Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – oġġezzjonjiet għal tender
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju/infurmat mit-talbiet/oġġezzjonijiet varji li qed jagħmlu numru kbir ta’ residenti li joqogħdu fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa dwar il-ħruġ tat-tender ‘Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin’ mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Mellieħa, liema tender ser ikun ifisser aktar bini bla rażan f’din iż-żona fil-Mellieħa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru huwa konxju minn dawn l-oġġezzjonijet.
Qrati ta’ Malta u Għawdex – preżenza ta’ uffiċjali/spetturi fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest jikkunsidra li, bħal fil-każ tal-pulizija, uffiċċjali/spetturi fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkunu jistgħu jattendu seduti fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex bl-uniformijiet tagħhom, xi ħaġa li sal-lum mhix permessibbli?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni mhix fid-diskrezzjoni tal-Ministru jew il-Ministeru.
San Pawl il-Baħar – xogħlijiet f’toroq viċin l-iskola primarja
Question
Jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex xogħlijiet fuq toroq viċin l-Iskola Primarja f’San Pawl il-Baħar, li issa ilhom xhur mibdijin, jitlestew mill-aktar fis u b’hekk ikun jista’ jiġi fi tmiemu l-inkonvenjent li ilhom għaddejjin minnu r-residenti, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom flimkien mal-għalliema u ħaddiema oħrajn tal-istess skola?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ix-xogħol ippjanat ta’ resurfacing kellu jsir minn Infrastructure Malta, tul ix-xogħlijiet diversi entitajiet fosthom kumpaniji privati ressqu talbiet ġodda. Minħabba dan, ix-xogħol għadu għaddej. Malli jitlesta, Infrastructure Malta tkun tista' tagħlaq dan il-proġett hekk kif ippjanat.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettall xi fdalijiet ta’ valur storiku nstabu fil-Pjazza tal-Mellieħa waqt ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-parti ċentrali tal-pjazza ġew identifikati numru ta’ ċisterni, fejn waħda minnhom ġiet investigata sa fond ta’ 2.10 metri. Iċ-ċisterna li hi maqtugħa fil-blat nstabet miksija bis-siment u mimlija b’radam.
Infurmat ukoll li numru ta’ kanali maqtugħin fil-blat, li jistgħu jkunu relatati ma’ attività tal-barrieri, ġew ukoll identifikati.
Mellieħa – xogħlijiet fil-Pjazza — fdalijiet storiċi
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li waqt li kien u għadu għaddej xogħol fil-Pjazza tal-Mellieħa ma saret l-ebda ħsara lill-fdalijiet storiċi u ta’ valur li nstabu waqt li kien għaddej l-istess xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-pjazza tal-Mellieħa huma kollha suġġetti għal monitoraġġ arkeoloġiku, taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Infurmat ukoll li l-metodoloġija li ġiet addottata tul ix-xogħlijiet assigurat li l-fdalijiet ġew immedjatament identifikati sabiex ma ssirilhomx ħsara.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se tkun qed tieħu s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Malti dwar għadd ta’ sejbiet ta’ valur li nstabu fil-Pjazza tal-Mellieħa waqt xogħlijiet li ilhom għaddejjin xhur? Dan sabiex ma ssir l-ebda ħsara fuqhom u jkun assigurat li dawn il-fdalijiet jiġu ppreservati u kkonservati sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku Malti u t-turisti li jżuru ż-żona.
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ċ-ċisterni ser jiġu ppreservati fuq il-post (in situ) u fejn hu possibbli ser jitpoġġew tappieri sabiex ikun hemm aċċess u jkun possibbli li jsiru iktar investigazzjonijiet.
Aġenzija LESA – Uffiċjali tal-Komunità – body cams
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li l-Uffiċjali tal-Komunità (Wardens) jiġu fornuti b’body cams fuq l-istess mudell ta’ kif jaħdmu l-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-aġenzija LESA qed taħdem fuq introduzzjoni ta' bodycams għall-uffiċjali tagħha.
Aġenzija LESA – Uffiċjali tal-Komunità – uniformijiet ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li l-Uffiċjali tal-Komunità (Wardens) jiġu fornuti b’uniformijiet ġodda aktar komdi u prattiċi biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom aħjar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-aġenzija LESA qed taħdem fuq dan u bħalissa qed isir market research.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hix qed tiġi kkonsidrata l-possibilità li l-Park Rangers ikunu fornuti b’body cams?
Response (DALLI, MIRIAM)
Tajjeb nispeċifika li Ambjent Malta għandha wardens (Environment) li huma stazzjonati magħha. Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant tali wardens (Environment) mhumiex koperti minn qafas legali li jagħti poteri ta’ infurzar fuq ksur ta’ liġijiet. Infurmata li l-liġi marbuta mal-protezzjoni tad-data ma tippermettix legalment li jintuża dan l-apparat minn dawn l-uffiċjali.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn Park Rangers jaħdmu f’pajjiżna bħalissa, fejn qed jaħdmu u kemm minnhom huma impjegati mal-Gvern u mal-NGOs?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma' Ambjent Malta, fi ħdan dan il-Ministeru, hemm 8 Wardens (Environment) li huma impjegati full-time. Dawn huma mqassmin hekk:
· Tlieta (3) jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ u mmaniġġar ġewwa siti ta’ Natura 2000
· Persuna (1) qiegħda stazzjonata ġewwa l-mixtla ta’ Ambjent Malta.
· Erbgħa (4) huma mislufin lil Birdlife Malta u qegħdin stazzjonati ġewwa s-Salini Salt pens
Infurmata wkoll li hemm tliet (3) rangers li jaħdmu full-time u ieħor (1) part-time li huma ingaġġati mill-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistux jew le kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema li jaħdmu bħala Park Rangers? Jekk iva, tista’ tqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif speċifikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5818 l-Park Rangers huma ingaġġati mill-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-bini tal-inċineratur fil-Magħtab u fl-istess waqt tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar tal-istess proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fejn jidħol l-iskavar tas-sit, dan mixi kif mistenni sabiex ikun lest sa meta jingħalaq il-proċess tax-xiri tal-impjant liema proċess mixi kif ippjanat ukoll. Fir-rigward tal-pjanti, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ngħatat għall-PQ 21157.
Mellieħa- Triq Edward Camilleri – zebra crossing/lights
Question
Jista’ l-Ministru jikkonsidra b’urġenza li fi Triq Edward Camilleri fil-Mellieħa (fil-parti ta’ fejn hemm l-entratura għall-klassijiet tal-Kinder u taċ-Childcare Centre) issir zebra crossing/lights minn Transport Malta u dan biex jiġu evitati inċidenti/traġedji, liema sitwazzjoni kienet viċin li sseħħ għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat?Fejn tajjeb jingħad ukoll li fl-istess parti tat-triq, hemm l-entratura għall-faċilità sportiva tal-Mellieħa Sports Club li tintuża minn mijiet ta’ tfal u żgħażagħ b’mod regolari matul il-ġimgħa.
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Mellieħa – Triq l-Erwieħ — Ċimiterju Sultana tal-Vittorji – tneħħija ta’ lapidi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni li jinqalgħu l-lapidi minn mal-ħajt taċ-Ċimiterju Sultana tal-Vittorji fi Triq l-Erwieħ, il-Mellieħa u ntremew fl-art fejn uħud minnhom saħansitra tkissru? Jista’ jgħid min se jerfa’ r-responsabilità ta’ dan l-aġir, nieqes minn kull sens ta’ rispett u serjetà, f’post daqstant għażiż għal ħafna familji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija supplimentari, għal mistoqsija Parlamentari numru 4207, li għamel hu stess.
Mellieħa – Triq il-Marfa – Ċimiterju Omm il-Ħniena — xogħlijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol ta’ estensjoni fiċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, liema xogħol ilu mibdi għal numru ta’ snin bla qatt ma ġie konkluż?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija supplimentari, għal mistoqsija Parlamentari numru 4207, li għamel hu stess.
Mellieħa – Triq il-Marfa – Ċimiterju Omm il-Ħniena — kanċell
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa ilu xhur bla kanċell? Jista’ jgħid meta se jitwaħħal il-kanċell u min ser jerfa' r-responsabilità jekk isiru atti vandali jew atti oħrajn f’dan iċ-ċimiterju, fejn hemm midfunin mijiet ta’ persuni għeżież għal ħafna familji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi matul ix-xitwa li għaddiet, il-kanċell taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena kienet saritlu ħsara irreparabbli bil-maltemp. Temporanjament saret grada li tagħlaq iċ-ċimiterju, sakemm issir kostruzzjoni ta’ kanċell ġdid.
Kummissjoni Ewropea – Country Report dwar l-andament soċjo-ekonomiku ta’ Malta
Question
Peress li f'Ġunju li għadda l-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Country Report dwar l-andament soċjoekonomiku ta' Malta fejn fih qalet li jinħass nuqqas kbir ta’ ħaddiema f'Malta u l-ispariġġ fil-ħiliet huma sinifikanti fis-setturi kollha, jista’ l-Ministru jindika x’miżuri se jittieħdu sabiex dan jiġi indirizzat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3794, peress li ma tpoġġietx fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rikjesta, jista’ l-Ministru jqiegħed din il-korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali Mellieħa u Care Malta Ltd ( bejn Jannar 2019 u Novembru 2022) dwar it-Teatru Grieg li jinsab fi Ġnien il-Qigħan fil-Mellieħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’ghandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 3749.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3795 u jgħid meta ser jibda u jintemm ix-xogħol fuq l-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu jew ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar għall-periklu u l-inkonvenjent li qed joħloq lir-residenti s-sit abbandunat taż-żona ta’ fejn qabel kien hemm il-kumpless turistiku tal-Mistra Village fix-Xemxija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija numru 24344.