Berġa tal-Mellieħa – servizzi relatati mal-qasam tas-saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi relatati mal-Qasam tas-Saħħa li qed jingħataw bħalissa fil-Berġa tal-Mellieħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja tal-klinika fil- komunità tal-Mellieħa preżentament u temporanjament qegħdin sospiżi peress li din il-klinika qed tintuża sabiex tkun tista’ tingħata t-tilqima kontra l-Covid-19. Madanakollu persuni li kienu jużaw is-servizzi mill-klinika tal- komunità’ tal-Mellieħa setgħu u jistgħu jagħmlu dan mill-klinika fil-komunita’ tal-Imġarr, miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha, kif ukoll permezz tas-servizz tat-telemedicine.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li s-servizz ta’ speech therapist fil-Berġa tal-Mellieħa ilu xhur ma jingħata jew biex inkun aktar speċifiku hemm pazjenti li ilhom jistennew appuntament għal numru ta’ xhur?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20683.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni u min ħa d-deċiżjoni li tiġi posposta il-pubblikazzjoni tal-Gwida Michelin għas-sena 2021, liema pubblikazzjoni kellha issir fil-bidu tat-tieni ġimgħa ta’ Marzu 2021?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista se titħabbar meta jkun l-iktar opportun u jkun jista’ jsir marketing internazzjonali b’mod aktar effettiv.
Skemi u inizzjativi għal stabbilimenti biex jgħollu l-livell tas-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar skemi jew inizjattivi sabiex jgħin stabbilimenti li għandhom l-ambizzjoni u x-xewqa li jgħollu l-livell tagħhom sabiex ikollhom l-opportunità li jidħlu fil-Gwida Michelin fis-snin li ġejjin?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu la għandha kontroll u lanqas ma tindaħal f’tali proċess.
San Pawl il-Baħar – Triq San Franġisk u Triq il-Konverżjoni — bankina
Question
Jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat isiru it-tiswijiet fuq il-bankini fi Triq San Franġisk kif ukoll fi Triq il-Konverżjoni f’San Pawl il-Baħar, liema bankini jinsabu fi stat perikoluż ħafna (ritratt anness)?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Triq it-Tamar – tiswijiet fi triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fi Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar, peress li din tinstab fi stat ħażin fejn parti minn din it-triq qed jikkawża perikli lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq (ritratt jinsab anness)
Response (BORG, IAN)
Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq it-Tamar li qed issir fi proġett wieħed li jinkludi tliet toroq oħrajn fl-istess żona ta’ San Pawl il-Baħar li huma Triq Andrew Cunningham u triq ġdida li tiġi bejniethom, kif uoll Triq Annetto Caruana. Filwaqt li l-ewwel tlieta jonqoshom l-aħħar saff t’asfalt, għad irid isir ix-xogħol fit-triq l-oħra.
Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid diversi toroq residenzjali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fosthom Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq l-Iskuna. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Awtorità tal-Ippjanar – Il-Baħrija – Post magħruf bħala il-Blata tal-Melħ — xatba
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa xatba li għalqet l-aċċess għall-post magħruf bħala “Il-Blata tal-Melħ”, limiti tal-Baħrija? Jekk m’hemmx permessi, jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jerġa’ jinfetaħ dan l-aċċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa x-xatba. Iżda jirriżulta li saret applikazzjoni sanatorja fejn l-applikant qed jiddikjara li hu sid tal-art. L-Awtorità tal-Ippjanar tirregola biss żvilupp illegali, iżda mhux drittijiet ta’ aċċess, li huwa l-irwol tal-Awtorita tal-Artijiet.
Il-Manikata — Triq il-Mejjiesa - tiswijiet fuq traffic calmer
Question
Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta jew il-Kunsill Lokali Mellieħa jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa fuq traffic calmer li hemm fi Triq il-Mejjiesa fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li din hija triq lokali u l-manutenzjoni hija responsabbilta’ tal-kunsill lokali. Transport Malta ser tkun qed tinforma lill-kunsill ħalli jkun jista’ jieħu l-azzjoni neċċessarja dwar din il-hump.
Il-Manikata — Triq il-Mejjiesa - tiswijiet fuq traffic calmer
Question
Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta jew il-Kunsill Lokali Mellieħa jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa fuq traffic calmer li hemm fi Triq il-Mejjiesa fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li saret spezzjoni fuq il-post imsemmi sabiex ġew stabbiliti x’tiswijiet huma meħtieġa, bil-għan li tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati li kien meħtieġ li jkollha Infrastructure Malta biex setgħet twettaq xogħol ta’ tarmak fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa, kif ukoll xogħol ieħor li kkonsista f’rampa tal-konkos mill-istess triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.
ERA – Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu suppost ħarġu lill-Infrastructure Malta sabiex din setgħet twettaq xogħol fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad limiti tal-Mellieħa u dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’tarmak fi triq indikata kif ukoll f’rampa tal-konkos mit-triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament u dan anke peress li ż-żona inkwistjoni hija wkoll SAC (Special Area of Conservation)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li għax-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma nħarġu l-ebda permessi. Fir-rigward tal-kisi tat-triq bit-tarmak, tajjeb wieħed jinnota li, skont Klassi 3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08 (Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp), xogħlijiet ta’ din ix-xorta ma jeħtiġux permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Min-naħa l-oħra, x-xogħlijiet tar-rampa ħtiġilhom permess u l-Awtorità ordnat li din titneħħa minnufih kif fil-fatt sar.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt iffirmat bejn l-MTA u Michelin? Kemm jiswa dan l-istess kuntratt u għal kemm hu l-perjodu ta’ żmien?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li k-kuntratt ma jistax jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra peress li fih informazzjoni li hija kummerċjalment sensittiva.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-MTA għaddietx lista ta’ stabbilimenti (restaurants) lil Michelin sabiex dawn jiġu spezzjonati? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ dawn l-istess stabbilimenti u x’kienu r-rekwiżiti rikjesti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tgħaddi l-lista ta’ Quality Assured Restaurants lil Michelin, li min naħa tagħhom jagħmlu l-analiżi, riċerka u spezzjonijiet li jidhrilhom l-iktar xierqa mingħajr ebda indħil mill-istess Awtorita’. Hemm ’il fuq minn 90 restaurant li huma fuq il-lista tal-Quality Assured u r-rekwiżiti rikjesti huma dawk tal-Quality Assured Seal.
Is-Salina – Triq is-Salini – rapport tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19622 jista’ l-Ministru jpoġġi KULL dokument ikkummissjonat mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali relatat mal-applikazzjoni PA03155/17 fuq xogħol li nbeda u ma’ tkompla qatt fis-Salina? Nifhem li hemm aktar dokumenti minn dak impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mar-risposta indikata fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2021 u li kienu ppreżentati/ppreparati mill-istess entità indikata fuq l-istess proġett fis-Salina?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tal-Ippjanar m'għandha l-ebda dokument ieħor ħlief dak li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 19622
Infrastructure Malta – investigazzjoni mill-Pulizija dwar ksur ta’ liġijiet relatati mal-ambjent
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u fuq liema każijiet Infrastructure Malta qed tiġi investigata mill-Pulizija dwar ksur ta’ liġijiet primarjament dawk relatati mal-ambjent li l-istess entità wettqet waqt id-diversi xogħlijiet li wettqet jew qed twettaq? Anness għandek issib links meħudha minn fuq il-media soċjali / portals lokali li jispeċifikaw preċiżament fejn saru uħud minn dawn l-illegalitajiet.
https://timesofmalta.com/articles/view/the-steamroller-strategy-of-maltas-roads-agency.854614
https://timesofmalta.com/articles/view/era-stops-illegal-infrastructure-malta-road-works-in-dingli.848759
https://timesofmalta.com/articles/view/dwejra-concrete-path-to-be-removed-resurfaced.857554#.YEuL4q4i74N.whatsapp
https://newsbook.com.mt/en/police-asked-to-investigate-infrastructure-malta-ceo-for-environmental-law-breach/
https://timesofmalta.com/articles/view/dwejra-path-works-halted-after-cultural-heritage-watchdog-intervenes.851177
Gozo Channel – Vaċċin kontra l-COVID-19 lill-ħaddiema — kriterji
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema kriterji ntużaw biex ġiet ifformulata lista ta’ prijorità għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Gozo Channel sabiex dawn jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19? U allura jista’ jindika kemm hemm ħaddiema li għadhom ma ħadux il-vaċċin u meta mistennija tkun eżawrita l-lista kollha tal-ħaddiema, biex b'hekk ikunu ħadu l-vaċċin kollha kemm huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li flimkien ma’ Transport Malta, il-Gozo Channel ħadet ħsieb li tara li l-ħaddiema kollha jiġu vvaċċinati u għalhekk intbagħtet il-lista ta’ dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Gozo Channel u li dawn taw il-kunsens tagħhom biex jiġu vvaċċinati.
Peress li l-proċess ta’ vaċċinazzjoni qed jiġi direttament ikkordinat mill-Awtorita’ tas-Saħħa ma nistax nikkonferma kemm minn dawn il-ħaddiema ġew vvaċċinati s’issa, u anqas sa meta mistenni jiġi eżawrit l-istess proċess.
COVID-19 – koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ — għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras dawk il-koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ tagħhom minħabba l-aħħar miżuri mħabbra b’rabta mal-imxija tal-COVID-19 u jaċċertahom li ser ikun hemm xi forma ta’ għajnuna għalihom li tagħmel tajjeb għall-flus/depożiti li setgħu jew jistgħu jitilfu jew minħabba spejjeż addizzjonali li qed ikollhom jidħlu fihom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
COVID-19 – koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ — għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras dawk il-koppji li kellhom imexxu d-data tat-tieġ tagħhom minħabba l-aħħar miżuri mħabbra b’rabta mal-imxija tal-Covid 19 u jaċċertahom li ser ikun hemm xi forma ta’ għajnuna għalihom li tagħmel tajjeb għall-flus/depożiti li setgħu jew jistgħu jitilfu jew minħabba spejjeż addizzjonali li qed ikollhom jidħlu fihom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl li diġà hemm skema relatata taħt il-Ministeru tal-Finanzi nitlob lill-Onor. jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ħaddiema li jipprovdu servizz essenzjali f’pajjiżna – vaċċin kontra l-COVID-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li ħaddiema li qed jipprovdu servizzi essenzjali f’pajjiżna qed ikunu kkunsidrati bħala front liners u allura jindika f'liema prijorità qegħdin biex jirċievu l-vaċċin kontra l-COVID-19? Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, ħaddiema tal-banek, tas-supermarkets u ta' kumpaniji li jipprovdu prodotti u servizzi lil supermarkets, spiżeriji, eċċ. Dawn bi dritt jistennew ukoll li jiġu meqjusa wkoll bħala front liners.
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq parir tal-Advisory Committee on Immunization Policy apparti persuni ‘il fuq minn 60 sena u nies b’mard kroniku serju, il-vaċċin qed jingħata ukoll lill-front liners u ħaddiema f’setturi essenzjali. Il-process għadu għaddej.
Trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fl-Imarfa u Binja li tinkludi l-Batterija ta' Wied Musa — proċess
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19374 u jgħid fiex wasal ix-xogħol/proċess dwar it-trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fil-Marfa u li din il-binja tinkludi wkoll il-Batterija ta’ Wied Musa? Fuq l-istess binja, jista’ l-Ministru jindika x'inhuma/ jew x’kienu l-pjanijiet ghal din il-binja storika anke jekk minn entitajiet privati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.