Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqdiet/assoċjazzjonijet sportivi – allokazzjoni ta’ flus

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18234 u ċjoè: Mill-vot għall-isport imħabbar fl-estimi tal-baġit għas-sena li ninsabu fiha, tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kif se jkunu qed jintefqu l-flus fl-allokazzjoni mħabbra u kemm f’ammonti mill-istess allokazzjoni l-għaqdiet/assoċċjazzjonijiet sportivi ser ikunu qed jibbenefikaw b’mod individwali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi, kif inhi l-prassi, trid tiġi approvata mill-bord tad-diretturi, biex wara jkunu jistgħu jiġu mwiegħda ammonti speċifiċi lill-għaqdiet individwali.

Ekwestri Malta — membri

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18235 u tindika jekk ġietx imwaqqfa uffiċċjalment Ekwestri Malta u allura jekk iva tistax tgħid min huma l-membri li qed jiffurmaw din l-entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li EquestriMalta ġiet imwaqqfa. Bħaissa għaddej il-proċess sabiex din l-entita’ tibda tiffunzjona mill iktar fis.

Naxxar – Triq tal-Labour u Triq San Pawl — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq tal-Labour u Triq San Pawl fin-Naxxar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’Diċembru, Infrastructure Malta lestiet l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni s-sena l-oħra u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi saret parti mit-triq. L-investiment ta’ €2.3 miljun li sar f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda ( pedestrian crossings ) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond kif ukoll inbnew mill-ġdid il-manholes kollha tat-triq. Inbidlet ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet is-sistema kollha ġiet spezzjonata b’mod komprensiv permezz ta’ cameras u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin. Kull fejn instab li din l-infrastruttura ma kenitx taħdem sew ġiet mibdula u s’intendi fejn kienet għadha tajba ma kienx jagħmel sens li tinbidel. Fl-istess waqt saru anke spezzjonijiet fit-toroq tal-madwar u fost xogħlijiet oħrajn saret estensjoni tal-culvert ma’ Triq il-Markiż Scicluna, liema żona qatt ma kellha lqugħ għall-ilma tax-xita. Saru wkoll żewġ soak aways ta’ madwar 40 metru fond biex ikomplu jtaffu l-problema tal-għargħar f’din iż-żona. Fil-każ ta’ Triq tal-Labour din ukoll tinsab fil-pjanijiet ta’ Infrasctructure Malta biex issir fiż-żmien li ġej bħalma l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar li jinkludu Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye u Triq San Franġisk t’Assisi, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour. Toroq oħrajn ippjanati li jsiru fiż-żmien li ġej jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq il-Milizja, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara. Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl u Triq il-Mosta — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq San Pawl u Triq il-Mosta f’San Pawl il-Baħar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għalkemm il-manutenzjoni tat-toroq residenzjali sakemm jinbnew mill-ġdid hija f’idejn il-Kunsilli Lokali, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta xorta kkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex Triq San Pawl sarulha tiswijiet estensivi. Qabel ma din it-triq u Triq il-Mosta jkunu jistgħu jinbew mill-ġdid mill-aġenzija, iridu jsirulhom xogħlijiet estensivi bit-tqegħid ta’ pajpijiet għas-servizz tal-ilma u katusi għas-sistema tad-drenaġġ li jridu jiġu mgħoddijin minn taħt l-art mill-entità konċernata. Apparti li qabel is-sajf tal-2019 għamlet tiswijiet estensivi fi 17-il triq oħra f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid, f’din il-lokalità Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq Annetto Caruana. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq it-Tamar, Triq Cunningham u triq ġdida magħha. Diġà hemm ippjanati wkoll biex fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq residenzjali oħrajn isiru Triq il-Kaħli, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq Luigi Preziosi u Triq il-Ġifen. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Manikata/Għajn Tuffieħa – manutenzjoni ta’ bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jara li fil-Manikata/Għajn Tuffieħa isiru l-attrezzaturi/tiswijiet/tibdil meħtieġ kull fejn hemm bus stop/bus shelters mill-awtoritajiet kompetenti u dan fl-interess tar-residenti u l-persuni li jagħmlu użu minnhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li Transport Malta wetqet survey fuq il- bus stops ġewwa l-Manikata u Għajn Tuffieħa sabiex jiġi stabbilit x’tip ta’ manutenzjoni hemm bżonn fuq tali bus stops u bus shelters.

Ta’ Kandja Shooting Range – irregolaritajiet – Awditur Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18227 u ċjoè: Wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat f’Diċembru 2020 u li l-istess konklużjonijiet urew biċ-ċar numru kbir ta’ irregolaritajiet fit-twettiq tal-proġett tas-shooting range f’Ta’ Kandja, tista’ l-Ministru tgħid jekk u min ser ikun qed jerfa’ r-responsabilità politika għal dawn in-nuqqasijiet kbar imsemmiha fir-rapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m’hemm ebda responsabbilta’ politika x’tintrefa, hekk kif muri biċ-ċar fl-istess rapport li qed jagħmel referenza għalih l-onorevoli interpellant. Jigi innotat li r-rapport irrikonoxxa li SportMalta wettqet b’suċċess dan il-proġett fi żmien qasir sabiex Malta tkun tista’ tospita it-Tazza tad-Dinja tal-Isparar. Ġie ċċertifikat li bir-riżorsi limitati u l-ħin li SportMalta kellha għad-dispożizzjoni tagħha fit-twettiq ta' proġett sportiv ta' dan il-kobor, xorta wettqet xogħol ta’ livell għoli. Itieħdet nota tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport. SportMalta diġà qed twettaq u timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet sabiex tejbet is-setup amministrattiv tagħha fi proġetti attwali u futuri.

Ta’ Kandja Shooting Range – ċertifikazzjoni ta’ xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18228 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet kollha li saru fuq ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet kollha li saru fuq ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja

Ta’ Kandja Shooting Range – spiża tal-Proġett

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18229 u tgħid kemm ġiet tiswa x-Shooting Range f’Ta’ Kandja u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rendikont ta’ kif intefqu l-ispejjeż kollha fuq l-imsemmi proġett?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rendikont ta’ kif intefqu l-ispejjeż kollha fuq ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja.

Ta’ Kandja Shooting Range –Għeluq ta’ Range 4

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18230 u ċjoè: Peress li ma kien hemm l-ebda referenza fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat ftit tal-ġimgħat ilu dwar Range 4 fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja, u li issa ilha magħluqa għal madwar 12-il xahar, tista’ l-Ministru tikkonferma u tgħid x’kienet ir-raġuni għal dan l-għeluq tal-imsemmija range li mhux jippermetti li t-tiraturi jagħmlu użu minnha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li f’Range 4 żviluppaw ħsarat li qed jiġu indirizzati.

Ta’ Kandja Shooting Range – Ftuħ ta’ Range 4

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18231 u tindika meta ser terġa’ tinfetaħ Range 4 fis-Shooting Range f’Ta’ Kandja wara li din il-faċilità ilha magħluqa għal madwar 12-il xahar u dan sabiex it-tiraturi jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Range 4 se tinfetaħ meta jiġu ffinilazzati x-xogħlijiet fuq il-ħsarat li żviluppaw.

Malta Amateur Athletics Association – għajnuna għall-kumpless

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18232 u tgħid jekk il-Gvern hux ser jgħin lill-Malta Amateur Athletics Association fil-proġett li tħabbar ftit tal-jiem ilu mill-President tal-Assoċjazzjoni fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport u jekk iva tista’ tindika fiex se tkun tikkonsisti tali għajnuna li l-Gvern ser jgħaddi b’rabta mal-proġett li ser isir fejn illum hemm il-kumpless tal-atletika Matthew Micallef St.John fil-Marsa, anke fid-dawl li l-istat li jinsabu fih illum partijiet mill-istess kumpless, żgur li ma jippermettix li jsiru avvenimenti sportivi ta’ livell Internazzjonali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Il-Kumpless tal-Atletika Matthew Micallef St john huwa mgħoddi b’titlu lil Athletics Malta. Fl-aħħar xhur sar investiment ta’ madwar €600,000 fuq it-track li jinsab fl-istess kumpless. Bl-istess mod kif dan il-gvern jimxi mal-assoċjazzjonijiet sportivi kollha hemm djalogu miftuħ mal-MAAA dwar il-viżjoni preżentatha lil dan il-gvern. Bħalma dejjem għamel, il-gvern ser ikun lest li jgħin permezz ta’ assistenzi varji lill-istess assoċjazzjoni waqt li tkun qed issir evalwazzjoni tal-viżjoni tal-assoċjazzjoni anke fl-ottika tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport ta’ Pajjiżna.

Iċ-Ċirkewwa – miżuri ta’ sigurtà ma’ wieħed mill-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi/miżuri ta’ prekawzjoni jew sigurtà jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati fiż-żona ta’ wieħed mill-mollijiet taċ-Ċirkewwa indikat fil-link hawnhekk (https://fb.watch/310aVQd7IN/) u dan biex jiġu evitati traġedji wara li fl-aħħar ġimgħat, erba’ karozzi spiċċaw fil-baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li bħala miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ sigurtà l-Awtorità ser tkun qedgħha żżid l-ammont ta’ barrikati tal-metall ma dawk diġa’ eżistenti u ser jitwaħħu tabelli biex jillimitaw l-użu tal-parkeġġ fiż-żona tal-mollijiet taċ-Ċirkewwa.

Ekwestri Malta — membri

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk ġietx imwaqqfa uffiċċjalment Ekwestri Malta u allura jekk iva tistax tgħid min huma l-membri li qed jiffurmaw din l-entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’xi seduta ohra.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdes Megalitiku – Applikazzjoni għal żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar hemmx xi applikazzjoni għal xi tip ta’ żvilupp?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjoni għall-iżvilupp fuq is-sit in kwistjoni.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdes Megalitiku – sit skedat

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar hijiex skedata jew le?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li s-sit in kwistjoni mhux skedat.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdex Megalitiku – studju fuq sit

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarx xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju nhar il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2021 u f’xi jiem qabel fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Jekk iva jista’ jindika dan ix-xogħol, studju jew eżerċizzju fiex kien jikkonsisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-verifiki li saru mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, ma jirriżultax li xi waħda minn dawn l-entitajiet wettqet xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju fid-dati u s-sit imsemmija. Għaldaqstant ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdex Megalitiku – studju fuq sit

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarx xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju nhar il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2021 u f’xi jiem qabel fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Jekk iva jista’ jindika dan ix-xogħol, studju jew eżerċizzju fiex kien jikkonsisti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sarx xogħol/studju/eżerċizzju minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru.

Iċ-Ċirkewwa – miżuri ta’ sigurtà ma’ wieħed mill-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi/miżuri ta’ prekawzjoni jew sigurtà jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati fiż-żona ta’ wieħed mill-mollijiet taċ-Ċirkewwa indikat fil-link hawnhekk (https://fb.watch/310aVQd7IN/) u dan biex jiġu evitati traġedji wara li fl-aħħar ġimgħat, erba’ karozzi spiċċaw fil-baħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ta’ Kandja Shooting Range – spiża tal-Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa x-Shooting Range f’Ta’ Kandja u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rendikont ta’ kif intefqu l-ispejjeż kollha fuq l-imsemmi proġett?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li twegiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Ta’ Kandja Shooting Range –Għeluq ta’ Range 4

Question

Peress li ma kien hemm l-ebda referenza fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat ftit tal-ġimgħat ilu dwar Range 4 fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja, u li issa ilha magħluqa għal madwar 12-il xahar, tista’ l-Ministru tikkonferma u tgħid x’kienet ir-raġuni għal dan l-għeluq tal-imsemmija range li mhux jippermetti li t-tiraturi jagħmlu użu minnha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li twegiba se tingħata f’xi seduta oħra.