Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna — slielem

Question

Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-slielem ġew mwaħħlin fil-post imsemmi.

Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet/Klabbs Sportivi — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16069 u 14474 u jgħid kemm saru laqgħat mal-assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet /klabbs sportivi minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19, anke sabiex il-Gvern jisma’ mingħand il-membri fi ħdan l-istess assoċjazzjonijiet'federazzjonijiet/klabbs dwar x’impatt ħalliet fuqhom din l-imxija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Il-Mellieħa — Triq Lewis Wettinger - qisien tal-bike lane u tal-karreġġjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16070 u 15564 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15156 fejn il-Ministru rrefera għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15154 u peress li f’din it-tweġiba mhemmx l-informazzjoni mitluba, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15156 u jagħti l-qisien preċiżi aġġornati ta’ kemm se tkun wiesa’ l-bike lane u l-wiesgħa tal-karreġġjati tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Lewis Wettinger) wara li ftit tal-ġimgħat ilu suppost saru l-culverts fuq l-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Louis Wettinger, jew kif inhi magħrufa l-Bypass tal-Mellieħa, inbniet mill-ġdid fl-2018 b’investiment ta’ €2.8 miljun sabiex tkun aktar sigura għal dawk kollha li jużawha. Fost oħrajn, f’din it-triq saret struttura ġdida tal-konkos biex issaħħaħ il-pendamenti tat-triq mal-ġenb tal-karreġġjata tat-tramuntana, fuq ir-riħ tal-Miżieb. B’hekk, seta’ jiġi introdott tagħmir ġdid ta’ crash barriers aktar siguri mal-ġenb tal-karreġġjata. Saret ukoll central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs, bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti, biex jonqsu r-riskji t’aċċidenti u ħabtiet bejn karozzi għaddejjin f’direzzjonijiet opposti. It-triq kollha, li qabel qatt ma kienet imdawla, saritilha wkoll sistema ġdida ta’ lampi LED fuq arbli. Fl-istess waqt, flimkien mal-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, din il-Bypass issa għandha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Il-proġett kien jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħrajn li jinfdu magħha, fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħrajn li jwasslu għaż-żoni residenzjali tal-Mellieħa, sabiex ikomplu jonqsu r-riskji t’aċċidenti. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bħalma jiġri f’kull proġett ta’ dan it-tip, Infrastructure Malta kkummissjonat it-testijiet tekniċi biex tivverifika l-kwalità tax-xogħol li jkun sar. Dawn it-testijiet ikkonfermaw li partijiet mill-wiċċ tal-asfalt tat-triq kien jeħtieġ li jitranġaw. Xogħlijiet bħal dawn biex jintlaħaq il-livell ta’ kwalità rikjesta jsiru mill-kuntratturi tal-proġett, bi spejjeż għalihom. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet ta’ tiswijiet saru fil-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Bypass u tlestew fil-bidu tal-2020. Fl-istess ħin, waqt dawn ix-xogħlijiet, fuq talba li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Infrastructure Malta għamlet ukoll tisħiħ tas-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita fl-istess parti ta’ din it-triq. Permezz ta’ dan it-tisħiħ, ġew introdotti pajpijiet u spralli mal-ġenb ta’ din il-karreġġjata, filwaqt li ttejbet ukoll l-istruttura tal-kurduna mal-ġenb tat-triq, sabiex toffri aktar lqugħ għall-ilmijiet. Kif diġa spjegajt fit-tweġibiet ta’ diversi mistoqsijiet lill-nstess interpellant fix-xhur li għaddew, dawn ix-xogħlijiet m’affettwaw bl-ebda mod il-qisien tal-korsiji tal-karozzi jew tal-korsija għar-roti fl-istess triq, li baqgħu l-istess bħal ma kienu qabel. Il-korsiji ta’ din it-triq baqgħu wiesa’ madwar 3.25 metri, filwaqt li l-korsija għar-roti tvarja minn 1.5 metri sa 1.8 metri. F’xi partijiet mit-triq, il-korsija għar-roti hija usa’ minn hekk.

Trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fl-Imarfa u Binja li tinkludi l-Batterija ta' Wied Musa — proċess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21603, 19935 u 19374 u jgħid fiex wasal ix-xogħol/proċess dwar it-trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fil-Marfa u li din il-binja tinkludi wkoll il-Batterija ta’ Wied Musa? Fuq l-istess binja, jista’ l-Ministru jindika x'inhuma/ jew x’kienu l-pjanijiet ghal din il-binja storika anke jekk minn entitajiet privati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tal-Artijiet għadha qed tevalwa l-potenzjal tal-binja u kif l-aħjar tiġi sfruttata.

Berġa tal-Mellieħa – Servizzi ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li fil-Berġa tal-Mellieħa, li tinsab f’parti mill-binja ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibdew jingħataw servizzi ġodda ma’ dawk li diġà qed jingħataw bħalma huma teħid tad-demm, fiżjoterapija u klinika għas-saħħa mentali? Iż-żieda ta’ dawn is-servizzi tkun tfisser inqas skariġġ għar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata u faċilment jistgħu jibdew jinqdew ukoll ir-residenti tax-Xemxija.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qabel mas-servizz mill-Klinika fil-Komunità tal-Mellieħa kellu jiġi sospiż minħabba l-Pandemija tal-Covid-19 u l-programm ta’ tilqim għall-kontra l-virus tal-Covid, din il-Klinika kienet diġa qed toffri is-servizz tas-Saħħa Mentali u dak ta’ Fiżjoterapija, flimkien mas-servizzi oħrajn bħas-servizz tat-Tabib bl-appuntament, is-Servizz tal-Infermiera (nurse led clinic), servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkelma (Speech and Language Pathology) u s-servizz tal-Podjatrija. Huwa ippjanat li s-servizz tat-teħid tad-demm ser jibda jingħata ukoll minn din il-Klinika għar-residenti tal-Mellieħa u tal-madwar meta terġa tiftaħ bħala Klinika fil-Kommunita’ f’Lulju ta’ din is-sena.

Berġa tal-Mellieħa – servizz ta’ ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jara, li talanqas matul ix-xhur tas-Sajf, mill-post ta’ fejn illum hemm il-Berġa fil-Mellieħa li hi parti mill-binja Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibda jkun hemm ukoll is-servizz tal-Ambulanza? Dan is-servizz ikun jista' jintuża mhux biss għall-benefiċċju tar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata iżda wkoll għall-eluf ta’ Maltin li għandhom ir-residenza tas-sajf fil-Mellieħa kif ukoll l-eluf l-oħra li jkunu qed iżuru xi waħda mit-12-il bajja li l-lokalità tal-Mellieħa hija mdawra bihom. Aktar minn hekk, dan is-servizz jista' jkun utilizzat għat-turisti alloġġjati fid-diversi lukandi f’din l-istess lokalità. Dan is-servizz ikun ferm utli wkoll anke għall-fatt li t-traffiku lejn din il-parti tal-pajjiż qiegħed dejjem jiżdied.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-naħa ta’ fuq ta’ Malta tul is-sena kollha tkun servuta b’ambulanza li hija stazzjonata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Apparti minn hekk id-Dipartiment tas-Saħħa reċentement akkwista 3 rapid response units li huma pożizzjonati skont protokoll stabbilit li jippermettilhom li jilħqu diversi partijiet tal-gżira fi żmien adegwat.

Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali – funzjonijiet fuq jumejn

Question

Wara li fl-2010 kien infetaħ Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali (illum servizz.gov) fil-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u li kien jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fuq jumejn, dan is-servizz wara l-2014 beda jingħata biss fuq ġurnata waħda u fid-dawl li l-popolazzjoni tal-Mellieħa kompliet tikber, jista’ l-Ministru jerġa’ jikkunsidra li dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq jumejn kif kien jingħata oriġinarjament meta kien ġie introdott fil-Mellieħa fl-2010?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz li kien jingħata mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien estensjoni tas-servizz li kien jingħata mill-Uffiċċju Distrettwali tal-Qawra. Wara li f’Ġunju 2020 l-uffiċċji distrettwali għaddew għand servizz.gov, dan is-servizz baqa’ jingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minn uffiċjal li d-dmirijiet propja tiegħu huma differenti minn dawk ta’ customer care relatat f’uffiċċju distrettwali. Minkejja dan, matul il-ġranet tas-sajf, bħalma sar fi snin imgħoddija, is-servizz se jkun estiż għal ġurnata oħra fil-ġimgħa għax-xhur tas-sajf.
Leg 13 PQ #21707 Sitting 476 2021-06-21 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa – talba biex Triq Qasam Barrani tinbidel f’Triq Edward Camilleri

Question

Jista' l-Prim Ministru jitlob li tiġi kkunsidrata mill-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq (Malta) fi ħdan l-Uffiċċju Elettorali t-talba sabiex Triq Qasam Barrani fil-Mellieħa tinbidel u ssir Triq Edward Camilleri? (Is-Sur Camilleri, tul ħajtu, ħadem bla heda kemm fuq skala Nazzjonali anke f’raħal twelidu l-Mellieħa. Fil-fatt huwa kien is-Surmast tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa għal numru ta' snin, kif ukoll għal aktar minn 30 sena President tal-Mellieħa Sports Club.) Ġaladarba din it-talba tintlaqa’, bl-ebda mod mhi se tkun qed toħloq xi forma ta’ inkonvenjent peress li fl-imsemmija triq ma hemm l-ebda residenza għajr il-binja tal-Iskola Primarja (bil-bieb prinċipali jinsab fi triq differenti) u l-faċilità sportiva tal-Mellieħa Sports Club.

Response (ABELA, ROBERT)

Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra, l-proċedura tat-tismija tat-toroq kif elenkata fil-leġiżlazzjoni ta’Malta.

Wasteserve – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21652 u jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, xahar b’xahar, bejn Jannar 2019 u Mejju 2021 li jaħdmu (jew kienu jaħdmu ) mal-Wasteserv? Jista’ jgħid ukoll dawn l-istess ħaddiema f’liema grad qed jaħdmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi l-informazzjoni miltuba fuq -Mejda tal-Kamra.

Il-Mellieħa – permess validu mill-MCA – antennas/apparat simili

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21699 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm antennas/jew apparat simili b'permess validu mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni (MCA) fuq residenzi privati fil-lokalità tal-Mellieħa, liema apparat ġie installat minn kumpaniji privati li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari f’pajjiżna? Jista’ jgħid f’liema toroq dawn jinsabu installati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar u l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #21700 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MCA – applikazzjonijiet pendenti għall-installazzjoni antennas/appart simili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Komunikazzjoni sabiex jiġu installati antennas/ jew apparat simili fuq residenzi privati fil-lokalità tal-Mellieħa, liema talbiet/applikazzjonijiet saru minn kumpaniji privati li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari? Jista’ jgħid f’liema toroq dawn ir-residenzi jinsabu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Antenni u apparat simili li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari – saħħa fuq ir-residenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li antennas jew apparat ieħor simili installat fuq il-bjut ta’ residenzi minn kumpaniji li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari f’pajjiżna mhumiex jikkawżaw l-ebda ħsara fuq is-saħħa tar-residenti li jgħixu fil-madwar ta’ fejn jinsabu installati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-użu ta' l-ispektrum tal-mewġ elettromanjetiku emessi mill-arbli tal-istazzjonijiet bażi (antennas) u trasmettituri oħra huwa soġġett għall-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Komunità Ewropea dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, b'mod partikulari d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz). Il-limiti imposti mid-Direttiva ġew stabbiliti abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li nħarġu mill Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP), l-organizzazzjoni li internament hija rikonoxxuta bħala l-awtorità li tivvaluta l-impatti fuq is-saħħa ta' din it-tip ta' radjazzjoni, fl-1998. Dawn il-limiti ta’ esponiment mogħtija mill-ICNIRP għandhom marġini wiesgħa ta’ sikurezza li fihom l-ebda effetti fuq is-saħħa ma ġew ippruvati xjentifikament sal-lum kif ikkonfermat mill-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Emerġenti u Identifikati Riċentement għas-Saħħa (SCENIHR) tal-Kummissjoni Ewropea u oħrajn. Fl-2015, SCENIHR aġġornat l-opinjoni tagħha tal-2009 fejn ġiet meqjusa l-informazzjoni disponibbli u riċenti dwar l-effetti potenzjali fuq is-saħħa ta' espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi (EMF). Din l-opinjoni tgħid li r-riżultati tar-riċerka xjentifika attwali juru li m'hemm l-ebda evidenza ta’ effetti ħżiena fuq is-saħħa jekk l-espożizzjoni tibqa taħt il-livelli rakkomandati mil-leġiżlazzjoni attwali ta' l-UE. Għalhekk, l-evidenza kurrenti ma tikkonfermax l-eżistenza ta' xi konsegwenzi fuq is-saħħa minn espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi li jaqgħu fil-linji gwida kurrenti. L-Awtorità responsabbli twettaq verifiki regolari fuq kampi elettromanjetiċi biex tiżgura li emissjonijiet ta’ radjazzjoni mhux jonizzanti ma jaqbżux il-linja gwida għall-esponiment massimu pubbliku stabbilit minn dawn il-linji gwida. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jiżgura li l-livelli ta 'radjazzjoni f'rapporti mibgħuta lilha mill-MCA jkunu fil-livelli massimi għall-esponiment tal-pubbliku ġenerali.
Leg 13 PQ #21702 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentri ta’ servizz.gov – assistenza u stampar taċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID-19)

Question

Wara li ftit tal-ġranet ilu tħabbar li ċ-ċittadini jistgħu jżuru wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin madwar Malta għal assistenza biex iniżżlu u jistampaw iċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID 19), jista’ l-Prim Ministru jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex dan is-servizz jibda jingħata wkoll fil-lokalità tal-Mellieħa fil-ġurnata tal-Ġimgħa, il-ġurnata li dan iċ-ċentru (servizz.gov) ikun qed jopera fil-Mellieħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li servizz.gov m’għandux ċentru reġjonali fil-Mellieħa. Is-servizz tal-istampar taċ-ċertifikati tal-vaċċin qiegħed jingħata mill-eqreb ċentru reġjonali ta’ servizz.gov fil-Qawra.

Ċentri ta’ servizz.gov – assistenza u stampar taċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID-19)

Question

Wara li ftit tal-ġranet ilu tħabbar li ċ-ċittadini jistgħu jżuru wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin madwar Malta għal assistenza biex ini¿żlu u jistampaw iċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID 19), jista’ l-Ministru jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex dan is-servizz jibda jingħata wkoll fil-lokalità tal-Mellieħa fil-ġurnata tal-Ġimgħa, il-ġurnata li dan iċ-ċentru (servizz.gov) ikun qed jopera fil-Mellieħa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ċentri ta’ servizz.gov – assistenza u stampar taċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID-19)

Question

Wara li ftit tal-ġranet ilu tħabbar li ċ-ċittadini jistgħu jżuru wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin madwar Malta għal assistenza biex iniżżlu u jistampaw iċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID 19), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex dan is-servizz jibda jingħata wkoll fil-lokalità tal-Mellieħa fil-ġurnata tal-ġimgħa, il-ġurnata li dan iċ-ċentru (servizz.gov) ikun qed jopera fil-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #21705 Sitting 475 2021-06-16 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali – funzjonijiet fuq jumejn

Question

Wara li fl-2010 kien infetaħ Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali (illum servizz.gov) fil-Mellieħa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u li kien jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fuq jumejn, dan is-servizz wara l-2014 beda jingħata biss fuq ġurnata waħda u fid-dawl li l-popolazzjoni tal-Mellieħa kompliet tikber, jista’ l-Prim Ministru jerġa’ jikkunsidra li dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq jumejn kif kien jingħata oriġinarjament meta kien ġie introdott fil-Mellieħa fl-2010?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li servizz.gov m’għandux ċentru reġjonali fil-Mellieħa. servizz.gov qiegħed kontinwament jesplora biex jiftaħ iktar ċentri skont id-domanda għas-servizz.

Wasteserve – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, xahar b’xahar, bejn Jannar 2019 u Mejju 2021 li jaħdmu (jew kienu jaħdmu ) mal-Wasteserv? Jista’ jgħid ukoll dawn l-istess ħaddiema f’liema grad qed jaħdmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – permessi approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar (MEPA) bejn April 2013 u Mejju 2021 (xahar b’xahar)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet 2936, 4086, 9404 u 13527 tal-Leġiżlatura XII u t-tweġibiet tal-mistoqsijiet 10488, 10489 u 10490 ta’ din il-leġiżlatura. Mill-bqija ġew approvati 5,361 bejn Ġunju u Diċembru 2019, 7,455 matul is-sena l-oħra u 3,184 bejn Jannar u Mejju li għaddew.

Marsaskala – art mgħoddija lill-Klabb tal-Waterpolo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21345 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding fejn art (baħar) u/jew proprjetà pubblika li ġiet mgħoddija lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2013 u April 2021 ġewwa l-lokalità ta’ Marsaskala fiż-żona indikata bl-aħmar fid-dokument anness?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda kuntratt/ Memorandum li jitrasferixxi l-art indikata f’dak il-perjodu lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala.

Berġa tal-Mellieħa — operat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta ser terġa’ tibda topera normali l-Berġa fil-Mellieħa bis-servizzi li kienu jiġu offruti qabel ma’ dan il-post ġustament kien qed jintuża bħala ċentru sabiex tingħata l-vaċċin tal-COVID 19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Klinika fil-Kommunità tal-Mellieħa issospendiet is-servizzi tat-tabib, infermiera, fiżjoterapija u podiatrija f’Marzu tal-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minn Frar tal-2021 din il-Klinika bdiet tintuża bħala ċentru biex tingħata t-tilqima kontra l-Covid-19. Dan is-servizz se jibqa jingħata sal-Lulju ta’ din is-sena u huwa pjanat li-Klinika tal-Mellieha terġa tiftaħ bis-servizzi ta’qabel wara dan il-perjodu.