Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq residenzjali fil-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar huma fil-listi ta’ prijoritajiet sabiex jinbnew mill-ġdid/għall-ewwel darba?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Mellieħa diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Marfa, Triq Little Armier, Triq it-Telgħa ta’ Selmun, Triq Ġorġ Borg Olivier, Triq il-Mellieħa, Triq il-Mejjiesa, Triq Luis Wettinger, Triq ir-Ramla, Triq il-Palma, il-pont tal-Mistra, Triq it-Tunnara u Triq it-Torri l-Abjad. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq l-Għar u Casa u Triq il-Barkazza biex ġie mtejjeb l-aċċess għar-residenti b’mod temporanju, sakemm is-sidien u l-iżviluppaturi rispettivi jonoraw l-obbligi legali tagħhom li jiffurmaw l-istruttura tal-istess toroq, sabiex b’hekk eventwalment ikunu jistgħu jitlestew b’wiċċ t’asfalt ġdid. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Marfa (l-Għadira) u Triq it-Torri l-Aħmar, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq it-Tabib Joseph Grech Attard, Triq ir-Rattan, it-taraġ fi Triq it-Tgħam, Triq il-Pepprin, Triq l-Għaqda, Triq Għajn Tuta, Triq Wied Musa u Ta’ Qasam Barrani/il-Mofra (Għadira). Fil-lokalità tan-Naxxar diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi, Triq San Pawl, fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq il-Forġa, Triq Ħannewija, Triq Francis Attard, Triq il-Fortizza tal-Mosta, Triq il-Mazza, triq bla isem fi Vjal il-Labour, Triq Ċipru, Triq Ġibiltà, Triq il-Libja, Triq il-Marokk, Triq Korfu, Triq l-Arġentina, Triq l-Ingilterra, Triq Ċili, Triq il-Brażil, Triq il-Mitħna, Triq Spanja, Triq il-Ġermanja, Triq il-Milizzja, Triq it-Tuffieħ, Triq l-Irziezet, Triq l-Oqbra ta’ Ħawwat, Triq il-Kappella ta’ Santa Marija, Tal-Qadi, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq iċ-Ċirasa, Triq il-Berquq, Triq il-Ġellewz, Triq is-Sgħajtar, Triq Margaret Murray, Triq Andrea Debono u Triq Jean Houel, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq l-Emigranti u Sqaq Ħabel żwejra. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq ġdida fi Triq J. Quintinus, Triq l-Indipendenza, Triq Ġużeppi Despot, triq bla isem fi Triq Burmarrad, Triq il-Ħżejjen, Triq il-Wardija, Triq l-Iskuna, Triq Annetto Caruana, Triq it-Tamar u Triq Cunningham. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Lampuki u Triq il-Ħamra, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq l-Imrejkba, Triq il-Bardnell, Triq Luigi Preziosi, triq bla isem fi Triq il-Pwales u Triq Wied Qannotta.

Selmun u Mġiebaħ – Proposta għal Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fuq iż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ il-Gvern hux ser jimxi fuq il-proposta tal-Oppożizzjoni li dawn isiru Park Nazzjonali bit-tliet binjiet ewlenin fl-istess żona (il-Lukanda u l-Palazz ta’ Selmun flimkien mal-Forti Campbell) jingħataw lura lill-poplu Malti fl-interess tal-ġid komuni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern hu mpenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin, bħala parti mill-manifest elettorali, li għadu kemm ingħata fiduċja assoluta mill-poplu. Dwar il-proġetti speċifiċi msemmijin, nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 109 tas-seduta tas-16 ta’ Mejju u għad-diskors tal-Prim Ministru fis-seduta tal-11 ta’ Mejju li għadda.

Infrastruttura Malta – Proġett fis-Salina – Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li x-xogħol kollu li qed tagħmel Infrastruttura Malta fis-Salina preċiżament fil-bidu tat-triq li tagħti għat-telgħa magħrufa bħala t’Alla u Ommu sarx skont il-permessi approvati u jekk hu hekk allura meta mistenni jitlesta dan il-proġett li ilu mibdi għal madwar sena u nofs ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Il-proġett fis-Salina li qed issir referenza għalih se jibdel żona li tħalliet mitluqa minn amministrazzjonijiet preċedenti, f’parkeġġ u ġnien pubbliku bil-bandli għar-residenti tal-inħawi. Ix-xogħlijiet ta’ tħaffir u pedamenti saru taħt superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba s-sensittività storika ta’ din iż-żona. F’Ġunju li ġej tkun lesta l-ewwel fażi tal-proġett, li tinkludi x-xogħlijiet kollha man-naħa li tmiss mar-residenzi u bini ieħor f’din iż-żona. Il-proġett kollu jkun lest fl-aħħar ta’ Settembru li ġej, bl-aħħar xogħlijiet ikunu t-tħawwil ta’ siġar u pjanti fil-ġnien ġdid, peress li jkun aħjar li dawn isiru wara x-xhur tas-sajf. Il-proġett huwa kopert b’żewġ permessi tal-iżvilupp. Jekk waqt ix-xogħlijiet jinstab li jeħtieġ isiru xi tibdiliet tekniċi, jew fejn ikun hemm talbiet ġustifikati għal tibdiliet żgħar mir-residenti tal-inħawi, jintalbu l-emendi għall-istess permessi, hekk kif normalment isir skont il-proċeduri applikabbli tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Proġett tal-estensjoni tal-bajja tal-Għadira — Pjanti u l-istudji kollha relatati mal-impatt ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u l-istudji kollha relatati mal-impatt ambjentali li l-proġett tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira ser ikollu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li bħalissa qiegħed isir proġett pilota fuq parti mill-bajja tal-Għadira li għandu jixħet dawl fuq il-visibilità ta’ dan il-proġett. La darba dan il-proġett pilota jintemm, il-konkluzjonijiet tiegħu se jkunu qed jiġu ppubblikati.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Park tal-Familja – Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħmel il-manutenzjoni xierqa fil-Park tal-Familja wara li partijiet minnu tħallew fi stat ta’ abbandun, fosthom il-fence tal-multi-purpose court, il-passaġġ magħmul mill-wooden chips u sinjali tad-direzzjonijiet li hemm fl-istess park?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ħareġ sejħa għall-offerti sabiex apparti li ssir manutenzjoni tax-xibka madwar il-multi-purpose court, issir ukoll bażi ġdida għall-arbli li jżommu l-istess xibka, peress li meta dawn twaħħlu saret ħsara fil-membrane, li qed tikkawża dħul tal-ilma fid-dressing rooms li hemm taħt il-court. B’rabta ma’ dan ser issir sejħa oħra sabiex tissewwa l-ħsara li saret fis-soffitt u l-ħitan tad-dressing rooms li hemm taħt il-court. Ix-xogħol jinvolvi wkoll miżuri sabiex titrażżan l-umdità fl-istess ħitan. Riċentement saret ordni sabiex isiru tabelli ġodda li qdiemu, jew huma nieqsa fid-diversi partijiet tal-park. L-esperjenza wriet li kull darba li l-wooden chippings tferrxu fuq il-jogging track, dawn inġarru mill-ilmijiet fl-iktar partijiet baxxa tal-istess trakka.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Park tal-Familja – Green Wall

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti/studji li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex isir green wall fil-parti fuq ġewwa tat-trakka li tinsab fil-Park tal-Familja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-green wall li attwalment qed jiġi istallat fil-trakka tal-Park tal-Familja huwa pjuttost proġett pilota, li l-Kunsilli Lokali ġew imħeġġa li jwettqu bħalu bi skemi li ġew imnedija mill-entitajiet governattivi konċernati. Wara li ttieħdu l-pariri dwar it-tip ta’ pjanti li għandhom jiġu mkabbra permezz ta’ hydropinic system, ġiet sottomessa proposta għall-finanzjament tal-proġett permezz ta’ fondi Ewropej tramite l-Fondazzjoni Grupp Azzjoni tal-Majjistral u l-ARPA. Il-Bord tekniku li evalwa l-proposta dehrlu li din hija vijabbli u għaldaqstant approva l-finanzjament tagħha.

San Pawl il-Baħar u Xemxija – Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser tinbena mill-ġdid it-triq ewlenija li tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll it-triq li tagħti mill-promenade tax-Xemxija sal-Knisja tax-Xemxija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tat-triq li qed issir referenza għaliha fl-ewwel parti tal-mistoqsija, Infrastructure Malta se tibniha mill-ġdid wara li entitajiet oħra jwettqu x-xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art li huma jeħtieġu jagħmlu f’din it-triq. Sabiex it-triq tkun f’kundizzjoni aħjar u jonqsu d-diffikultajiet għar-residenti u dawk li jivvjaġġaw minnha, l-aġenzija diġà wettqet xogħlijiet ta’ tiswijiet u kisi mill-ġdid b’mod temporanju ta’ parti mit-triq fl-2020, u fiż-żmien li ġej ser tagħmel xogħlijiet simili ta’ tiswijiet f’parti oħra tat-triq, quddiem il-Knisja Parrokkjali. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17216 tal-leġizlatura li għaddiet.

Xemxija – Żona ta’ rikreazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jesplora l-possibbiltà li fil-parti residenzjali fix-Xemxija tinstab żona bħala wesgħa ta’ rikreazzjoni għat-tgawdija tar-residenti, fejn tkun tista’ tingħata lill-pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 107, din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Kumpless Dar il-Madonna tal-Mellieħa – Ambulanza stazzjonata

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jerġa’ jikkunsidra li fil-Kumpless Dar il-Madonna tal-Mellieħa jkun hemm stazzjonata ambulanza, imqar għax-xhur tas-sajf? Dan anke għall-fatt li l-popolazzjoni fil-konfini tal-madwar f’dawn ix-xhur tikber għal erba’ darbiet aktar min-normal.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena kollha inkluż fix-xhur tas-sajf, in-naħa ta’ fuq ta’ Malta tkun servuta permezz ta’ ambulanzi miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta.

Mellieħa – Ċimiterju Omm il-Ħniena – Xogħol ta’ estensjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta ser titkompla u titlesta l-estensjoni taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li il-kuntrattur li kien rebaħ l-offerta abbanduna l-proġett wara li kien lesta biss l-iskavar. Għaldaqstant ġew imqabda l-FMS (Foundation for Medical Services) biex jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni ta’din l-estensjoni f’dan iċ-Ċimiterju tal-Gvern, waqt illi ittieħdu l-passi sabiex il-kuntrattur oriġinali jeħel il-multa skont kif indikat mid-dipartiment tal-kuntratti. Preżentament qegħdin isiru laqgħat regolari bejn l-uffiċċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u l- FMS biex isir it-tibdil neċessarju dwar kostruzzjoni, dawl, sistema ta’CCTV, provvista tal-elettriku eċċ. Dan qabel terġa tinħareġ offerta biex ikun jista` jiġi evalwat u aġġudikat kuntrattur ġdid biex ikompli tali xogħol u finalment titlesta l-estensjoni fl-iqsar żmien possibbli.

Proġett tal-Bini tal-Inċineratur – Studju relatati mal-impatt ambjentali

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha relatati mal-impatt ambjentali li l-proġett tal-bini tal-Inċineratur ser ikollu u anke tindika fiex wasal il-proċess tal-għoti tat-tender relatat mal-istess proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex, dwar l-istudji relatati mal-impatt ambjentali tal-proġett tal-Waste to Energy, jirreferi għad-diversi tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet. Fost dawn nista’ nsemmi t-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 21156, 21157, 21310, 21600 u 24528. Fir-rigward tal-proċess tal-għoti tat-tender, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa jinsab miftuħ il-Pre-Qualification Questionnaire (PQQ) fejn offerenti interessati għandhom sal-aħħar ta’ Mejju biex jipprovdu informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja u ekonomika tagħhom, kif ukoll l-esperjenza u l-kompetenza għad-disinn, il-bini u l-operat tal-faċilità.

Selmun u Mġiebaħ – Proposta għal Park Nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk fuq iż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ il-Gvern hux ser jimxi fuq il-proposta tal-Oppożizzjoni li dawn isiru Park Nazzjonali bit-tliet binjiet ewlenin fl-istess żona (il-Lukanda u l-Palazz ta’ Selmun flimkien mal-Forti Campbell) jingħataw lura lill-poplu Malti fl-interess tal-ġid komuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern hu mpenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin, bħala parti mill-manifest elettorali, li għadu kemm ingħata fiduċja assoluta mill-poplu. Dwar il-proġetti speċifiċi msemmijin, nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 109 ta’ din l-istess seduta u għad-diskors tal-Prim Ministru fis-seduta tal-11 ta’ Mejju li għadda.

Awtorità tal-Ippjanar – Proġett fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar – Proċess ta’ appell

Question

Tista’ l-Ministru tindika fiex wasal il-proċess tal-appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni PA 2427/21 li jittratta proġett fiż-żona ta’ ħdejn it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar u jekk effettivament hemmx data meta ser jinstema’ l-istess appell?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – Proġett fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar – Proċess ta’ appell

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal il-proċess tal-appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni PA 2427/21 li jittratta proġett fiż-żona ta’ ħdejn it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar u jekk effettivament hemmx data meta ser jinstema’ l-istess appell?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell dwar l-applikazzjoni msemmija jinsab diferit u se jkun qed jiġi trattat fil-jiem li ġejjin.

Ex ħaddiema tal-Electricity Board – Pensjoni tat-Teżor

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tkun qed tiġi riżolta l-kwestjoni tal-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Malta Electricity Board, relatata mal-Pensjoni tat-Teżor dovuta lilhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

ERA — Multi lill-Infrastruttura Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22374 u jgħid kemm sa mit-twaqqif tagħha Infrastruttura Malta sal-lum, kellha fi flus kontanti multi imposti fuqha mill-ERA u fuq liema nuqqasijiet dawn ingħataw (billi jindika ukoll fuq liema proġetti dawn ingħataw)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija 22374.

Magħtab – Dokumenti relatati mat-tender għall-bini ta’ inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mat-tender li nħareġ għall-bini tal-inċineratur fil-Magħtab fl-aħħar ġimgħat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Fir-rigward tal-istudji relatati mal-impjant tal-Waste to Energy nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġà tajt għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21310, 21157, 21156 u 21600.

Magħtab – Bini tal-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm il-Gvern qed jistma li ġej jiswa l-bini tal-inċineratur fil-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li fl-2019 l-ispiża għall-bini tal-inċineratur fil-Magħtab kienet stmata li ser tkun madwar €190 miljun. Nifhmu li l-investiment meħtieġ mhux żgħir iżda dan l-inċineratur ser ikun qed jgħin sabiex nitbgħiedu mill-politika li kienet titħaddem fi żminijiet oħra fejn il-Gvern kien ikollu juża’ dejjem iżjed art sabiex joħloq miżbla wara miżbla. Dan l-investiment flimkien mal-impjanti l-oħra li ser isiru, u li tkellimt dwarhom diversi drabi, ser ikun qed jagħti qabża ta’ kwwalita’ fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.

Magħtab – Rapport relatat mal-bini tal-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relatat mar-risk assessment relatat mal-bini tal-inċineratur fil-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-riposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 24194.

Wasteserv — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema jaħdmu mal-kumpanija Wasteserv, f’liema grad u mil-liema lokalitajiet dawn ġejjin bejn Settembru 2021 u Jannar 2022 maqsuma xahar b’xahar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.