COVID-19? Dan jgħodd ukoll anke dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jitilgħu fuq il-karozzi li joffru s-servizz tat-trasport pubbliku b’mod ġenerali.
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Servizz ta' LSE lil tfal vulnerabbli li ma jistax jattendi skola
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li dawk il-familji li għandhom tfal vulnerabbli li preżentement mhux jattendu skola u li kellhom servizz ta’ LSE, jistax dan is-servizz jibqa' jingħatalhom f’darhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li studenti vulnerabbli li minħabba saħħithom ma jistgħux jattendu skola baqgħu jibbenifikaw mill-għajnuna tal-LSE u qed igawdu, inter alia, mis-servizz tal-Iskola Primarja Virtwali u mil-lezzjonijiet pre-rekordjati li qed jittellgħu bla ħlas fuq teleskola.mt.
Skola Primarja tal-Mellieħa — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif diskuss mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, id-doveri sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa huwa kopert mill-Pulizija tal-Komunita’ tal-lokal fejn minħabba diversi aċċessi fl-istess skola kien hemm istanzi fejn kienu assistiti wkoll mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku. Uffiċjali tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali kienu mitluba wkoll jassistu abbazi tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363).
Skejjel primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskejjel Primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar dan is-suġġett. Il-pulizija tad-Distrett ikunu preżenti waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskejjel Primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor.
Skola primarja u skola medja tan-Naxxar — pulizija jew uffiċjal tal-komunità
Question
Jista' l-Ministru jara li waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti fl-Iskola Primarja u dik Medja fin-Naxxar kuljum ikun hemm pulizija jew uffiċjal tal-komunità (warden) preżenti u dan sabiex jiġi kkontrollat it-traffiku fiż-żona f’dawk il-ħinijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bidu ta’ kull sena ta’ skolastika il-Korp tal-Pulizija u l-Agenzija LESA jiddiskutu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Il-pulizija tad-Distrett jkopru u jkunu preżenti waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti għal skopijiet elenkati mill-Onorevoli Interpellant fl-Iskola Primarja fin-Naxxar. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz ma jitolbux mod ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li fihom bdiet titħaddem l-inizjattiva tal-Pulizija fil-Komunità (Community Policing) u f’kemm u liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom ingħalqet l-Għassa tal-Pulizija wara li bdiet titħaddem din l-istess inizjattiva?
Jista’ l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta qiegħda f’komunikazzjoni mal-Iskola Primarja tal-Qawra biex jiġi implimentat traffic management ħollistiku għal din iz-zona.
Tista’ l-Ministru tara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li l-Kulleġġ Maria Reġina u l-amministrazzjoni tal-Iskola l-ġdida tal-Qawra kellhom laqgħat mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u flimkien ħadmu fuq pjan dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fiz-zona tal-iskola. Iddiskutew ukoll dwar liema sinjali hemm bżonn. Dan il-pjan bħalissa għaddej mill-fażi ta' preżentazzjoni mill-Kunsill Lokali lil Transport Malta. Jidher li l-proċess qiegħed fi stadju avvanzat ħafna.
Il-Qawra — Skola Primarja fil-Kulleġġ Marija Reġina - ħaddiema tekniċi biex iżommu l-manutenzjoni tal-iskola
Question
Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi l-ambjent pożittiv u l-mod modern li bih inbniet l-Iskola Primarja tal-Qawra fil-Kulleġġ Marija Reġina, jista’ l-Ministru jara li mill-aktar fis jiġu impjegati nies tas-sengħa u tekniċi sabiex din l-iskola allura jkollha l-persuni meħtieġa biex jagħmlu l-manutenzjoni li skola bħal din, li tilqa' mijiet ta' tfal u edukaturi, jkollha bżonn minn ġurnata għall-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Kulleġġ Maria Reġina li tifforma parti minnu l-iskola Primarja tal-Qawra, għandu tim ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel. Il-Ministeru, bħalma sar qabel, ifittex li jixtri servizzi tekniċi partikolari kull meta jkun hemm il-bżonn.