Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 14 PQ #688 Sitting 11 2022-05-30 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR (Partit Nazzjonalista)

Qawra – skola — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk jeżistux problemi mal-iskola tal-Qawra dwar l-aċċess/sigurtà fl-użu tal-lift fil-parkeġġ u kif ser jintuża l-istess parkeġġ li hemm mal-istess skola? Jista’ jikkonferma li teżisti soluzzjoni jekk hemm din il-problema u allura jistax jikkonferma meta r-residenti ser jibda jkollhom aċċess għal dan il-parkeġġ tant bżonjuż?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift fil-parkeġġ tal-Kulleġġ Marija Reġina Skola Primarja Qawra hu għall-użu esklussiv tal-iskola.
Leg 14 PQ #710 Sitting 11 2022-05-30 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR (Partit Nazzjonalista)

Kunsill Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — korrispondenza fuq ċnut ta’ siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22546 tat-13-il Leġiżlatura u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar kellhom mal-Awtorità tal-Ippjanar bejn Settembru 2018 u April 2022 fejn l-Awtorità ntalbet mill-istess kunsilli biex skont il-liġi tintervjeni sabiex isiru ċnut madwar siti ta’ kostruzzjoni mibdija jew abbandunati u li kienu u għadhom qed jikkawżaw perikli għar-residenti u dan peress li hemm siti minnhom li spiċċaw miżbliet żgħar?

Response

Infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar tinvestiga l-ilment. Jekk il-każ huwa sit ta’ kostruzzjoni, min jagħmel l-ilment jiġi infurmat li l-ilment għandu jsir mal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni. Jekk il-każ huwa rimi illegali ta’ skart, min jagħmel l-ilment jiġi infurmat li l-ilment għandu jsir mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi jew mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali. Jekk il-każ huwa sit li bid-dehra tiegħu qiegħed jagħmel ħsara lill-ġmiel jew is-siwi ta’ żona, l-Awtorità tal-Ippjanar tieħu azzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (2016).

CPCM – ħatra ta’ Reġistratur

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser jinħatar Reġistratur fi ħdan il-Kunsill tal-Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina (CPCM), post li ilu vakanti sa minn Settembru 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peres li l-kariga ta’ reġistratur ma kinitx imtliet permezz ta’ diversi sejħiet pubbliċi, gie maħtur aġent reġistratur għall-kunsill tal-professjonijiet kumplimentari għall-Mediċina fil-21 ta’ Diċembru 2021. Ninfuramħ ukoll illi ħarġet sejħa oħra fil-Gazzetta tal-Gvern fit-8 ta’ April ta’ din is-sena u li l-intervisti lill-applikanti eliġibbli se jsiru fit-2 ta' Ġunju 2022.

Skemi għall-bdiewa u sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema ser ikunu l-iskemi/ inizjattivi li l-Gvern ser ikun qed iniedi fis-sentejn li ġejjin li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-bdiewa u s-sajjieda?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddejjin fil-proċess sabiex jiġi finalizzat il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023 - 2027. Ladarba dan jiġi finalizzat, approvat u adottat mill-Kummisjoni Ewropea, il-Gvern ikun jista’ jippubblika l-iskemi u l-inizjattivi kollha. Madanakollu, minn żmien għal żmien, il-Gvern jippubblika wkoll skemi nazzjonali skont il-bżonnijiet li s-settur ikun għaddej minnhom.

Ta' Qali Farmers Market — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser ikun qed isir investiment mill-Gvern fil-Farmers’ Market f’Ta’ Qali?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ser ikun qed jagħmel investiment ġewwa l-Farmers Market hekk kif approvat fil-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza PA/07629/20.

Proġett tad-daħla tas-Salina – Permessi u pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-pjanti kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tad-daħla tas-Salina (li saret referenza għalih fuq domanda parlamentari 102) u li fuqhom suppost Infrastruttura Malta qed timxi magħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba, li huma diġà pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar www.pa.org.mt, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett tad-daħla tas-Salina – Permessi u pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-pjanti kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tad-daħla tas-Salina (li saret referenza għalih fuq domanda parlamentari 102) u li fuqhom suppost Infrastruttura Malta qed timxi magħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - Ambulanza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hux minnu li l-Ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta tneħħiet ukoll?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ambulanza tal-Mosta ma tneħħietx u għada tintuża bħas-snin ta qabel biex tkun tista tirrispondi għall-bżonnijiet ta’ emergenza fin-naħa tat-tramuntana ta’ Malta.

Mellieħa – Kunsill Lokali – kamra li tagħmel parti mill-barracks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tintuża l-kamra (parti mill-barracks) devoluta lill-Kunsill Lokali Mellieħa li tinsab fil-Park tal-Majjistral, liema devoluzzjoni kienet saret qabel l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li attwalment il-binja qed tintuża proviżorjament bħala maħżen, billi l-Kunsill għandu l-intenzjoni li l-binja tinbidel f’ċentru ta’ interpretazzjoni dwar il-produzzjoni tal-melħ u l-għasel, bħala parti minn pjan ħollistiku mfassal mill-Bord tal-Park tal-Majjistral.

Selmun – Użu ta’ kumpless ta’ irziezet mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jintuża l-kumpless ta’ rziezet f’Selmun mill-Kunsill Lokali Mellieħa u kemm-il darba fil-ġimgħa qed ikun miftuħ għall-pubbliku, liema kumpless kien ġie devolut lill-istess kunsill qabel l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif gejt infurmat, il-kumpless ta’ rziezet f’Selmun kien qiegħed jinfetaħ għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa minn NGO, iżda tali servizz ġie sospiż temporanjament minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill qiegħed jaħdem sabiex dan il-kumpless jintuża bħala ċentru ta’ interpretazzjoni relatat mal-heritage trail ta’ Selmun u għalhekk qegħdin isiru l-proċessi relattivi għal dan il-għan. Fil-frattemp, il-Kunsill qed jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa ħalli l-kumpless ikun ndukrat kif inhu xieraq.

Mellieħa – Bring in Sites

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm u fliema żoni fil-lokalità tal-Mellieħa hemm Bring in Sites għad-dispożizzjoni tal-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-lokalità tal-Mellieħa hemm seba’ (7) Bring-In Sites u dawn qegħdin fi: · Triq l-Iżbark tal-Franċiżi · Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad – sit 1 · Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad – sit 2 · Ramlet il-Qortin (ta’ Maċċa) · Triq l-Arżnell · L-Armier (fil-parkeġġ) · Triq il-Mellieħa fil-Manikata

Selmun u Bypass ta’ San Pawl il-Baħar – bozoz maqtugħin

Question

Tista’ l-Ministru tara li bozoz li hemm maqtugħin fit-Telgħa ta’ Selmun u fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar li ilhom hekk għal diversi jiem, jinbidlu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li għaddew il-ħaddiema sabu l-ħsarat li kien hemm u għamlu t-tiswijiet meħtieġa fuq id-dwal kemm fit-Telgħa ta’ Selmun u anke fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar — faċilitajiet għas-sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, fiż-żoni li jagħmlu użu minnhom numru kbir ta’ sajjieda, hux ser ikun hemm titjib fil-faċilitajiet użati mill-istess sajjieda?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli f’dawn l-aħħar sentejn investa fil-faċilitajiet tal-ħatt ġewwa San Pawl il-Baħar, kif ukoll bil-ftuħ ta’ uffiċċju biex iservi lis-sajjieda tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Barra minn hekk, qed isir ukoll restawr u titjib neċessarju fil-Winch Rooms. Id-Dipartiment ikkonċernat dejjem jagħmel monitoraġġ tal-faċilitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u minn żmien għal żmien jagħmel investimenti neċessarji hekk kif meħtieġ.

Manikata, Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales — ilma għat-tisqija tal-ħxejjex

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser ikun qed isir l-investiment adegwat fiż-żoni tal-Manikata, il-Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales sabiex il-bdiewa ta’ dawn iż-żoni jkollhom ilma biżżejjed sabiex isaqqu l-ħxejjex tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – Triq il-Marfa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jitlesta x-xogħol li għaddej fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, liema xogħol qed jikkawża inkonvenjent lis-sewwieqa li jgħaddu minn hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-ewwel fażi tax-xogħlijiet fi Triq Il-Marfa, fil-Bajja tal-Għadira, tlestiet u l-erba’ korsiji ta’ din it-triq reġgħu nfetħu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. F’dan il-proġett, Infrastructure Malta qed taħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tqiegħed pajpijiet kbar tal-ilma taħt il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ din it-triq u sussegwentement terġa’ tibni din il-karreġġjata b’bankini ġodda u punti minn fejn tista’ taqsam bil-mixi (pedestrian crossings). Dawn in-netwerks ġodda taħt l-art jinkludu wkoll pajp ta’ 600 millimetru li jifforma parti mill-proġett tal-Korporazzjoni li tgħaqqad il-ġibjuni tagħha f’Ta’ Qali mar-reverse osmosis taċ-Ċirkewwa u Ħondoq ir-Rummien, biex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha f’Malta. Ħafna mill-4.8 kilometri ta’ pajpijiet tal-ilma meħtieġa mill-Korporazzjoni f’din it-triq issa huma lesti. Ix-xogħlijiet finali fil-karreġġjata lejn it-tramuntana se jkomplu wara s-sajf. Sadanittant, il-karreġġjata lejn in-nofsinhar se terġa’ tinbena bħala parti minn proġett separat tal-Ministeru għat-Turiżmu biex tiġi riġenerata l-promenade ta’ din il-bajja, skedata li tibda f’Ottubru 2022.

Mellieħa – studji/pjanti dwar il-proġett ta’ Triq il-Marfa

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji/pjanti approvati kollha li saru b’rabta mal-proġett ta’ Triq il-Marfa fil-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant, li peress li t-triq indikata hija twila mhux ħazin, minn ħdejn is-Santwarju tal-Madonna fil-qalba tal-lokalità, saċ-Ċirkewwa, u peress li f’din it-triq saru, qed isiru jew hemm ippjanat li jsiru għadd ta’ proġetti, jista’ jispeċifika għal liema proġett jew xogħlijiet qed jirreferi.

Mellieħa – Triq il-Marfa – konġestjoni tat-traffiku – pulizija/uffiċjali tal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li filwaqt li l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa qed tiġi esperjenzata f’livelli bla preċedent, mhux qed ikun hemm pulizija/uffiċjali tal-komunità/uffiċjali ta’ Transport Malta fuq il-post sabiex jorganizzaw aħjar is-sitwazzjoni prekarja ta’ inkonvenjent li nħolqot u qed tkompli tinħoloq b’mod regolari lis-sewwieqa li jgħaddu miż-żona?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar il-konġestjoni tat-traffiku kkawżat minħabba xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Uffiċjali tal-komunità, kontinwament ikunu fuq il-post biex jikkontrollaw it-traffiku, flimkien ma’ entitajiet oħrajn mhux taht il-Ministeru ta' l-Intern, is-sigurtà, ir-riformi u l-ugwaljanza, u kemm jista’ jkun inaqqsu l-inkonvenjent lis-sewwieqa, li jużaw din it-triq. Wieħed irid japprezza illi temporanjament qed tintuża karreġjata waħda.

Pandemija tal-COVID-19 — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm ġiet tiswa lill-pajjiżna s’issa, mil-lat mediku biss, il-pandemija tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li ma jin¿ammux dettalji finanzjarji ta’ kemm tkun swiet il-kura ta’ kull pazjent individwali fis-servizz tas-saħħa tagħna, huwa diffiċli illi naslu għall-figura li qed jitlob hu.

Sptar Mater Dei – Taqsima tal-Kura Intensiva — spiża għal kull sodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hi l-ispiża għall-Gvern Malti ta’ kull sodda fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, (ITU), meta tkun okkupata minn pazjenti li jkollhom kumplikazzjonijiet kaġun tal-COVID-19? Jista’ jgħid sal-lum, minn meta tfaċċa l-ewwel każ tal-COVID-19 f’pajjiżna, kemm kienu l-pazjenti li ġew rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiza ta’ kull sodda għall-kull lejl fit-taqsima tal-kura intensiva hija ta bejn €1,325 - €1,500. Din hija figura medja li tvarja minn pazjent għall-ieħor. In-numru totali ta pazjenti li ġew rikoverati fl-ITU u li kellhom kumplikazzjoniiet ikkawzati mill-Covid-19 sal-Ġimgħa 20 ta’ Mejju kienu 352.

Mellieħa – Kunsill Lokali – Infiq ta’ flus f’kamra parti mill-barracks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa nefaq flus u fiex nefaqhom (b’mod separat) sa mill-2013 sal-lum fil-kamra (parti mill-barracks) devoluta lilu li tinsab fid-daħla tal-Park tal-Majjistral, liema devoluzzjoni kienet saret qabel l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li attwalment il-binja msemmija ġiet devoluta lill-Bord tal-Park tal-Majjistral permezz ta’ ftehim iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2011, bl-obbligu li tenement E26228 jiġi allokat lill-Kunsill Lokali bħala on-side reference point u uffiċċju. L-ispejjeż li saru fuqha sal-lum saru fl-2016 u kienu jammontaw għal €1,308. Dawn kienu jinvolvu l-aperturi sabiex il-binja tkun sikura mill-vandaliżu u okkupazzjoni illegali.