Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar – Triq Andrea Debono – manutenzjoni fuq tappieri

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq numru ta’ tappieri li qed jikkawżaw inkonvenjent għal min jgħaddi minn Triq Andrea Debono fin-Naxxar u anke min jgħix fl-istess żona?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tispezzjona l-ħsarat li hemm f’dawn it-tappieri sabiex tikkonsulta mal-entitajiet konċernati li tagħhom huma s-servizzi, ħalli jsiru t-tiswijiet u l-interventi meħtieġa mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Park tal-Majjistral – allokazzjoni diretta mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni diretta mill-Gvern għall-Park tal-Majjistral fis-snin 2018, 2019, 2020 u kemm hi għas-sena 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 14612 fejn kont tajt spjegazzjoni fid-dettal, ankè permezz ta’ dokumenti li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra, dwar l-allokazzjoni annwali u appoġġ finanzjarju ieħor li jagħti l-Gvern. Infakkar li l-allokazzjoni annwali jipprovdi għaliha l-Ftehim ta’ Ġestjoni bejn il-Gvern u l-Heritage Parks Federation, liema ftehim jibqa’ validu sa Jannar 2023.

Siti ta’ Natura 2000 – allokazzjoni diretta mill-Gvern għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ Natura 2000 f’Malta u Għawdex u jindika wkoll kemm kienet l-allokazzjoni diretta mill-Gvern sabiex isir xogħol f’dawn il-postijiet kif ukoll sabiex jinżammu fl-aħjar stat possibbli fis-snin 2018, 2019, 2020 kif ukoll għas-sena li ninsabu fiha 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-siti Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin. Din tinkludi kemm is-siti terrestri kif ukoll dawk tal-baħar. Ngħarrfu li fuq medda ta’ erba’ snin, mill-2018 sal-2021, il-Gvern alloka somma ta’ kważi erbgħa punt tmien miljun ewro (EUR 4.8m) għall-ħarsien u ż-żamma ta’ dawn is-siti. Dan il-figura teskludi pagi ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru u li jwettqu dmirijiet relatati direttament mas-siti msemmija.

Environmental Rangers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati s’issa Environmental Rangers, u fejn dawn qegħdin stazzjonati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-proġett pilota tal-Environmental Rangers li kont ħabbart f’Diċembru li għadda, sa issa ġew impjegati tliet uffiċjali. Dawn joperaw mill-uffiċini ċentrali ta’ Ambjent Malta għalkemm xogħolhom imbagħad ikun jinvolvi li jwettqu rondi f’diversi siti Natura 2000. Sadanittant, is-sejħa pubblika għall-ingaġġ ta’ Uffiċjali Pubbliċi li jwettqu xogħol bħala Environmental Rangers se terġa’ tinħareġ fil-jiem li ġejjin; b’hekk il-firxa u l-frekwenza tar-rondi jkunu jistgħu jiżdiedu u l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ.

Environmental Ranger — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki biex wieħed ikun jista’ japplika għall-impjieg ta’ Environmental Ranger?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sabiex tiġi impjegata fis-Servizz Pubbliku biex twettaq xogħol ta’ Environmental Ranger, persuna jeħtieġ li jkollha mill-inqas ħames (5) passes fil-Livell Ordinarju li jkunu jinkludu l-Malti, l-Ingliż u żewġ (2) suġġetti tax-Xjenza.

Environmental Rangers — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min u b’liema mod saret jew qiegħda ssir l-għażla sabiex jiġu ingaġġati Environmental Rangers?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċjali li ġew ingaġġati bħala parti mill-Proġett Pilota tal-Environmental Rangers daħlu fis-Servizz Pubbliku wara sejħa pubblika li kienet dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta’ Lulju 2020. Il-proċess tal-għażla sar skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Environmental Rangers – kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol (pagi inklużi)li għandhom illum l-Environmental Rangers f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni ngaġġati sabiex jagħmlu xogħol ta’ Environmental Rangers huma Uffiċjali Pubbliċi u għaldaqstant il-kundizzjonijiet tagħhom huma dawk stabbiliti fil-Public Service Management Code. Kif anke kienet tindika s-sejħa pubblika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta’ Lulju 2020, il-paga ta’ dawn l-uffiċjali tibda minn Skala 16 tal-iskali ta’ salarju tas-Servizz Pubbliku u, jekk persuna tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti, din tavvanza għal skala 15 wara ħames (5) snin u għal skala 14 wara għaxar (10) snin servizz fil-grad.

San Pawl il-Baħar – Triq l-Imrejkba, Triq il-Konz u Triq l-Indipendenza — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta b’urġenza tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa fit-toroq u l-bankini fi Triq l-Imrejkba, Triq il-Konz u Triq l-Indipendenza f’San Pawl il-Baħar? Dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, jista’ jkun qed ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minnhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18693 tas-Seduta 424.

Naxxar – Triq l-Emigranti — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta b’urġenza tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa fuq il-bankini fi Triq l-Emigranti fin-Naxxar? Dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir,jista’ jkun qed ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minnha.

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18693 tas-Seduta 424.

Naxxar – Triq San Pawl – tiswijiet fuq iż-Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tiswijiet li hemm bżonn isiru fuq iż-Zebra Crossing fi Triq San Pawl fin-Naxxar u li ilhom rapportati għal numru ta’ ġranet isiru bla dewmien mill-awtoritajiet responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Nitolbu jindika liema zebra crossing qiegħed jirreferi minħabba li hemm aktar minn zebra crossing waħda fit-triq imsemmija.

Fomm ir-Riħ – Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjoni għall-kanċell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet (mill-Gvern jew mill-privat) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex isir xi forma ta’ kanċell jew struttura oħra sabiex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku f’Fomm ir-Riħ (limiti tar-Rabat), liema post huwa wieħed mis-siti Natura 2000 f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhemm l-ebda applikazzjoni ma’ l-Awtorità tal-Ippjanar f’dan ir-rigward.

Mellieħa – Master Plan tal-Park tal-Majjistral

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relatat mal-Master Plan għall-Park tal-Majjistral limiti tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-Park tal-Majjistral, il-ħidma li qed titwettaq kont spjegajtha fid-dettal fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14612, fejn anke kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra diversi dokumenti li jirrelataw ma’ din il-ħidma. Fost l-oħrajn dawn kienu jinkludu l-ftehim għall-ġestjoni tal-park u ftehim ieħor milħuq bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Bord tal-Park. Fir-rigward tal-Master Plan mitlub, nixtieq ngħarraf li dan għadu fi stadju ta’ tħejjija u għaldaqstant ikun jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra la darba jkun addottat. Madankollu, irrid niċċara li, minħabba l-fatt li t-territorju tal-Park tal-Majjistral huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu sit Natura 2000, il-ħidma kollha li saret kienet iggwidata mill-Pjanijiet tat-Tmexxija jew Management Plan tas-sit inkwistjoni (L-Irdumijiet ta’ Malta) li hu ppubblikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Park tal-Majjistral – Environmental Rangers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Environmental Rangers impjegati fil-Park tal-Majjistral u kemm hu l-vot allokat mill-Gvern għall-istess impjegati biex iwettqu l-ħidma tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Park tal-Majjistral ma joperawx Environmental Rangers ta' Ambjent Malta. Peró, fil-post imsemmi joperaw ħames Majjistral Park Rangers li huma impjegati mill-Heritage Parks Federation. Il-finanzjament ta' dawn tal-aħħar joħroġ mill-grant annwali li jagħti l-Gvern, skont il-provvedimenti tal-Ftehim ta’ Ġestjoni u minn sorsi oħra li tiġġenera l-Federazzjoni. Fir-rigward tal-Ftehim ta’ Ġestjoni u l-grant annwali nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14612.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Madanakollu Parks Malta wettqet proġett ta` tisbiħ f`dan il- Ġnien f`Mejju tas-sena 2019, fejn fost l-oħrajn saru xogħolijiet ta` formazzjoni ta` passaġġi ġodda, installazzjoni ta` sistemi ta` tisqija, installazzjoni ta` bankijiet u dwal ġodda u tħawwil ta` siġar. Parks Malta kompliet tassisti lill-Kunsill Lokali tal- Mosta f`dan il-Ġnien , fit-tisqija, żbir u kura oħra tas-siġar. Parks Malta, fi’ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, hija kommessa li tassisti lill-Kunsill Lokali meta jeħtieġu l-għajnuna sabiex tassigura li l-Ġonna kollha jkunu fi stat tajjeb u li jistaw ikomplu jitgawdew mill-kommunitajiet u l-pubbliku nġenerali.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu possibilment il-Kunsill Lokali Mosta? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali qed jipprovdi servizz ta’ tindif u ġbir ta’ skart ta’ kuljum miż-żona tal-ġnien li hu responsabbli minnha. Minbarra hekk nirreferih għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 18654.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Kaħli – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandhom isiru fi Triq il-Kaħli f’San Pawl il-Baħar, peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ser ikun qed ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minnha?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Bħal toroq oħrajn, it-triq indikata tinsab fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid ukoll fiż-żmien li ġej. L-aġenzija hija f’kuntatt dirett mal-Kunsilli Lokali biex fejn verament hemm bżonn, bħalma diġà għamlet f’ċerti lokalitajiet, tappoġġjahom fil-manutenzjoni tat-toroq liema ħidma hija fir-responsabbiltà tagħhom sakemm it-toroq residenzjali jinbnew mill-ġdid. Sadanittant, mistoqsijiet dwar tiswijiet tat-toroq sakemm jasal iż-żmien tagħhom biex jinbnew mill-ġdid għandhom isiru lill-ministeru konċernat miż-żamma ta’ toroq lokali.

Il-Mellieħa – Triq il-Gardell – xogħlijiet fuq bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza bankina li hemm nieqsa f’parti minn Triq il-Gardell fil-Mellieħa peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir ser ikun qed ifisser aktar perikli u skumdità għal kull min jagħmel użu minnha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18693 tal-istess Seduta.

Fomm ir-Riħ – Aċċess għall-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u x’inhi r-raġuni li l-aċċess għall-post magħruf bħala Fomm ir-Riħ u li hu sit Natura 2000 ingħalaq għall-pubbliku hekk kif jidher fil-filmat li qed jingħata separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. interpellant li, waqt li l-bajja ta’ Fomm ir-Riħ u l-kosta huma pubbliċi, l-aċċess għaliha jinsab f’art privata, liema passaġġ bħalissa huwa ta’ periklu.

Għaqdiet, Assoċjazzjonijiet u Klabbs Sportivi – għajnuna — COVID-19

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18233 u tindika b’mod individwali liema kienu dawk l Assoċjazzjonijiet u Klabbs Sportivi li ngħataw għajnuna (u kemm kienu l-ammonti b’mod individwali għal kull Assoċjazzjoni) mill-Gvern matul l-aħħar 10 xhur bħala sostenn għas-sitwazzjoni problematika u diffiċili li ħolqot l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna lill-istess għaqdiet sportivi fl-operat tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kien hemm żewġ skemi kif indikat fit-tabella hawn taħt: Use of Facilities Total Number of clubs/associations 40 Total Amount €163,157.52 Ground Rents Total Number of clubs/associations 132 Total Amount €312,388.73