Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċimiterju tal-Addolorata — oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tal-oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u jekk hux se joħorġu oqbra għall-bejgħ fil-futur? Hemm xi policy tal-gvern għaċ-ċimiterji privati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-estenzjoni taċ-Ċimiterju Santa Maria Addolorata għadha fil-pjan li ssir. Meta t-twettieq tal-pjan ikun fi stadju fejn l-oqbra jkunu lesti biex jiġu allokati, dawn jitqassmu f’ordni kronoloġika lil dawk li għandhom applikazzjoni pendenti reġistrata fuq il-waiting list għal xiri ta’ qabar . Dwar il-policy tal-Gvern għaċ-ċimiterji privati ninforma li d-Direttoratt għas-Saħħa Ambjentali jikkonsidra kull talba li tikkonċerna tali ċimiterji fid-dawl tar-regolamenti u l-liġijiet dwar id-dfin u ċimiterji.

Lane to Valletta only — Kju ta' karozzi

Question

Peress li jidher li l-lane to Valletta only, Furjana mhux talli mhix qed isservi l-iskop iżda qed joħloq kju ta' karozzi li qatt ma rajna qabel, jista' l-Ministru jikkunsidra li din titneħħa u terġa' tiġi bħal qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar il-post li qed jistaqsi dwaru.

San Ġiljan — Ta' Giorni - rotta ġdida tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid, wara li tħabbru r-rotot il-ġodda, kif se jiġu servuti n-nies ta' Ta' Giorni, San Ġiljan, li qabel kellhom ix-xarabank numru 42?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Ta' Giorni hu servut b'rotta 24 li tmur il-Belt Valletta u minn rotta 110 li tmur Fleur de Lys f'direzzjoni waħda u lejn il-Ferries tas-Sliema fid-direzzjoni l-opposta.

Tas-Sliema — tnaqqis ta' postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqsu postijiet ta' parkeġġ ġo Tas-Sliema f' dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm se jerġgħu jonqsu fis-sitt xhur li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li konsegwenza tal-ftuħ tal-mina ta' Tigne tneħħew 26 parkeġġ. Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet kollha relatati mal-infrastruttura tal-bus lane, b'kollox se jkunu tneħħew 20 spazju ieħor. Rigward il-bqija tal-parkeġġ f'Tas-Sliema nirreferi lill-Onor Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru jew Ministeri kkonċernati.

Griza — Triq Luqa Briffa

Question

Jista' l-Ministru jara li Transport Malta tikkunsidra li parti minn Triq Luqa Briffa, il-parti ta' wara Muscat Showrooms & Garage, fejn bħalissa hija two way tiġi one way bħal Triq Nazju Ellul? Jista' l-Ministru jara li fuq il-parti l-oħra ta' Triq Luqa Briffa, kantuniera ma' Triq Giacintu, fejn it-triq hija qisha wiċċ il-qamar b'tappieri kbar maħruġin 'il fuq u b'periklu kbir għal min jgħaddi minnha, tingħata wiċċ b'tarmak?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-30 ta’ Novembru, 1999 il-Kunsill Lokali tal-Gżira kien issottometta talba sabiex it-triq imsemmija ssir one way. Fit-3 ta’ Jannar 2000, kienet ġiet approvata sistema ta’ one way li tinkludi Triq Luqa Briffa, il-parti ta’ wara ‘Muscat showrooms’. Minn spezzjoni li saret fuq il-post jidher li l-one way fil-parti tat-triq msemmija ma ġietx implimentata hekk kif kien approvat. Infurmat ukoll li Transport Malta ser tinforma lill-Kunsill Lokali tal-Gżira biex jirratifika in-nuqqas eżistenti. Fir-rigward għat-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta kienet diġa bdiet il-proċess ta’ bini tal-imsemmija triq, iżda peress li kien hemm żvilupp ta’ bini sostanzjali, x-xogħolijiet twaqqfu biex ma ssirx ħsara fuq il-wiċċ tat-triq. Tranport Malta ser tagħmel spezzjoni biex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni.

Sliema — Bisazza Street - Security guard mal-monument għall-artisti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27510, ġaladarba issa hemm konferma tas-security guards, jista' l-Ministru jinfurmani kemm hi l-ispiża ta' dawn is-security guards u minn liema fondi huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-servizz ta’ security jingħata mill-impjegati tal-Ministeru, iżda fid-dawl ta’ numru ta’ proġetti li tlestew riċentement u oħrajn li għaddejjin, il-Ministeru ġieli juża s-servizz ta’ security privati biex jikkumplimenta s-servizz li jingħata mill-ħaddiema tal-Ministeru fid-diversi proġetti mxerrda madwar Malta. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħlas lis-security li huma impjegati tal-Ministeru jsir skont is-salarji tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u li bħas-soltu jitħallas mill-vot tas-Salarji filwaqt li l-ispiża għas-servizz ta’ sigurta’ temporanju pprovdut minn kumpanija privata hija ta’ €5.85 fis-siegħa (eskluża l-VAT), liema spiża qed tittieħed mill-vot rilevanti li jismu ‘Contracted Services’.

Arriva — Bisazza Street

Question

Ġaladarba nafu li l-Arriva se jitħallsu għax ngħalqet Bisazza Street, jista' l-Ministru jgħid kemm hu dan il-kumpens? Meta se jitħallas? Minn liema fond dawn il-flus tħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tiddiskuti ma’ Arriva Malta Ltd numru ta’ reviżjonijiet ta’ rotot, li fosthom jinkludu s-servizzi li mhux qed jgħaddu minn Triq Bisazza. Wara li jiġu konklużi dawn id-diskussjonijiet, jekk jirriżulta li jridu jsiru xi ħlasijiet għal dawn ir-reviżjonijiet, isir aġġustament fil-pagament annwali li jingħata lill-Arriva Malta Ltd., hekk kif jiġi approvat fl-estimi tal-baġit.

Tas-Sliema — bus ċirkulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni li twaqqfet il-bus ċirkulari li kienet isservi lis-Slimiżi? Min ħa din id-deċiżjoni? Jekk kienet konnessa mal-Arriva, x'sostitut għandhom in-nies ta' Tas-Sliema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali kollha kienu nfurmati li s-servizzi regolari provduti mill-Kunsilli Lokali ma jistgħux jiġu provduti aktar peress li l-kuntratt bejn Arriva Malta Ltd u Transport Malta huwa esklussiv għas-servizzi regolari kollha, u dan skont kif jipprovdu r-Regolamenti dwar is-Servizzi tat-Trasport ta’ Passiġġieri. Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport f’diversi okkażjonijiet kienu stiednu lill-Kunsilli Lokali kollha, inkluż il-Kunsill ta’ Tas-Sliema, sabiex jipprovdu is-suġġerimenti u/jew kummenti tagħhom rigward in- network ġdid, liema kummenti ġew ikkunsidrati meta ġie finaliżżat in- network . L-ebda kummenti ma ġew ipprovduti għal rotta 116 liema rotta tipprovdi servizz fil-lokalità ta’ Tas-Sliema. Transport Malta flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Infrastruttura jinsabu f’diskussjonijiet rigward ir-rotta 116 mal-Kunsill Lokali Tas-Sliema bil-għan li dan is-servizz jiġi mtejjeb kemm jista' jkun.

Tas-Sliema — Bisazza Street - kumpens

Question

Issa li ġie stabilit il-prinċipju ta' kumpens minħabba l-għeluq għal dejjem ta' Bisazza Street, jista' l-Ministru jinforma kemm se jkun ilaħħaq dan il-kumpens lill-Arriva? Minn liema awtorità se jinħareġ u minn liema fond se jitħallsu, jekk dawn għadhom ma tħallsux?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27626.

Prijorità ta' housing lil persuni b'diżabilità

Question

Peress li kien hemm dikjarazzjoni li se jkun hemm prijorità ta' housing lin-nies b'diżabilità, tista' l-Ministru tinforma jekk sarx xi ħaġa konkreta s'issa f'dan ir-rigward?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtortita’ tad-Djar tirriserva l-appartamenti fi pjan terren u appartmenti b’lift strettament għall-persuni b’diżabilita’. Qegħda tingħata priorita’ fl-installar ta’ lifts ġewwa blokki tal-Gvern fejn jgħixu persuni b’diżabilita’. Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tistudja l-iskema għall-irranġar ta’ djar ta’ persuni b’diżabilita’ sabiex itejjeb din l-iskemi biex tkun aktar ta’ benefiċċju għal min jagħmel użu minnha.

Imsida — xogħlijiet f'Triq Princess Margaret

Question

Jista' l-Ministru jinforma min qed jiffinanzja Triq Princess Margaret fl-Imsida? Kien hemm xi talba mill-kunsill ta' Ta' Xbiex, ġaladarba din it-triq prinċipali tkompli fuq żewġ kunsilli? Jekk fl-affermattiv, għaliex mhux se jkompli x-xogħol għal ġewwa Ta' Xbiex biex tkun kompluta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tiffinanzja x-xogħlijiet fl-imsemmija triq fin-naħa ta' l-Imsida filwaqt li se toħroġ sejħa għax-xogħlijiet fin-naħa ta' Ta' Xbiex biex b'hekk din it-triq tkun kompluta.

Sliema — Bisazza Street - Security guard mal-monumenti għal artisti

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hux minnu li hemm security guard 24/7 mal-monument għal artisti ġewwa Bisazza Street, Sliema? Jekk fl-affermattiv, kemm qed jiswew kuljum u minn liema fond ħerġin dawn il-flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-prassi addottata li għal żmien wara li jitlestew proġetti min dan il-Ministeru titħalla preżenża ta’ membri tas-security impjegati tal-istess Ministeru. F’dan il-każ partikolari l-pjan kien li jkun hemm security mhux biss biex jissalvagwardja l-street furniture u l-monument iżda wkoll biex jgħin li tindara is-sistema ta’ pedestrianisation.

Swieqi — Triq Josef Calleja - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma meta se ssir Triq Josef Calleja ġewwa s-Swieqi? Kemm se tiswa din it-triq lill-Gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq din it-triq għandhom jinbdew fl-aħħar ta' din is-sena u l-istejjem ta' dawn ix-xogħlijiet qegħdin jinħadmu.

Imsida — xogħlijiet f'Triq Princess Margaret

Question

Jista' l-Ministru jinforma min qed jiffinanzja Triq Princess Margaret fl-Imsida? Kien hemm xi talba mill-kunsill ta' Ta' Xbiex, ġaladarba din it-triq prinċipali tkompli fuq żewġ kunsilli? Jekk fl-affermattiv, għaliex mhux se jkompli ix-xogħol għal ġewwa Ta' Xbiex. biex tkun kompluta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Sliema — Savoy/ Rue D'Argens - Rotot tat-Trasport Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jinforma dwar ir-raġuni li r-rotot lejn is-Savoy/Rue D'Argens ma baqgħux jaqdu r-residenti iżjed, inkluż u mhux biss, biex tmur l-Isptar Mater Dei?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti ta’ Rue d’Argens se jkunu moqdija permezz tar-rotta ċirkolari numru 116 li tieqaf Sliema Ferry. Minn Sliema Ferry jistgħu jieħdu rotot 11, 12 u 13 kull għaxar minuti fid-direzzjoni lejn il-Belt. Minn Sliema Ferry hemm ukoll jew rotta 116 kull nofs siegħa li twassalhom Mater Dei jew inkella rotta 22 kull għaxar minuti

Sliema — Triq Markiżi Zimmerman Barbaro - parking mir-residenti biss

Question

Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tikkonsidra li fi Triq Markiżi Zimmerman Barbaro, Tas-Sliema li hija cul de sac, isir parking mir-residenti biss, minħabba li karozzi minn kullimkien qegħdin jimblukkaw il-ħruġ/dħul ta' karozzi tar-residenti u l-garaxxijiet tagħhom minħabba li hemm nuqqas kbir ta' parking spaces?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija diġà hija approvata bħala parti minn skema ta' parkeġġ kkontrollat hekk kif huwa indikat fl-Avviż Legali 200 tal-2009.

Awtorità tal-Housing — każi ta' diżabilità

Question

In vista li l-Awtorità tal-Housing se tagħti importanza lill-każi ta' diżabilità, tista' l-Ministru tagħti każ tal-file number li dettalji dwaru qed jintbagħtu seperatament, minħabba l-kundizzjoni ta' nuqqas ta' dawl tal-persuna konċernata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta in kwestjoni ġiet allokata post ġdid tal-gvern ġewwa l-Msida fl-2006. Applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar it-18 ta’ Mejju, 2011. Hija għandha bżonn post bi tlett ikmamar tas-sodda isfel minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħitha. L-Awtorità tad-Djar qiegħda tipprova tiddentifika exchange jew inkella post adattat għal din l-applikanta fil-lokalitajiet preferuti tagħha.

chauffeur driven car hire — użu mill-bus lane

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-kumpanija Arriva qed titlob li l-chauffeur driven car hire liċenzjati, ikunu esklużi mill-bus lanes? Jekk hu veru, ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa att kontra min għandu dan ix-xoghol u qed jiġi mkasbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Arriva qatt ma talbet li l-vetturi liċenzjati biex jinkrew bħala vetturi għall-kiri bix-xufier ikunu esklużi milli jagħmlu użu mill-bus lanes. Id-deċiżjoni li vetturi ta’ dan it-tip ma jistgħux jagħmlu użu mill- bus lanes ittieħdet minn Transport Malta wara li din evalwat l-elementi kollha li għandhom jiġu kkunsidrati dwar liema vetturi tat-trasport pubbliku għandhom jitħallew jagħmlu użu mill- bus lanes ; kif isir f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja, fosthom ir-Renju Unit, li inċidentalment ukoll ma jippermettix vetturi għall-kiri milli jagħmlu użu mill- bus lanes . Fid-deċiżjoni tagħha ta’ liema vetturi jistgħu jagħmlu użu mill- bus lanes , l-awtorità fost l-oħrajn, ikkunsidrat l-impatt li dawn jista’ jkollhom fuq: l-effiċjenza tas-servizz tat-trasport pubbliku; l-immaniġġjar tat-traffiku; u l-impatt fuq il-bidla meħtieġa mill-użu ta’ trasport privat għall-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku. Din id-deċiżjoni la hi att kontra min għandu dan it-tip ta’ xogħol u lanqas hija ntenzjonata biex tkasbar; iżda pjuttost għandha l-għan li tħajjar użu aktar tas-servizz tat-trasport pubbliku, għaliex jaf li dan se jkun moqdi aħjar minħabba li se jkollu priorità fuq it-traffiku normali.

Tas-Sliema — Traffic Impact Assessment - resident parking zone

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26741, jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għamlitx Traffic Impact Assesment fil-każ tal-għeluq ta' Bisazza Street? Jista' jinforma f'liema stadju waslet ir-resident parking zone f'Tas-Sliema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru studji fejn ġew evalwati skemi differenti għas-sistema tat-trasport fl-istess triq. Hemm żoni speċifiċi f'Tas-Sliema fejn il-kunsill lokali kien applika għall-introduzzjoni ta' Residential Parking Scheme. Hemm partijiet sostanzjali għal tali skema li kienu ġew approvati minn Transport Malta iżda dawn għadhom ma ġewx implimentati mill-kunsill lokali.

Sliema — Bisazza Street - trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il bus, kuljum, se tibda tgħaddi minn Bisazza Street, Sliema? It-triq tista' tissaporti tali traffiku? Dan jagħmel xi tip ta' ħsara lill-pavimentar il-ġdid? Minn x'ħin se jibdew jgħaddu dawn il-buses u x'ħin se jieqfu?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-gvern iddeċieda f'Mejju 2011 li l-karozzi tal-linja ma' jgħaddux minn Triq Bisazza u fil-preżent qed isiru diskussjonijiet biex din id-deċiżjoni tkun implimentata mill-aktar fis.