Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gabbani li hemm barra Bieb il-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istalls/gabbani li hemm barra Bieb il-Belt jagħmlux mal-konfini tal-Floriana jew tal-Belt Valletta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li l-istalls/gabbani li hemm barra Bieb il-Belt jinsabu fil-konfini tal-Belt Valletta, tali ¿ona mhix fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Valletta.

Mellieħa – Park tal-Familja — sorveljanza

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tal-Mellieħa, u dawk kollha li jagħmlu użu mill-Park tal-Familja fl-istess lokalità, li se tkun qed tiżdied is-sorveljanza tal-Pulizija u tal-Uffiċjali tal-Komunità (Wardens)? Dan wara li fl-aħħar xhur kien hemm għaddejjin attivitajiet/inċidenti li qed iħassbu u jinkwetaw mhux ftit lil dawk li jiffrenkwentaw il-post għall-skopijiet ta’ rikreazzjoni, ħarġiet għall-familja kif ukoll għall-attvitajiet fiżiċi u anke sportivi.

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi kemm l-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-Komunità fl-istess lokalità, kif ukoll l-Uffiċjali tal-Komunità (LESA), jagħmlu ronda regolarment fil-Park tal-Familja, imma wkoll f’lokalitajiet u f’toroq oħra tal-Mellieħa.

Mellieħa – ġonna pubbliċi – kameras tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jżid l-investiment f'kameras tas-sigurtà (CCTVs) fil-ġonna pubbliċi fil-Mellieħa, speċjalment fil-Park tal-Familja, wara li fl-aħħar xhur kienu rappurtati numru ta’ inċidenti u attivitajiet mhux xierqa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li riċentement ħareġ sejħa għall-offerti biex jiġu nstallati numru ta' cameras tas-sigurtà f' diversi nħawi fil-lokalità, fosthom fil-Park tal-Familja u fi Ġnien Dun Anton Debono, li jinsabu fuq i¿-¿ewġ naħat ta’ Triq Ġuże’ Flores, fil-Mellieħa. Saret wkoll it-tielet laqgħa tal-Bord tal-Aġġudikar sabiex issir l-evalwazzjoni teknika tas-sottomissjonijiet li saru, liema proċess issa jinsab fi stadju avvanzat.

Magħtab — bini ta’ inċineratur – Awtorità tal-Ippjanar –permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-bini tal-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab, limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Naħseb li l-Onor Interpellant qiegħed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA3012/20 (Outline application for the construction of a Waste to Energy Plant at Maghtab), liema applikazzjoni ġiet deciża mill- Bord ta’ l-Ippjanar fit- 13 ta’ Jannar 2022 u ser tiġi ppublikata fis- 26 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, il-permess kif approvat mill-Bord ta’ l-Ippjanar jista’jkun disponibbli biss wara din id-data.

Magħtab – proġett tal-inċineratur – Risk Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar Risk Assessment li sar dwar il-proġett tal-Inċineratur fiż-żona tal-Magħtab, limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’żieda mal-informazzjoni li diġà tajt f’din il-Kamra bi tweġiba għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21600, 21310, 21157 u 21156, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi proġetti ta’ din in-natura ma jsirx risk assessment uniku. Fil-fatt, il-proċess tal-ippjanar u l-applikazzjoni sabiex l-impjant ikun jista’ jopera (IPPC) jirrikjedu diversi assessments kif anke titlob il-liġi. Sa issa diġà saru volumi ta’ studji, li jinkludu l-assessjar tal-impatt u r-riskji ambjentali, u ovvjament dawn fihom ukoll evalwazzjoni dwar kif jistgħu jiġu affettwati n-nies. L-istudji msemmija huma voluminużi u huma disponibbli għall-pubbliku bħala parti mill-proċess tal-Ippjanar. Il-konklużjoni tagħhom hija li l-effett nett tal-proġett hu wieħed pożittiv. Irrid ngħid ukoll li peress li l-konsorzju li se jwettaq dan il-proġett se jkun responsabbli għad-disinn, il-bini u l-operat, il-proċess se jkun jinvolvi li jibqgħu isiru diversi risk assessments skont il-ħtiġijiet tad-disinn, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-impjant. Fil-fatt il-kuntratt li għad irid jingħata se jobbligu lill-konsorzju magħżul biex iħejji kull dokumentazzjoni neċessarja, inklużi aktar studji, monitoraġġ u risk assessment b’konformità sħiħa mal-liġijiet ta’ Malta u d-direzzjoni tad-diversi awtoritajiet regolatorji.

Entitajiet tal-Gvern immexxija minn 7 kapijiet eżekuttivi

Question

B’referenza għal dak li intqal mill-Ministru Aaron Farrugia fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar meta kien qed jiġi diskuss Abbozz 221, fejn semma li hemm madwar 7 kapijiet eżekuttivi li jmexxu entitajiet tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabilità, jista’ l-istess Ministru jindika min huma dawn il-persuni, ma’ liema entità qed jaħdmu u f’liema data bdew jokkupaw din il-pożizzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Triq is-Salina – proġett – laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, Infrastruttura Malta u residenti tas-Salina

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser issir il-laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, Infrastruttura Malta u r-residenti tas-Salina, dwar proġett li hemm fil-bidu ta’ Triq is-Salina, liema proġett ilu mibdi bla ma’ tlesta, għal sena sħiħa? Din il-laqgħa ntalbet minni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet waqt is-seduta ta’ nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 f’domanda li għamilt lill-istess Ministru fil-preżenza tal-Ministru Ian Borg, responsabbli minn Infrastruttura Malta.

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant Illi l-Awtorità tal-Ippjanar kellha diskussjonijiet ma' numru ta’ sidien residenti fit-triq in kwistjoni, filwaqt li kien hemm ukoll skambju ta’ korrispondenza fejn l-istess sidien kienu konxji tat-tibdil tal-livell tal-istess triq skont il-livelli uffiċċjali. Madankollu, min-naħa tal-Awtorità ma kellha ebda laqghat ulterjuri mar-residenti u Infrastructure Malta.

Mellieħa –Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa — inkonvenjenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21894 mogħtija fis-seduta numru 484 fuq domanda tiegħi dwar l-istat ħażin tat-toroq Barkazza u Għar u Casa fil-Mellieħa, jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tinforma lill-iżviluppaturi konċernati sabiex jaraw li jiġu osservati b’mod immedjat l-obbligi tagħhom fl-interess tar-residenti li jabitaw f’dawn iż-żewġ toroq u ż-żona tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23988, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Naxxar – Pjazza – ħsarat fid-dwal

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-ħsarat fid-dwal fil-viċinanzi tal-pjazza ewlenija tan-Naxxar kif jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament, dawn jissewwew mill-entità responsabbli mill-aktar fis, peress li issa ilhom għal numru ta’ ġimgħat bil-ħsara??

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta għamlet x-xogħolijiet neċessarji f’numru ta’ toroq. Dan ix-xogħol sar matul ix-xahar ta’ Diċembru u fil-bidu ta’ Jannar. Minn spezzjoni li saret mill-Enemalta fl-10 ta’ Jannar bħala followup għas-servizz mogħti lir-residenti, nstab li d-dawl kien kollu mixgħul.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq it-toroq li saru minn Infrastruttura Malta, intefqu fuq ġibjuni biex fihom seta’ jinġabar l-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għal darb’ oħra qed naraw Onorevoli ta’ din il-Kamra li filwaqt li ftit snin ilu vvota b’determinazzjoni sabiex l-aġenzija Infrastructure Malta mank imqar titwaqqaf, issa qed ikompli juri l-interess fil-ħidma bla heda li l-ħaddiema ta’ din l-aġenzija wettqu minn kemm ilha li twaqqfet fl-2018. Infakkar li kieku għaddiet tal-Onorevoli Cutajar u deputati oħrajn tal-Oppożizzjoni, l-€400 miljun investiment li issa qed jirrikonoxxi li twettaq kieku kienu jibqgħu biss ħolma fuq l-ixkaffa, bħalma fil-fatt kienu baqgħu fi żmien meta l-istess deputati kienu fil-poter taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Insemmi biss proġetti bħall-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u Central Link Project, li kien ilhom meħtieġa għexieren ta’ snin iżda l-amministrazzjonijiet preċedenti beżgħu jwettquhom. Bir-raġun ma nixba’ qatt nirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti, li fi tliet snin għamlu dak li amministrazzjonijiet preċedenti mank imqar pruvaw jibdew. Nittama li l-Onorevoli Cutajar jirrikonoxxi u jkompli jħeġġeġ lil dawn il-ħaddiema wkoll. Kuntrarjament għall-Onorevoli Cutajar, u m’n’Alla jkun hekk, Infrastructure Malta ma tiftakarx biss fl-infrastruttura għal kontra l-għargħar meta f’pajjiżna ninħakmu minn maltemp qawwi, hekk kif rajna f’dawn l-aħħar xhur meta fost oħrajn, kellna l-aktar ħarifa li fiha ni¿let xita f’dawn l-aħħar 25 sena. Permezz ta’ Infrastructure Malta flimkien ma’ entitajiet u dipartimenti oħrajn involuti, il-Gvern jaħdem biex jinkorpora infrastruttura għal kontra l-għargħar u għall-ġbir tal-ilma tax-xita f’kull proġett infrastrutturali li jsir fit-toroq Maltin. F’dawn l-aħħar tliet snin, minbarra proġetti kbar bħal Marsa Junction Project, il-Mini ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq arterjali u investiment ta’ miljuni kbar f’infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet mijjiet ta’ toroq residenzjali u rurali. F’dawn il-proġetti u ħidmiet differenti investejna aktar minn €12-il miljun f’infrastruttura għal kontra l-għargħar, ferm u ferm aktar minn kemm kien jiġi investit f’din it-tip t’infrastruttura fis-snin ta’ qabel. Dawn jinkludu fost oħrajn aktar minn 47 kilometru ta’ katusi u kanali ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita li jaqa’ fit-toroq lejn il-ġibjuni, lejn il-mini tas-sistema nazzjonali ta’ kontra l-għargħar jew lejn il-widien, fejn l-ilma jiġi assorbit fil-blat biex eventwalment jasal sal-ħażna tal-ilma tal-pjan taħt l-art. Dan ifisser li fi tliet snin għamilna kwa¿i darbtejn it-tul tal-gżira, miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. L-investiment jinkludi wkoll mijiet ta’ spralli ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita mit-toroq lejn il-katusi taħt l-art, l-installazzjoni ta’ hydrodynamic separators biex isaffu l-ilma qabel jinħażen fil-ġibjuni jew imur fil-widien, it-tħaffir ta’ soak aways, xogħlijiet ta’ titjib ta’ spralli, katusi u kanali antiki, tiswijiet ta’ ġibjuni eżistenti u fejn ikun teknikament possibbli anke l-bini ta’ ġibjuni ġodda. Infrastructure Malta s’issa bniet 14-il ġibjun, filwaqt li qed tibni oħrajn fi proġetti li għandha għaddejja bħalissa. Ħafna minn dawn il-ġibjuni jgħinuna fit-tisqija tal-eluf ta’ siġar u arbuxelli ġodda li qed inħawlu mal-ġnub tat-toroq ġodda, bħal dawk tal-Marsa Junction, Central Link Project u Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa. Kif nistgħu ninnutaw, l-infrastruttura għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita tmur ħafna lil hinn minn sempliċiment il-bini ta’ ġibjuni. Fil-fatt, kieku kellhom isiru biss il-ġibjuni u xejn aktar, jibqgħu vojta, bħalma ġieli ġara fil-passat. Madankollu, minkejja li fl-aħħar tliet snin sar ħafna u ħafna xogħol biex intaffu d-diffikultajiet tal-għargħar u naħżnu aktar ilma tax-xita, xorta jonqos ħafna x’isir. Fost oħrajn, għandna żoni bħax-xatt tal-Imsida, fejn il-problema tal-għargħar ilha magħna snin twal. Dan huwa post ieħor fejn amministrazzjonijiet preċedenti jew m’għamlu xejn, jew dak li għamlu ma solva xejn. Qed nippjanaw proġett ambizzjuż biex din iż-żona jkollha infrastruttura aħjar ukoll. Proġett li mhux biss se jnaqqas il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja u jirriġenera l-ispazji ta’ rikreazzjoni u ġonna li hemm fl-inħawi, iżda wkoll se jibdel mill-qiegħ is-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita b’soluzzjonijiet sostenibbli li jtemmu l-problemi t’għargħar fl-aktar post li jsofri meta jkollna l-maltemp. Ninsab kommess li nwettqu dan il-proġett fiż-żmien li ġej ukoll, flimkien ma’ ħafna investimenti oħrajn għal infrastruttura aħjar f’pajjiżna. Għamilna ħafna u determinati li nkomplu nwettqu ferm aktar.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tan-nefqa fuq kull ġibjun ġdid li nbena (u jindika f’liema lokalitajiet saru) mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq toroq li saru minn Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 23601 tal-istess Seduta u nżid li l-ġibjuni indikati jinsabu f’Santa Venera, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Imrieħel, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, ir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq.

Installazzjoni ta’ charging pillar (points) fil-viċinanzi tal-Knisja tax-Xemxija

Question

Tista’ l-Ministru tara li fil-viċinanzi tal-Knisja tax-Xemxija (possibilment fit-triq fejn hemm ix-Xemxija Fire Station ) jiġi installat charging pillar (points) ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejin diskussjonijiet ma l-istakeholders konċernati rigward postijiet/żoni ġodda għall-installazjonijiet tac-charging pillars (points).

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tan-nefqa fuq kull ġibjun ġdid li nbena (u jindika f’liema lokalitajiet saru) mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq toroq li saru minn Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – tiswija ta’ ħsarat fuq bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b’mod immedjat isewwi l-ħsarat li hemm bżonn isiru fuq il-bankina fi Triq il-Kbira (biswit George’s Bakery) fil-Mellieħa, kif indikat fir-ritratt li qed jintbagħat separatament, liema bankina saħansitra kienet il-kaġun li fl-aħħar ġimgħat weġġgħet persuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-bankina msemmija ġiet spezzjonata u rriżulta li hemm partijiet minnha li sarilhom ħsara billi telgħu vetturi fuqha. Għaldaqstant ser tittieħed azzjoni bil-għan li jsiru t-tiswijiet meħtieġa.

Mellieħa — Triq it-Telgħa ta’ Selmun - periklu kkawżat minn siġar

Question

Jista’ l-Ministru jara l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jitlob b’mod immedjat lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu kull azzjoni permessibbli bil-liġi sabiex jitneħħa kull periklu kkawżat minn siġar li qegħdin f’periklu li jaqgħu fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jista’ jara wkoll li jitneħħa jew jitranġa l-ġebel li waqa’ fl-istess triq, b’periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq arterjali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minkejja li t-Telgħa ta’ Selmun hija triq arterjali, saret spezzjoni nhar t-3 ta’ Diċembru 2021 u ma jirriżultax li hemm ġebel u siġar li huma ta’ periklu għas-sewwieqa. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm partijiet minn ħitan tas-sejjieħ li waqgħu bl-ilmijiet u reġgħu nbnew mill-ġdid. Kien hemm ukoll xi ġebel kbir li nġarr mill-istess ilmijiet li tressqu lejn il-ġenb tat-triq biex ma jibqgħux ta’ periklu.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – twaħħil ta’ charging pillars (points)

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm twaħħlu s’issa charging pillars (points) fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox s’issa twaħħlu 20 point fil-lokalitajiet msemmija.

Charging pillars (points) – deċiżjonijiet fuq fejn jiġu installati

Question

Tista’ l-Ministru tindika liema sistema qed tintuża u min qed jiddeċiedi f’liema postijiet/żoni madwar Malta u Għawdex qed jiġu installati ċ-charging pillars (points)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jiġu magħżula postijiet/żoni addatati għal dawn iċ-charging pillars (points), isiru laqgħat u konsultazzjonijiet b’mod kontinwu mal-Kunsilli Lokali kkonċernati madwar Malta u Għawdex. Wara li jiġu identifikati dawn il-postijiet/żoni, isiru site visits neċessarji flimkien mal-Enemalta. Din is-sistema se tibqa’ tintuża anke matul dawn it-tliet snin li ġejjin biex inkomplu nidentifikaw iżjed postijiet/żoni għall-installazjoni ta’ dawn iċ-charging pillars (points).

Ħal Farruġ – ramel imħallat mal-Jet Fuel — esportazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23292, jista’ l-Ministru jgħid fejn intefa’ dan il-materjal tossiku li nġabar minn Ħal Farruġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn informazzjoni li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-materjal in kwistjoni qiegħed jiġi temporanjament miżmum f’facilità tal-Enemed Co. Ltd, sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex dan il-materjal jiġi esportat skont ir-regolamenti ambjentali, u hekk kif ġie ordnat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Ħal Farruġ – ramel imħallat mal-Jet Fuel — esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u fejn ġie esportat barra minn Malta r-ramel imħallat mal-jet fuel li nġabar mit-triq f’Ħal Farruġ ftit tal-jiem ilu, wara spillage li kien hemm fl-inħawi, u li allura l-istess materjal (ramel imħallat mal-jet fuel) spiċċa bħala “hazardous waste”?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ERA qegħda f’kuntatt mal-entità responsabbli u tinsab infurmata illi l-kumpanija konċernata se tkun qed tqabbad kuntrattur awtorizzat biex jesporta dan il-materjal.