Jista’ l-Ministru jghid kemm, kemm sa mit-twaqqif tagħha Infrastruttura Malta sal-lum, kellha fi flus kontanti multi imposti fuqha mill-ERA u fuq liema nuqqasijiet dawn ingħataw (billi jindika ukoll fuq liema proġetti dawn ingħataw)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu fi flus kontanti l-multi maħfura mill-ERA lill-Infrastruttura Malta u fuq liema ragunijiet saru dawn il-maħfriet ? ( tajjeb li jkunu ndikati ukoll liema kienu l-progetti inkwistjoni)
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma nħafru l-ebda multi effettivi mill-ERA fuq Infrastruttura Malta.
Wara li minn investigazzjoni li saret u li giet konkluża mill-Ufficcju tal-Ombudsman fejn ħareġ ċar li t-tmexxija tal-Awtorita tal-Ippjanar mhux biss kisret il-liġi u tat il-barka tagħha biex isir xogħol illegali fuq numru ta’ proġetti minn Infrastruttura Malta fosthom f’Kemmuna u fuq il-Pont fil-Marsa, iżda li saħansittra sfidat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess Ombudsman, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli fil-konfront ta’ min imexxi l-istess Awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-każijiet in kwistjoni kien hemm diverġenza ta’ interpretazzjoni legali tal-provvedimenti tal-liġi bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u dak tal-Awtorità għall-Ippjanar u f’tali ċirkostanzi mhux l-każ li tittieħed xi azzjoni kontra min imexxi l-Awtorità li jien għandi fiduċja sħiħa fih.
Sadanittant jien tajt struzzjonijiet sabiex l-Awtorita’ tibda tassigura li żviluppi li jkunu pretiżi li jsiru fuq bażi ta’ emerġenza jkunu tassew emerġenza u li x-xoghol jindirizza biss u specifikament tali periklu.
Skejjel primarji u sekondarji tal-Gvern — għalliema
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru (b'mod separat) tal-għalliema fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji tal-Gvern?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li n-numru tal-għalliema fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji tal-Gvern sad-data meta nġibdet din l-informazzjoni (13 ta' Settembru 2021) b’mod separat huwa kif muri hawn taħt:
Għalliema fi skejjel primarji - 1049
Għalliema fi skejjel sekondarji - 1717
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru (b'mod separat) tal-għalliema fl-iskejjel privati u dawk tal-Knisja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li n-numru tal-għalliema fl-iskejjel Indipendenti kif ukoll dawk tal-Knisja sad-data meta nġibdet din l-informazzjoni (6 ta' Settembru 2021) b’mod separat huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
Skejjel tal-KnisjaSkejjel Indipendenti
PrimarjaSekondarjaPrimarjaSekondarja
4501023292361
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk fil-ġimgħat li ġejjin hux ser jibdew isiru t-testijiet tad-demm fil-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar peress li kif kont diġà indikajt fil-Parlament, tali servizz ikun qed inaqqas l-iskariġġ għar-residenti ta’ din il-lokalità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-21 t’Awwissu tnieda għall-ewwel darba is-Servizz tat-Teħid tad-Demm fil-Klinika fil-Komunita’ tal-Mellieħa. Ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u tal-madwar jistgħu jagħmlu użu mill-Klinika fil-Komunita’ tal-Mellieħa għal dan is-servizz.
San Pawl il-Baħar — Żona tal-Imbordin u l-Pwales – bdiewa – ilma għar-raba’
Question
Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex jara li numru ta’ bdiewa li jaħdmu r-raba’ fiz-żona tal-Imbordin u l-Pwales, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, ikollhom sistema adegwata sabiex jitwassal għandhom l-ilma sabiex tiġi ffaċilitata lilhom it-tisqija fl-għelieqi tagħhom? In-nuqqas ta’ ilma fiż-żona indikata qed toħloq problemi kbar lil dawn l-istess bdiewa. (ritratt taż-żona jinsab anness)
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ddiskuta din il-kwistjoni mal-Ministeru kkonċernat u fejn ġie kkonfermat li x-xogħolijiet meħtieġa f’din iż-żona huma maħsuba li jibdew fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jara li l-bankijiet li qed jitpoġġew fuq il-promenade tax-Xemxija ma jkunux qed jostakolaw l-aċċessibilità fuq il-bankina għall-persuni b’diżabilità, nies b’pushchairs jew/u oħra li jkunu jridu jippassiġġaw fuq l-istess bankina? Il-mod kif tpoġġew sa issa dawn il-bankijiet qed jikkawżaw nuqqas ta’ aċċessibilità. (ritratt anness)
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu fil-fażijiet finali tagħhom. Bħala parti minn dan il-proġett il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi ħadmet biex ittejjeb l-aċċessibilità minn kif kienet qabel.
Tista’ l-Ministru tara li l-bankijiet li qed jitpoġġew fuq il-promenade tax-Xemxija ma jkunux qed jostakolaw l-aċċessibilità fuq il-bankina għall-persuni b’diżabilita, nies b’pushchairs jew/u oħra li jkunu jridu jippassiġġaw fuq l-istess bankina? Il-mod kif tpoġġew sa issa dawn il-bankijiet qed jikkawżaw nuqqas ta’ aċċessibilità. (ritratt anness)
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru konċernat, ngħarrfu li se nitlob biex issir kordinazzjoni inter-ministerjali ħalli dejjem ikollna infrastruttura b’aċċessibbiltà kif jixraq.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx applikazzjonijiet (u fil-każ jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra) imressqa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar żvilupp f’dik li qabel kienet tintuża bħala barriera fiż-żona magħrufa bħala Tas-Sagħjtar fil-limiti tan-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, fir-rigward tas-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, kien hemm erba’ notifikazzjonijiet dwar żvilupp għal attivitajiet ta’ offroadingtaħt l-Avviż Legali 211 tal-2016, Klassi 19(iii) – Attivitajiet ta’ Offroading. Il-każijiet kienu dawn li ġejjin:
DN394/17 - Proposed Motorcycle Trials and Enduro Competitions.
DN271/19- Temporary Permit for one year to hold off roading events on all weekends and public holidays.
DN280/20 - Temporary Permit for one year to hold off roading events on all weekends and public holidays.
DN766/21 - Motorcycle Trials, Moto Endo & Quad Bike Race Competitions.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti relevanti bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mal-każ DN394/17.
Fir-rigward ta’ dan il-każ id-dokumenti ma jinsabux fis-sistema diġitali u sabiex jissejjaħ il-file fiżiku mill-arkivji hu meħtieġ aktar żmien.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ żvilupp lesta tikkunsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit li qabel kienet tintuża bħala barriera fiż-żona magħrufa Tas-Sagħjtar fil-limiti tan-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Jien infurmat illi is-sit li qeda ssir referenza għaliha, hija regolata taħt il-Policy MO03 tal-Pjan Lokali taċ-ċentru ta' Malta fejn tindika li is-sit għandha tkun suġġetta għall-Development Brief, liema brief huwa intenzjonat biex jistabbilixxi parametri tal-ippjanar li jservu bħala gwida għal kif għandha tiġi żvulippata din is-sit.
Din l-istess policy tispjega li d-Development Brief għandu jindika fid-dettal il-parametri ta' żvilupp biex jiġu akkomodati dawn l-użijiet:
• Faċilitajiet organizzati ghal-ħażna b'access fuq faċċata li tħares lejn il-Mosta Tecknopark;
• Ċentru lokali li jservi iż-żona residenzjali tas-Sagħjtar;
• Uffiċini fil-parti ta' fuq tas-Sit;
• Faċilitajiet mgħarbuta ma' Sport u rikrejazzjoni;
• Parkeġġ li eventwalment jista jservi ta' Park and Ride;
• Toroq, aċċessi adekwati u titjib fil-junctions; u
• Provedimenti għall-ħazna tal-ilma.
Ghalhekk, kull żvilupp intenzjonat għal-din is-sit għandu jistenna l-eventwali formolazzjoni u approvazzjoni ta' Development Brief.
Rapporti mill-Ombudsman – passi kontra min imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu fil-konfront ta’ min imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar wara li f’aktar minn okka¿joni waħda, f’rapporti kkummissjonati mill-Ombudsman, instab li kiser il-liġi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala prinċipju, l-Awtorità tal-Ippjanar tevalwa r-rapporti u r-rakkomandazzjoni kollha li jagħmel il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman u fejn tħoss li jkun meħtieġ titjib jew aġġustamenti ta’ proċessi tieħu l-passi meħtieġa sabiex ir-rakkomandazzjonijiet ikunu implimentati. Min-naħa l-oħra jkun hemm ukoll istanzi fejn ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija l-Awtorità ma tkunx taqbel magħhom u f’ċirkostanzi bħal dawn hija tikkommunika l-po¿izzjoni tagħha. Sadanittant, kif kont spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 16210, ta’ kull sena, s-Servizz Pubbliku qed jippubblika rapport dettaljat dwar in-natura, is-sejbiet, l-konklużjonijiet u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu fuq kull każ li jkun issemma fir-rapport annwali tal-Ombudsman. Dawn ir-rapporti, li huma aċċessibbli fit-taqsima tal-pubblikazzjonijiet tas-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku, jistgħu jiġu kkonsultati anke fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi iżda jekk l-Onorevoli Interpellant jogħġbu jidentifika l-okkażjonijiet li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu inkun f’pożizzjoni li nikseb u nagħtih id-dettalji meħtieġa.
Fid-dawl li l-kriminalità u vandaliżmu qed ikomplu jiżdiedu fil-Mellieħa, jista’ l-Ministru jindika meta mistennija terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija f’din il-lokalità u li allura terġa’ tibda tiffunzjona 24 siegħa kuljum il-ġimgħa u s-sena kollha? Mill-uffiċċju tal-kunsill lokali, il-Pulizija tal-Komunità (Community Policing) issa sar magħruf li se jibdew joperaw mill-Għassa tal-lokal sa wara nofs in-nhar biss, li żgur li din mhix soluzzjoni għall-bżonnijiet tal-komunità dejjem tikber tal-Mellieħa. Infakkar ukoll f’ittra li kont ktibt f’Awwissu 2020 lill-Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija (ittra annessa) sabiex terġa’ tinfetaħ l-għassa inkwistjoni. Aktar qabel fl-istess sena kienet ġiet ippreżentatha minni f’isem ir-residenti petizzjoni bl-istess talba dwar il-ftuħ mill-ġdid ta’ din l-għassa ( https://www.change.org/p/angelo-gafa-gov-mt-petizzjoni-sabiex-terġa-tinfetaħ-l-għassa-tal-pulizija-fil-mellieħa ). Dawn iż-żewġ talbiet sa issa ġew injorati mill-Awtoritajiet.
Filwaqt li qed nittama li l-Ministru jifhem il-bżonn li llum aktar minn qatt qabel terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Mellieħa, li issa ilha magħluqa għal aktar minn sena, jista’ l-Ministru jara li f’din l-għassa jibdew jingħataw ukoll servizzi ġodda relatati mal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (taqsima li suppost diġà qed titħaddem fil-Korp tal-Pulizija) kif ukoll li mill-istess għassa, residenti jkollhom il-possibiltà li jiġbru l-kondotta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi in konnessjoni ma' xogħol relatat ma' mmodernizzar u nvestiment aħjar fir-riżorsi tal-Korp, bħalissa qed isir rinovar tal-għassa tal-Mellieħa biex din tibda tintuza bħala ufficini għall-Pulizija tal-Komunitá li bħalissa joperaw mill-ufficju tal-Kunsill Lokali. Infurmat illi bħalma ilu jsir fil-lokalitajiet kollha fejn topera il-Pulizija tal-Komunita, fil-Mellieħa dawn wkoll jiġu assistiti 24/7 min sezzjonijiet oħra tal-Pulizija li jinkludu il-patrol tal-RIU, tat-taqsima tat-Traffiku u anke mid-Distrett tal-Qawra. Dan barra is-sistemi tal-Intercom li jipprovdu kuntatt mal-Kwartieri Generali tal-Pulizija 24/7. Dwar servizzi relatati ma’ Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika dan ix-xogħol diġa kopert u jsir mill-Kwartieri Generali tal-Pulizija min fejn ir-residenti anke jkomplu jkollhom il-possibiltà li jiġbru l-kondotta, li tista wkoll tintalab online via https://kondotti.gov.mt/’.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – tisħiħ tal-kampanja dwar rimi ta’ skart f’postijiet pubbliċi u rurali
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jsaħħaħ il-kampanja tiegħu ta’ edukazzjoni u informazzjoni dwar rimi tal-iskart f’postijiet pubblici u rurali u fl-istess waqt jitlob għal aktar infurzar mill-Uffiċjali tal-Komunità u l-pulizija fil-ġonna u pjazzez fl-istess lokalità tul il-ġurnata kollha, inkluż fil-ħinijiet ta’ filgħaxija? Dan wara li fl-aħħar ġimgħat żdiedu sew il-vandaliżmu u rimi ta’ skart u materjal ieħor b’mod irresponsabbli f’din il-lokalità.
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħraf l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa, kemm tar-residenti, kif ukoll tal-pubbliku in ġenerali.
Ninsab infurmat wkoll li f’dawn l-aħħar seduti tal-Kunsill kienu għaddejjin kuntatti u diskussjonijiet sabiex issir sejħa għall-offerti bil-għan li jiġu nstallati sistemi ta’ CCTV fi Ġnien Dun Anton Debono u fil-Park tal-Familja, kif diġà sar riċentement fi Ġnien tas-Salib u fi Ġnien iż-Żerniq (Manikata).
San Pawl il-Baħar — Żona tal-Imbordin u l-Pwales – bdiewa – ilma għar-raba’
Question
Tista’ l-Ministru tintervjeni sabiex tara li numru ta’ bdiewa li jaħdmu r-raba’ fiż-żona tal-Imbordin u l-Pwales, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, ikollhom sistema adegwata sabiex jitwassal għandhom l-ilma sabiex tiġi ffaċilitata lilhom it-tisqija fl-għelieqi tagħhom? In-nuqqas ta’ ilma fiż-żona indikata qed toħloq problemi kbar lil dawn l-istess bdiewa. (ritratt taż-żona jinsab anness)
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-pjanijiet neċessarji sabiex bdiewa fiż-żona ndikata jkunu fornuti bis-sistema ta’ New Water. L-investiment jinkludi network ġdida ta’ l-fuq minn ħames kilometri, b’sitta u erbgħin (46) dispensing points.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni sħiħa tal-korrispondenza li għaddiet mill-Financial Action Task Force (FATF) u l-Gvern Malti u li magħha għandha tinkludi wkoll ir-rapport dettaljat tal-istess FATF bl-action plan irrakkomandat minnha fil-konfront ta’ pajjiżna?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, kemm skont ir-regoli tal-FATF kif ukoll il-liġijiet tagħna, id-dokumentazzjoni mitluba hija ta’ natura sensittiva u kunfidenzjali ħafna u ma tistax tiġi zvelata.
Izda, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi l-
action plan
imsemmi ġie ppubblikat mill-FATF fil-25 ta’ Gunju 2021 u qiegħed fuq is-sit elettroniku tagħhom.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif wara biss ftit ġimgħat li saret Triq Port Ruman fil-Mellieħa minn Infrastructure Malta, din sfrondat (hekk kif jidher fir-ritratt anness)?
Response (BORG, IAN)
Hija ħasra li hawn deputati li kif jaraw kumment jew ritratt fuq Facebook jiġu jiġru jagħmlu mistoqsija parlamentari ħalli jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa, bla ma l-ewwel jagħmlu mqar ftit riċerka ba¿ika biex jivverifikaw il-fatti, f’tellieqa ma’ membri parlamentari u kandidati oħra biex jidhru li huma “ħadu azzjoni” l-ewwel. Dan qed iwassal għal ħafna ħela ta’ riżorsi sabiex jiġu ċċekkjati allegazzjonijiet inkorretti, jew sabiex tinġabar informazzjoni bba¿ata fuq mistoqsijiet b’tagħrif żbaljat.
Nixtieq nibda billi ninforma lill-Onorevoli Cutajar li l-Mellieħa m’hemm l-ebda triq jisimha Triq Port Ruman. Toroq b’dan l-isem jinsabu f’San Pawl il-Baħar u f’Marsaxlokk.
Jista’ jkun li l-Onorevoli Cutajar qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, imsemmija għal wied fil-Mellieħa li m’għandha xejn x’taqsam mal-portijiet tar-Rumani.
Jekk fil-fatt qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, allura nixtieq ninforma lill-Onorevoli Cutajar li din it-triq ma saritx minn Infrastructure Malta “biss ftit ġimgħat” ilu kif qed jallega, iżda bejn l-2013 u l-2014, xi tmien snin ilu, meta Infrastructure Malta lanqas biss kienet teżisti.
Fl-aħħarnett, jidher li dan l-aħħar fi Triq il-Wied ta’ Ruman kien hemm ħsarat f’xi pajpijiet taħt l-art u l-entitajiet konċernati wettqu xi tiswijiet fl-istess triq. Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet ma jiffurmawx parti mir-responsabilitajiet ta’ dan il-Ministeru, Infrastructure Malta u Transport Malta qed jitolbu lill-entitajiet li għamlu dawn it-tiswijiet sabiex ji¿guraw li t-triq titreġġa’ lura għall-istat tajjeb li kienet qabel seħħew il-ħsarat fis-servizzi taħt l-art, li jidher li kkawżaw ukoll il-ħsarat li jidhru fl-asfalt ta’ parti żgħira ta’ din it-triq.
Il-Mellieħa – Triq Port Ruman – dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta fuq Triq Port Ruman fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 21892 tal-istess Seduta. Triq Port Ruman fil-Mellieħa ma teżistix.
Il-Mellieħa – Triq It-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa — inkonvenjenti
Question
Jista’ l-Ministru jindika meta ser ikun qed jittaffa jew eliminat għal kollox l-inkonvenjent li ilhom isofru għal diversi snin ir-residenti li joqogħdu fit-Triq it-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa fil-Mellieħa, peress li jinsabu fi stat ħażin u tal-biki hekk kif jidher fit-ritratti annessi?
Response (BORG, IAN)
Permezz ta’ Infrastructure Malta, il-Gvern għaddej bl-akbar investiment li qatt sar fit-toroq Maltin, bil-bini mill-ġdid ta’ mijiet ta’ toroq residenzjali u rurali, fosthom uħud li kien ilhom mitluqin għexieren ta’ snin.
Ninsab infurmat li t-tliet toroq indikati huma toroq residenzjali ġodda li fihom beda jsir l-iżvilupp tal-bini f’dawn l-aħħar snin. Infrastructure Malta ser tibni Triq it-Tabib Joseph Grech Attard wara li jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ servizzi taħt l-art mill-entitajiet rispettivi. Sadanittant, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa jkunu jistgħu jinbnew b’wiċċ t’asfalt meta l-iżviluppaturi konċernati jlestu l-formazzjoni tal-istess toroq, hekk kif mitlub minnhom skont il-liġi u skont il-permessi tal-iżvilupp applikabbli.
Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħddi l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.