Il-Mellieħa – Tunnara Promenande – permessi għal xogħlijiet fiż-żona
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorita tal-Ippjanar fuq xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tunnara Promenade fil-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tad-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Mellieħa – moll tal-Marfa – permessi għal xogħlijiet fiż-żona
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar dwar xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-moll tal-Marfa, limiti tal-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tad-dokumenti mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tunnara Promenade fil-Mellieħa, hux qed isiru minn Infrastruttura Malta u jekk iva jista’ l-Ministru jgħid ma’ min saru laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta bħalissa qed tlesti l-ewwel fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Dawret it-Tunnara, triq residenzjali mal-baħar fil-bajja tal-Mellieħa.
L-aġenzija bdiet tippjana dan it-titjib wara appelli ripetuti mir-residenti minħabba l-biża’ li partijiet mit-triq setgħu jċedu, peress li l-ħajt (retaining wall) tul ix-xatt ġarrab ħsarat kbar mill-elementi bħalma huma baħar qawwi u maltempati matul għexieren ta’ snin, kif ukoll nuqqas ta’ manutenzjoni adegwata. Wieħed mis-sidien saħansitra ħa passi legali biex iżomm lill-Gvern responsabbli minħabba r-risku li l-bini jċedi, kemm-il darba t-triq titħalla tiddeterjora.
F’Diċembru tal-2019, Infrastructure Malta applikat għall-permessi meħtieġa għall-iżvilupp biex terġa’ tibni l-ħajt max-xatt b’disinn aħjar, bl-użu ta’ materjali li jifilħu aktar u li huma iżjed adattati għall-kundizzjonijiet marittimi fiż-żona. Il-pjanijiet tal-proġett kienu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika, li matulha ma sarux sottomissjonijiet jew oġġezzjonijiet mill-pubbliku. Il-pjanijiet ġew riveduti wkoll mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li m’oġġezzjonatx għax-xogħlijiet meħtieġa li jsiru.
Kemm qabel kif ukoll waqt ix-xogħlijiet, li nbdew f’Jannar li għadda, Infrastructure Malta ltaqgħet ma’ bosta residenti biex iddiskutiet il-proġett magħhhom. Biex tispjegalhom aħjar il-proġett, l-aġenzija organizzat ukoll laqgħa ta’ informazzjoni, li fiha ħadu sehem madwar 30 resident.
Id-disinn imtejjeb tal-ħajt il-ġdid huwa maħsub b’mod li dan irażżan aktar il-mewġ u jżommu bogħod mill-bini, biex jonqos l-impatt tal-baħar fuq il-faċċati tar-residenzi, filwaqt li jipprevjeni milli t-triq tegħreq waqt xi maltempata. Il-pjanijiet approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar jinkludu l-bini mill-ġdid tal-ħajt metru għoli, għal aktar sigurezza għal kull min jgħaddi mill-inħawi bil-mixi. Madankollu, wara diskussjonijiet kontinwi ma’ sidien ta’ proprjetajiet tal-pjan terran f’din it-triq, Infrastructure Malta mmodifikat dawn il-pjanijiet biex tnaqqas l-għoli ta’ partijiet minn dan il-ħajt ħalli tnaqqsilhom l-impatt fuq il-veduta tal-baħar.
Il-bini mill-ġdid tal-ħajt se jkun lest qabel is-sajf u mhu se jsir l-ebda xogħol f’din it-triq matul ix-xhur tas-sajf biex ix-xatt kollu jkun aċċessibbli. Infrastructure Malta mbagħad se tkompli t-tieni fażi ta’ dan il-proġett f’Ottubru, biex isir wiċċ ġdid lit-triq u xoħlijiet oħra relatati.
Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar – Triq il-Konverżjoni, Triq l-Għabex, Triq Santa Marija u Triq Ġulju (mal-bus stop) — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa (primarjament ħofor u bankini li qed jikkawżaw inkonvenjent lir-residenti li jgħixu hemm u lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn dawn it-toroq) fit-toroq hawn indikati: Triq il-Konverżjoni, Triq l-Għabex, Triq Santa Marija u Triq Ġulju (mal-bus stop)? (ritratti annessi)
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-manutenzjoni fit-toroq imsemmijja jinstabu fil-programm tax-xogħlijiet.
Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — Triq il-Ġifen, Triq Patri Ġużepp Calleja, Triq il-Għabex, Triq ix-Xitwa u Triq Dawret il-Gżejjer – xogħlijiet ta’ tindif, qtugħ ta’ ħaxix u ħarsien tas-soft areas
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iwettaq/jara li jsiru x- xogħlijiet meħtieġa bħal tindif, qtugħ ta’ ħaxix u ħarsien xieraq tas-soft areas (konki vojta bla siġar ) u sistemi ta’ irrigazzjoni ma’ jaħdmux f’dawn it-toroq indikati: Triq il-Ġifen, Triq Patri Ġużepp Calleja, Triq il-Għabex, Triq ix-Xitwa u Triq Dawret il-Gżejjer (ritratti annessi)
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li it-toroq u x-xogħol indikat qiegħed fil-programm ta’ xogħlijiet.
San Pawl il-Baħar – Triq Luigi Preziosi – tneħħija ta’ arbli tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex arbli li qed jikkaw¿aw nuqqas ta’ aċċess fuq bankina fi Triq Luigi Preziosi jitneħħa? (ritratt anness)
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fl-inħawi ser isiru xi xogħlijiet minn entitajiet oħra. Ix-xogħol imsemmi jinsab fil-programm ta’ xogħlijiet, u jsir b’ko-ordinazzjoni meta jitlestew ix-xogħlijiet l-oħra.
Marsaskala – art mgħoddija lill-Klabb tal-Waterpolo
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding fejn art (baħar) u/jew proprjetà pubblika li ġiet mgħoddija lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2013 u April 2021 ġewwa l-lokalità ta’ Marsaskala fiż-żona indikata bl-aħmar fid-dokument anness?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Marsaskala – art mgħoddija lill-Klabb tal-Waterpolo
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding fejn art (baħar) u/jew proprjetà pubblika li ġiet mgħoddija lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2013 u April 2021 ġewwa l-lokalità ta’ Marsaskala fiż-żona indikata bl-aħmar fid-dokument anness?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.
Marsaskala – art mgħoddija lill-Klabb tal-Waterpolo
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding fejn art (baħar) u/jew proprjetà pubblika li ġiet mgħoddija lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2013 u April 2021 ġewwa l-lokalità ta’ Marsaskala fiż-żona indikata bl-aħmar fid-dokument anness?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – permessi relatati fiż-żona Tas-Simenta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati, maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar fuq xogħol li għaddej bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward taż-żona msemmija, nħareġ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar – korrispondenza dwar ix-xogħlijiet fuq iż-żona Tas-Simenta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza (inkluż minuti tal-laqgħat) li l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar kellu dwar xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fiż-żona magħrufa bħala tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar? Minuti mhux biss tal-laqgħat tal-Kunsill iżda wkoll ta’ laqgħat oħra li setgħu saru ma’ entitajiet governattivi jew ma’ ministeri?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-ebda laqgħa formali ma saret bejn il-Kunsill u xi entitá governattiva dwar is-suġġett imsemmi.
Is-sezzjoni mill-minuti tal-laqgha tal-Kunsill numru tletin (30) li jagħmlu referenza għas-suggett imsemmi tgħid hekk:
Minuti Laqgha 30 – 13/05/2021 : Item 30.5
- Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kunsilliera
Mistoqsija: “Meta se ssir il-laqgħa mal-perit risponsabbli mix-xogħolijiet tas-Simenta?”
Risposta: “Irid jiġi ċċarat, li għalkemm il-kunsill ġie nfurmat dwar ix-xogħolijiet li għaddejjin, il-manteniment taż-żona ma jaqax taħt ir-risponsabilita tal-kunsill imma ta’ TM.”
Għal aktar tagħrif nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fiż-żona magħrufa Tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar hux qed isiru minn Infrastruttura Malta u jekk iva jista’ allura l-Ministru jgħid ma’ min saru laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija saru min Transport Malta u mhux min Infrustructure Malta. Dawn ix-xogħlijiet saru b’ emerġenza, minħabba periklu fl- istruttura eżistenti.
Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza - Parkeġġi għal Karozzi, muturi, u Parkeġġ riservat għall-persuni b'abilitajiet differenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 211502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u l-Proġetti Kapital u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ser ikun hemm spazju għall-parkeġġ tal-karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b’abiltajiet differenti (numru preċiz) ġaladarba jkun lest il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jħalli l-faċilitajiet kollha li hemm preżenti bħalissa fil-pjazza.
Il-Magħtab — bini tal-Inċineratur - effetti fuq il-baħar tal-madwar
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21156 dwar studju fuq l-effett fuq il-baħar tal-madwar li ser iħalli l-bini tal-inċineratur fiż-Żona tal-Magħtab, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju relatat ma’ dan is-suġġett u fl-istess waqt jindika liema hi “l-aqwa teknoloġija disponibbli” li Wasteserv ser tkun qed taddotta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 21156, poġġejt diġà fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ sommarju eżekuttiv ta’ sittin faċċata li, fost l-oħrajn, jitratta l-ekoloġija martittima, l-istudju ta’ qiegħ il-baħar u l-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu sabiex jiġi ddisinjat pipeline apposta li jassigura li l-ambjent marittimu ma ssirlux ħsara bil-ħruġ ta’ ilma sħun. Irrid nispjega li, kuntrarju għal dak li kien sar meta nbniet l-ewwel power station f’Delimara, fejn l-ilma sħun beda jiżbokka max-xatt tal-Ħofriet, l-outfall tal-impjant tal-Waste to Energy hu propost li jkollu tul ta’ kilometru u li jkun mgħammar ukoll b’diffuser apposta sabiex, anke bil-kurrent tal-baħar, issir l-aqwa dispersion possibbli. Ir-rotta proposta għall-pipeline kienet suġġetta wkoll għal analiżi batimetrika sabiex għal darboħra l-impatt ambjentali ikun minimu.
Minbarra s-sommarju msemmi, kif anke spjegajt fit-tweġiba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, l-istudji voluminużi li diġà saru huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/).
F’dawn l-istudji, fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent marittimu, wieħed jista’ jikkonsulta erba’ dokumenti ewlenin. Dawn huma msejħa (i) AA (Appropriate Assessment), (ii) Volume 1 Coordinated report: Environmental Impact Assessment, (iii) Volume 2 Non-technical summaries (Maltese & English) u (iv) Volume 3 Appendices: Appendix VI Ecology. F’dak li jikkonċerna l-għażla tat-teknoloġija l-istudju pertinenti huwa l-EIA Coordinated Report, li f’sezzjoni 4.3 jitratta t-teknoloġiji alternattivi.
Environment Impact Assessment mill-Wasteserve dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab
Question
B’referenza għan-nuqqas ta’ risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21154 jista’ l-Ministru jindika min ser jerfa’ r-responsabbilità politika u amministrattiva dwar in-nuqqas ta’ due diligence li saret mill-Wasteserv dwar l-għażla tal-kumpanija/persuna sabiex jagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) dwar l-inċineratur fil-Magħtab, liema għażla fissret spiża addizzjonali fuq il-poplu Malti tal-inqas €10,000 u dan li wara sar magħruf li kien hemm kunflitt ta’ interess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ġiet ippreżentata fil-Qorti ittra ġudizzjarja. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, ma nħossx li jkun għaqli li nżid kummenti oħra mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 21154.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. interpellant li t-tagħrif jingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21153 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm ġej jiswa l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?
Xogħol illegali f’Kemmuna – investigazzjoni tal-Ombudsman – passi kontra uffiċjali
Question
B’referenza għad-dokument b’rabta mal-investigazzjoni li għamel l-Ombudsman fuq xogħol illegali li sar fuq Kemmuna u li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u li kopja tiegħu ntbagħtet dirett lill-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ser jieħu fil-konfront tal-uffiċjali responsabbli fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar li naqsu li jieħdu r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman liema nuqqas ta’ azzjoni fissret ksur ta’ liġi u ħsara irreparabbli fuq dan is-sit protett (Natura 2000)? Jista’ jgħid ukoll min ser jerfa r-responsabilità politika għal dan in-nuqqas serju li l-protagonisti f’din il-ħsara kollha mwettqa, kienu entitajiet governattivi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Il-Manikata – Triq il-Mejjiesa u tarf Sqaq Ħarruba – sinjali/miżuri tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati jieħdu deċiżjoni urġenti sabiex bejn Triq Mejjiesa u tarf Sqaq Ħarruba fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, (ritratt anness) isiru sinjali/miżuri adegwati tat-traffiku sabiex jiġu evitati inċidenti minħabba l-influss qawwi ta’ karozzi li baqa’ dejjem jiżdied f’din iż-żona?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li din it-triq hija responsabilta’ tal-kunsill lokali, pero l-Awtorita’ ta’ Transport ser tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-post u tikkordina skond il-bżonn.
Daħliet li jagħtu lejn il-Manikata mill-Mellieħa u Għajn Tuffieħa – sinjali tat-traffiku minħabba inġenji kbar
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati jerġgħu jagħmlu sinjali tat-traffiku (u li jiġu infurzati) fid-daħliet li jagħtu lejn il-Manikata mill-Mellieħa u Għajn Tuffieħa sabiex inġenji kbar ma jgħaddux mill-qalba tal-Manikata u dan dejjem sakemm ma jkunux se joffru/jagħtu jew jieħdu xi forma ta’ servizzi mill-istess żona?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Transport Malta li ser tkun qed tagħmel spezzjoni biex tara liema sinjali hemm neqsin u terġa tinstallhom.