Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa – Dar il-Madonna tal-Mellieħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerġa’ jibda jilqa’ fih l-anzjani ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa li jinsab f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa u dan wara li fl-aħħar xhur dan iċ-ċentru ġie trasferit f'post inqas attrezzat fl-istess lokalità? Deċizjoni li fissret ukoll li numru ta’ anzjani tilfu l-interess u ma baqgħux jattendu wara li l-Gvern naqas li jikkunsidra alternattivi oħra fl-interess kemm ta’ dawk l-anzjani residenti f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa kif ukoll residenti li jgħixu f’residenzi privati fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentru għall-Anzjanita’ Attiva tal-Mellieħa se jerġa’ jmur lura fil-post oriġinali nhar l-Erbgħa 16 ta’ Ġunju. Dan wara li kellu jiċċaqlaq għal post alternattiv biex jagħti lok biex isiru viżti fid-dar residenzjali tal-Mellieħa. Il-viżti mill-qraba ma setgħux isiru fid-Dar minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija. L-anzjani membri ta’ dan iċ-ċentru ġew offruti l-opportunità li xorta jkomplu jattendu ċ-ċentru u fil-fatt instab post alternattiv fil-lokalità tal-Mellieħa stess. Minn naħa taċ-ċentru xorta baqgħu jkunu organizzati attivitajiet fil-limiti tal-miżuri tal-pandemija. Wieħed irid jinnota ukoll li bejn il-11 ta’ Marzu 2021 u l-23 ta’ Mejju 2021 iċ-ċentri kienu magħluqin fuq struzzjonijiet tas-saħħa pubblika. Mill-24 ta’ Mejju 2021 iċ-ċentri kienu qegħdin jieħdu biss 4 anzjani, ukoll minħabba struzzjonijiet tas-saħħa pubblika. Għalhekk l-attendenza fiċ-ċentri kollha ta’ Malta u Għawdex hija riżultat ta’ dawn il-miżuri u mhux minħabba raġunijiet oħra.
Il-Mellieħa – permess validu mill-MCA – antennas/apparat simili
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm antennas/jew apparat simili b'permess validu mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni (MCA) fuq residenzi privati fil-lokalità tal-Mellieħa, liema apparat ġie installat minn kumpaniji privati li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari f’pajjiżna? Jista’ jgħid f’liema toroq dawn jinsabu installati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – minuti tal-laqgħat rigward bini ta’ pixxina
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ kull meta tqajjem is-suġġett dwar il-bini ta’ pixxina f’San Pawl il-Baħar, waqt laqgħat tal-Kunsill bejn l-Ġunju 2018 u Mejju 2021 b’inizjattiva minn Sirens Aquatic Sports Club?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill mitluba.
Attachments:Minuti Laqgħa tal-Kunsill numru 25 -1.pdfMinuti 76.pdfMinuti 74.pdfLaqgha 29 ta' 4 ta' Marzu 2021.pdfLaqgha 17 - Ħamis 11 ta' Ġunju 2020.pdfLaqgha 11 - It-Tnejn 13 ta' Jannar 2020.pdfLaqgha 10 - Minuti 16.12.2019.pdfAgenda 31 13.05.21_.pdf0191 - Alfred Grima Paul Bugeja - Rizoluzzjoni Specjali li titratta s-Sirens Access Road.pdf
San Pawl il-Baħar (Qawra, Buġibba u Xemxija) – skeda ta’ knis u qtugħ ta’ ħaxix fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda (triq bi triq) ta’ meta suppost isir il-knis u qtugħ ta’ ħaxix fit-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (tinkludi wkoll Qawra, Buġibba u Xemxija)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17290 li għamel hu stess.
B’referenza għall-Istqarrija PR211058 li nħarġet ftit tal-jiem ilu mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar dwar ftuħ mill-ġdid ta’ barrieri, jista’ l-Ministru jindika kemm hemm minn dawn il-barrieri, liema huma u f’liema lokalitajiet qegħdin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema tal-Wasteserv li fil-konfront tagħhom ittieħdu passi dixxiplinarji u fiex kienu jikkonsistu dawn il-passi dixxiplinarji bejn Jannar 2020 u Mejju 2021 (xahar b’xahar)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li infakkar li l-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. hija responsabbli għall-passi dixxiplinarji li jittieħdu fil-konfront ta’ ħaddiema li huma impjegati magħha direttament, ninsab infurmat li fil-perjodu in kwistjoni kien erba’ każijiet ta’ dixxiplina. F’Lulju 2020 inħarġu twissija u twissija verbali u f’Novembru 2020 inħarġu żewġ twissijiet.
Wasteserve – passi dixxiplinarji kontra ħaddiema — tkeċċijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm passi dixxiplinarji li fissru fi tkeċċija ta’ ħaddiema tal-Wasteserv bejn Jannar 2020 u Mejju 2021? Jekk iva, kemm kien hemm tkeċċijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif ġie spjegat fit-tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari 21651, il-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. hija responsabbli għall-passi dixxiplinarji li jittieħdu fil-konfront ta’ ħaddiema li huma mpjegati magħha direttament. Ngħarrfu li fil-perjodu li qed jirreferi għalih, jiġifieri bejn Jannar 2020 u Mejju 2021, ma kien hemm l-ebda passi dixxiplinarji li wasslu għat-tkeċċija ta’ xi ħaddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema raġunijiet ta’ passi dixxiplinarji, it-tmexxija tal-Wasteserv tiddeċiedi li tkeċċi ħaddiema fi ħdanha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-impjegati tal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd., kwalunkwe passi dixxiplinarji meħtieġa jittieħdu skont il-provvedimenti tal-Ftehim Kollettiv, speċifikament taħt Klawsola numru disgħa u erbgħin (49). Fejn jikkonċerna l-ħaddiema tal-kuntrattur, ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni ta’ passi dixxiplinarji taqa’ fuq il-kuntrattur stess.
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – ħinijiet tal-parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16964 u jitlob li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jara li jiġu rispettati u infurzati mill-awtoritajiet konċernati l-ħinijiet allokati dwar il-parkeġġ fi Triq San Pawl fl-istess lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jitratta kull ilment formali li jirċievi bl-akbar serjeta. Fejn l-ilmenti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill, il-Kunsill jaġixxi bl-iktar mod xieraq biex jindirizza l-problema, u fejn l-ilment ma jaqax taħt ir-responsabbilitá diretta tal-Kunsill, l-ilmenti jiġu mressqa għall-attenzjoni tal-Awtoritá konċernata. Il-parkeġġ ma jaqax taħt il-kompetenza diretta tal-Kunsill.
Trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fl-Imarfa u Binja li tinkludi l-Batterija ta' Wied Musa — proċess
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19935 u 19374 u jgħid fiex wasal ix-xogħol/proċess dwar it-trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fil-Marfa u li din il-binja tinkludi wkoll il-Batterija ta’ Wied Musa? Fuq l-istess binja, jista’ l-Ministru jindika x'inhuma/ jew x’kienu l-pjanijiet ghal din il-binja storika anke jekk minn entitajiet privati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20177 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati li kien meħtieġ li jkollha Infrastructure Malta biex setgħet twettaq xogħol ta’ tarmak fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa, kif ukoll xogħol ieħor li kkonsista f’rampa tal-konkos mill-istess triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad, li tagħti għall-Bajja tat-Torri l-Abjad u Daħlet ix-Xmajjar, fl-Aħrax tal-Mellieħa. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien meħtieġ wara li tħalliet fi stat ħażin għal żmien twil, b’periklu għal dawk li j¿uru dawn l-inħawi, speċjalment fis-sajf. Filwaqt li l-bini mill-ġdid tat-triq, inkluż it-tibdil u t-tisħiħ tal-katusi u servizzi oħra taħt l-art, strutturi ta’ pedament tat-triq aktar b’saħħithom u wiċċ b’asfalt ġdid, huwa lest, l-aġenzija qed taħdem mal-kuntratturi tagħha biex ilestu wkoll l-aħħar ftit xogħlijiet.
Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq beda wara li saru l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u skont ir-rekwiżiti tal-permess meħtieġ għal dan it-tip ta’ xogħol, jiġifieri Road Works Permit, li nkiseb mingħand Transport Malta qabel beda x-xogħol.
Ir-rampa li tidher fir-ritratti indikati m’għadhiex fil-post imsemmi. Din ir-rampa żgħira ma kinitx fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta għal din it-triq u ma saritx fuq struzzjonijiet tagħha. Fil-fatt, malli l-periti tal-aġenzija ndunaw b’dan ix-xogħol, li jidher li sar wara lmenti dwar nuqqas t’aċċess minn xi persuni li jużaw l-istess bajja, l-aġenzija talbet li r-rampa titneħħa minnufih. Fil-fatt, din tneħħiet wara biss ftit jiem u l-post treġġa’ lura għal kif kien qabel.
Il-Mellieħa – Triq Dun Manwel Grima – lampi/bozoz — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20775 u jara li ssir l-manutenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali Mellieħa sabiex lampi/bozoz maqtugħa fi Triq Dun Manwel Grima kantuniera ma’ Triq l-Għasafar u f’żoni oħra fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, jerġgħu jinxtegħlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-lampa in kwistjoni ġiet irrappurtata fid-29 t’April 2021 u msewwijja fil-5 ta’ Mejju 2021. Il-Kunsill jikkonferma li attwalment qiegħda tixgħel.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21312 u 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jikkonċerna s-sena 2017, dettalji dwar il-ħaddiema li bdew iservu mal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. ingħataw diġà b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2617, 4504 u 14913. B’żieda mal-informazzjoni diġà mogħtija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif żdied l-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Wasterv bejn Jannar 2018 u April 2021.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – tindif fi Triq il-Wileġ
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel it-tindif meħtieġ fiż-żona ta’ Triq il-Wileġ, liema żona tinsab biswit il-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żona ta’ Triq il-Wileġ titnaddaf skont l-iskeda sottomessa fil-Mistoqsija Parlamentari numru 17290.
Il-Mellieħa – Triq in-Nofsinhar – lampi/bozoz maqtugħa
Question
Tista’ l-Ministru tara li lampi/bozoz li hemm maqtugħa fi Triq in-Nofsinhar fil-Mellieħa, isirulhom il-manutenzjoni meħtieġa, sabiex dawn jerġgħu jinxtegħlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Il-Mellieħa – Triq in-Nofsinhar – lampi/bozoz maqtugħa
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa jara li lampi/bozoz li hemm maqtugħa fi Triq in-Nofsinhar fil-Mellieħa, isirulhom il-manutenzjoni meħtieġa, sabiex dawn jerġgħu jinxtegħlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16030 u 15930 u ċjoè: B’referenza għall-proposti relatati mal-imxija tal-COVID-19 li ressqet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-għajnuna lill-għaqdiet u klabbs sportivi, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk dawn l-istess għaqdiet u klabbs sportivi humiex se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis/sussidju/eżenzjoni fuq ħlasijiet relatati ma’ affiljazzjoni kif ukoll minn ħlasijiet fuq kirjiet dovuti lil Sport Malta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel referenza għal Mistoqsija Parlamentari 17952.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16090 u 16052 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jindika għal liema raġuni, minn wara li ntemmet l-emerġenza medika b’rabta mal-imxija tal-COVID-19, fergħat tal-Bank of Valletta fetħu fl-1 ta’ Lulju 2020 f’numru ta’ lokalitajiet iżda mhux l-istess ġara fil-lokalità tal-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser tinfetaħ jew le l-imsemmija fergħa u jekk iva meta hi d-data prevista li ser isir dan il-ftuħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Bank of Valletta huwa bank privat fejn il-Gvern ghandu share żgħir. Għaldaqstant, il-Gvern ma jistax iwieġeb mistoqsijiet bhal dawn, f’isem is-Share Holders l-oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16094 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-inċineratur li l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li jrid jagħmel fil-Magħtab u fl-istess waqt jgħid ukoll x’tip/mudell hu dan l-istess inċineratur li l-Gvern qed jgħid li se jibni u jindika jekk dan il-mudell hawnx bħalu f’xi pajjiż ieħor fid-dinja? Jekk iva, jista' jindika l-isem tal-pajjiż/i?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fir-rigward tal-istudji relatati mal-impjant tal-Waste to Energy nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġà tajtu għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21310, 21157 u 21156. Irrid ngħid li, fuq dan il-proġett, il-Gvern kien dispost li jagħmel konsultazzjoni wiesa’ sa mill-bidu nett. Fil-fatt, lura f’Ottubru 2017, b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1478 u 1677, il-predeċessur tiegħi kien spjegalu, forst l-oħrajn, kif “il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri tagħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.” F’dak li jikkonċerna t-teknoloġija wżata, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Project Description Statement, li diġà huwa dokument pubbliku imma li xorta qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, jispjega kif din il-faċilità se tkun waħda tat-tip “grate incineration”. Ninsab infurmat li din it-teknoloġija qed tintuża diġà f’diversi pajjiżi fosthom f’Singapore (Tuas Facility), fid-Danimarka (Amager Bakke Facility, f’Copenhagen u anke f’H¸rsholm), fir-Repubblika Irlandiýa (Covanta Facility f’Dublin), fir-Renju Unit (Trident Park Facility f’Cardiff) u anke f’Isle of Man.
kunsilli lokail — persuni li qed jaħdmu bit-telework
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16953 u jgħid kemm u liema huma dawk il-kunsilli lokali li fi ħdanhom, minħabba l-imxija tal-COVID 19 ‘għandhom ħaddiema li qed jaħdmu bit-teleworking jew xi miżura oħra simili (family measures) ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej:
Kunsill Lokali
Teleworking
Miżuri Oħra simili (
family measures
)
Il-Belt Valletta
8
Il-Gżira
3
Għajnsielem
1
Il-Ħamrun
1
Ta’ Kerċem
1
L-Imġarr
2
Il-Mosta
10
L-Imsida
1
Paola
1
Pembroke
1
Ħal Safi
2
San Ġiljan
1
San Pawl il-Baħar
3
Ta’ Xbiex
1
Ix-Xgħajra
4
Iż-Żurrieq
2