Legislature:
Category:
Reset
Active:

Environment Impact Assessment mill-Wasteserve dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġie jiswa l-EIA li kien ikkummisjonat mill-Wasteserv dwar il-bini tal-inceneratur fil-Magħtab, liema rapport issa ġie null u ser ikollu jerġa' jsir mill-ġdid minħabba raġuni indikata mill-ERA dik ta’ kunflitt ta’ interess ta’ min ħadem fuq ir-rapport indikat? U fix-xenarju ta’ dan kollu, jista’ l-Ministru jindika min ser jerfa’ r-responsabilità politika u amministrattiva għal dan in-nuqqas serju?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kuntrarju għall-impressjoni li tagħti l-mistoqsija tiegħu, fir-rigward tal-Impjant Waste to Energy, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. ma ntalbitx tagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) mill-ġdid, iżda minħabba li kien hemm allegazzjoni dwar possibiltà ta’ kunflitt ta’ interess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) talbet lill-Wasteserv sabiex tqabbad koordinatur indipendenti ġdid biex dan janalizza l-istudiji preċedenti u jipprepara Coordinated Assessment. Dan ir-rapport huwa biss wieħed mis-sensiela ta’ studji u dokumenti li kienu meħtieġa b’rabta mal-proġett imsemmi u li b’kollox swew mija u għaxart elef, erbgħa mija u ħamsin ewro (EUR 110,450), VAT eskluża. L-ispiża relatata mal-ħatra ta’ koordinatur ġdid u t-tħejjija ta’ Coordinated Assessment kienet ta’ għaxart elef ewro (EUR 10,000), VAT eskluża.

Environment Impact Assessment dwar l-inċineratur fil-Magħtab

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġej jiswa l-EIA il-ġdid li l-Wasteserv qed tikkummisjona bħalissa dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab u fl-istess waqt jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati mal-proċess sabiex il-Wasteserv għażlet jew se tagħżel il-kumpanija/persuna sabiex tipprepara/jipprepara r-rapport ġdid indikat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 21154 u ninfurmah li l-proċess sabiex jinħatar koordinatur independenti ġdid sar ai termini tar-Regolament 100(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03)

Il-Magħtab — bini tal-Inċineratur - effetti fuq il-baħar tal-madwar

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li saru u li huma relalti mal-effett fuq il-baħar tal-madwar li ser iħalli l-bini tal-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-Impjant Waste to Energy fiż-żona tal-Magħtab, l-istudji li saru huma voluminużi u qegħdin disponibbli għall-pubbliku anke fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/). Kopja tas-sommarju eekuttiv ta’ dawn l-istudji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Irrid infakkar li sabiex jiġu evitati danni ambjentali bit-twettiq ta’ dan il-proġett, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. qed tadotta l-aqwa teknoloġija disponibbli u l-ħruġ tal-ilma sħun fil-baħar hu maħsub li jsir minn outfall iddisinjat apposta li jtul madwar kilometru.

Il-Magħtab — Applikazzjoni u permessi għal bini tal-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjoni/permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena l-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferri lill-Onor. Interpellant għall-applikazzjoni PA/3012/20 li ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Mejju 2021. Kull pjanta u dokument huwa aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-Mellieħa – Triq l-Għerien – bdil ta’ bozza maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa isewwi/jibdel il-bozza maqtugħa li hemm biswit Lyness Block fi Triq l-Għerien fil-Mellieħa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-ħsara li kien hemm fuq il-lampa biswit Lyness Block fi Triq l-Għerien ġiet riżolta flimkien mal-Enemalta.

Il-Mellieħa — Triq Għar u Casa u Triq il-Barkazza - xogħlijiet

Question

B'referenza għal diversi okkazzjonijiet fejn tkellimt fil-Parlament dwar l-inkonvenjent li qed issofru r-residenti ta' Triq Għar u Casa u Triq il-Barkazza fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fuq dawn iż-żewġ toroq jingħataw priorità u jsiru mill-aktar fis?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17215 tas-Seduta 400.

San Pawl il-Baħar — Żona tas-Simenta - ħsara fil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jara b’urġenza li issir investigazzjoni mill-ERA fuq dak li qed iseħħ fiż-żona tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar u li jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma’ tkomplix issir ħsara lill-baħar tal-madwar hekk kif jidher fir-ritratt anness?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ li qiegħed jagħmel referenza għalih digà ġie nvestigat u x-xogħol għadu taħt sorveljanza filwaqt li nħarġu multi minħabba nuqqassijiet u non-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali. Aktar kmieni dan ix-xahar ix-xogħol twaqqaf minħabba li l-ilqugħ li kien hemm fil-baħar ma kienx effettiv bil-konsegwenza li materjal inxtered fil-baħar. Il-kuntrattur ġie ordnat ukoll biex jinstalla silt curtain kif speċifikat u addattata.

Il-Mellieħa — laqgħa ta' konsultazzjoni mal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika d-data meta ser ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-komunità kollha tal-Mellieħa dwar il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikun jikkonsisti l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu? Meta mistenni jibda u jispiċċa x-xogħol fuq l-imsemmi proġett?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza - parkeġġi għal karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b'abiltajiet differenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser ikun hemm spazju għall-parkeġġ tal-karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b’abiltajiet differenti (numru preċiz) ġaladarba jkun lest il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Mellieħa – Triq il-Marfa – Ċimiterju Omm il-Ħniena — estensjoni

Question

Wara li ressaqt minn tal-inqas għaxar domandi, li wħud minnhom imorru lura saħansitra sa Ġunju 2016, relatati mal-estensjoni taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena li jinsab fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta ser jitlesta x-xogħol ta’ estensjoni? Sadanittant jista’ jassigura li l-manutenzjoni li hemm bżonn fl-istess ċimiterju, bħal qtugħ ta’ ħaxix, tindif, kisi/tibjid tal-ħitan u tiswija tas-sistema tal-ilma, issir bla dewmien? Dan anke b’rispett lejn l-għeżież li hemm midfuna fl-istess ċimiterju. (Ritratti Annessi)

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interepellant illi x-xogħolijiet fuq l-estenzjoni taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa jinsabu weqfin wara illi l-kuntrattur ma baqax jonora l-kuntratt li kellu. It-tender, kien ikopri il-bini tal-oqbra kif ukoll il-manutenzjoni tal-ħitan, li jdawwru l-istess ċimiterju u l-bdil tar-rixtelli. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex jinħareġ tender ġdid. Dwar tindif u qtugħ ta’ ħaxix fiċ-ċimiterju, dan isir b’mod regolari mill-ħaddiema fit-Taqsima Regolatorja għad-Dfin fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Il-manutenzjoni neċessarja fuq il-provista tal-ilma tlestiet u ċ-ċimiterju issa huwa provdut bl-ilma.

Il-Mellieħa – Triq Joseph Grech Attard — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastruttura Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ fi Triq Joseph Grech Attard fil-Mellieħa u dan sabiex jekk għalissa mhux se ssir it-triq, temporanjament ikun jista’ jitneħħa l-perikolu u l-inkonvenjent li qed issofru r-residenti tal-madwar (hekk kif jidhru fir-ritratti annessi)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tqis is-sitwazzjoni tat-triq indikata, li għadha mhix iffurmata, biex jittaffew id-diffikultajiet tar-residenti konċernati.

Il-Mellieħa – Triq Dun Manwel Grima – lampi/bozoz — manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa (mill-Enemalta jew mill-Kunsill Lokali Mellieħa) sabiex lampi/bozoz maqtugħa fi Triq Dun Manwel Grima kantuniera ma’ Triq l-Għasafar u f’żoni oħra fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bozoz/lampi fit-toroq indikati m’humiex fir-responsabiltà tal-Enemalta PLC iżda tal-Kunsill Lokali. Madanakollu infurmata li l-Enemalta iċċekkjat il-linja tal-elettriku u nstabet li hija tajba.

Il-Mellieħa – Triq Dun Manwel Grima – lampi/bozoz — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir l-manutenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali Mellieħa sabiex lampi/bozoz maqtugħa fi Triq Dun Manwel Grima kantuniera ma’ Triq l-Għasafar u f’żoni oħra fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tinagħta f’seduta oħra.

Victoria Lines — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru fil-Victoria Lines minn Infrastruttura Malta kellux l-approvazzjoni tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li juri tali approvazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha f’infrastruttura aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli f’pajjiżna, Infrastructure Malta għaddejja bi programm estensiv ta’ tiswijiet u manutenzjoni ta’ mijiet ta’ toroq rurali. Aktar kmieni din is-sena, l-aġenzija bdiet tiksi mill-ġdid triq li kienet diġa miksija bil-konkos fil-passat, fil-limiti tad-Dwejra, bejn l-Imġarr u r-Rabat. Din it-triq dejqa kellha partijiet miksijin bl-asfalt u oħrajn bil-konkos, i¿da matul is-snin, minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni, il-wiċċ tagħha spiċċa fi stat ħażin ħafna. Ix-xogħlijiet bdew wara li nkisbu l-permessi meħtieġa għal xogħlijiet f’toroq e¿istenti. L-ewwel xogħlijiet bdew f’parti mit-triq li m’hijiex viċin il-Victoria Lines u li m’hijiex koperta bl-ebda tip ta’ skedar jew protezzjoni oħra ambjentali jew arkeoloġika. Meta x-xogħol kien qed joqrob lejn art li tinsab mal-burdura (buffer) taż-żona ta’ protezzjoni tal-istrutturi tal-Victoria Lines, Infrastructure Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ddiskutew ix-xogħlijiet u ftiehmu li l-kumplament tat-triq hekk kif toqrob lejn is-sit tal-Victoria Lines jinkesa b’materjal simili tal-konkos li huwa aktar adattat għal postijiet bħal dawn. Dan it-tip ta’ materjal intuża fil-passat f’siti oħra ta’ importanza storika jew ambjentali peress li huwa meqjus bħala mod sostenibbli kif ittejjeb l-aċċessibilità ta’ toroq bħal dawn mingħajr ma jintuża asfalt jew konkos. Wara li tlestew ix-xogħlijiet fit-tieni parti tat-triq, Infrastructure Malta ddeċidiet li sabiex tiffaċilità l-manutenzjoni tal-istess triq fil-futur, l-ewwel parti tat-triq li kienet diġa saret bil-konkos, tinkesa bl-istess materjal, ħalli tkun kollha bl-istess tip ta’ wiċċ. B’hekk, permezz ta’ din il-ħidma b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza, l-aċċess għal dawn l-inħawi għall-bdiewa, sidien ta’ propjetajiet fl-inħawi u ħafna persuni oħrajn li jżuru dawn in-naħat għal xi mixja, issa huwa ferm aħjar milli kif kien tħalla għal ħafna snin fil-passat.

Mellieħa – Triq il-Marfa – bini ta’ ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ estensjoni ta’ ħajt fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, li ritratt ta’ dan il-ħajt qed jingħata separatament, għandux il-permessi meħtieġa biex isir, u jekk le x’passi ħadu jew qed jieħdu l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-istess Ministeru (primarjament l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi) sabiex jerġa’ jitneħħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħajt imsemmi għandu l-permess meħtieġ mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir.