Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCC – spejjeż u infieq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu u qegħdin l-ispejjeż u infiq tal-Mediterranean Conference Centre għas-snin 2018, 2019, 2020 u fl-ewwel 6 xhur tal-2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn is-snin Dar il-Mediterran wettqet proġetti kapitali kbar u ta’ importanza nazzjonali, uħud minnhom bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea. Sar titjib fis-servizzi li jingħataw lill-industrija tal-Arti u Kultura filwaqt li nħolqu niċeċ ġodda bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku . L-għan aħħari kien li l-binja storika tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, titjieb l-aċċessibilita’ u tkun tista’ titgawda aktar mill-pubbliku in ġenerali. Dawn il-proġetti ilhom li nbdew mill-2015 imma l-maġġoranza tagħhom tlestew matul dawn l-aħħar sentejn. Proġetti oħrajn għadhom għaddejjin u mistennija jitlestew sas-sena d-dieħla. Uħud minn dawn il-proġetti li twettqu u tlestew fis-snin imsemmija jinkludu: · proġett innovattiv ta’ sistema tal-arja kundizzjonata sostenibbli fis-sala Repubblika bil-għan li jiżdiedu l-ispazji xierqa għas-settur tal-MICE sabiex Malta tkun id-destinazzjoni tal-għażla tagħhom kif ukoll għall-qasam tal-Arti u Kultura u l-pubbliku in ġenerali; · restawr ta’ sala magħrufa bħala Tank Room fi spazju ġdid storiku mgħammar bl-aħħar teknoloġija, bl-għan prinċipali li tiżdied l-aċċessibilita’ għall-binjiet storiċi u jitjieb il-qliegħ taċ-Ċentru, liema qliegħ jerġa’ jintefaq f’investiment u preservazzjoni tal-binja; · twettaq il-proġett tal-Grand Harbour Terrace li joffri spazju eċċellenti fl-arja aperta li minnu tista’ titgawda veduta mill-isbaħ li tagħti fuq il-Port il-Kbir. Dan il-proġett qed jiġġenera interess qawwi minn bosta setturi ; · sar restawr tal-kappella ewlenija li tinstab fiċ-Ċentru liema binja tmur lura għas-seklu sittax. Dan sar bl-għan ewlieni li jiġi mħares il-wirt kulturali dinji u jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjoni tal-futur; · sar immodernizzar tal-makkinarju tal-arja kundizzjonata ta’ bosta swali sabiex jitnaqqas il-konsum u fl-istess waqt tneħħa l-inkonvenjenza għall-ġirien; · tnehida proġett marbut mal-kunċett “Reliving the Sacra Infermeria” li jikkonsisti f’installazzjoni ta’ sistema ta’ teknoloġija avvanzata magħrufa bħala Holographic Technology u Augmented Reality, li toffri esperjenza virtwali għall-viżitaturi li permezz tagħha jgawdu l-istorja unika taċ-Ċentru u ta’ Malta tul il-milja taż-żmien; · sar xogħol estensiv ta’ manutenzjoni u tisbiħ fis-sala Repubblika u l-madwar, fosthom tibdil ta’ dwal, restawr tal-gallariji tal-ġebel, restawr tat-tapizzeriji, titjib fid-dressing rooms u oħrajn, bl-intenzjoni li jitjiebu dejjem iżjed is-servizzi li jingħataw; · inxtara bosta tagħmir u makkinarju modern ieħor sabiex jiffaċilita’ l-attivitajiet tal-Catering; · ġie mniedi sit (website) li jixraq aktar id-dehra l-ġdida taċ-Ċentru u li hu aktar addattat għaż-żminijiet tal-lum; · saret manutenzjoni estensiva fuq it-travi kollha taċ-Ċentru fosthom dawk tal-injam, xogħol illi sfortunatament kellu jsir diversi snin ilu imma baqa’ ma sarx. B’hekk l-ispiża sabiex dawn setgħu jiġu ippreservati, kienet ferm akbar; · inbidlu numru ta’ kontrabejtijiet li sfortunatament minħabba illi ma sar l-ebda tip ta’ manutenzjoni matul is-snin ta’ qabel, ix-xogħol fuqhom kellu jitwettaq mill-ġdid; · sar xogħol siewi fuq is-sistema sħiħa tad-drenaġġ biex din tkun tista tilqa’ aħjar għad-domanda; · sar u qiegħed isir xogħol fuq strutturi ta’ natura perikoluża f’uħud mill-partijiet taċ-Ċentru qabel dawn jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku. Xogħol illi sfortunatament kellu jitwettaq minħabba n-nuqqas ta’ moniteraġġ mistħoqq matul is-snin ta’ qabel; · sar u qiegħed isir xogħol ta’ immodernizzar tas-sit okkupat minn ŻFIN Malta kif ukoll dak okkupat mill-kuntratturi tal-Catering; · qed isir xogħol ta’ immodernizzar tat-toilets pubbliċi kollha taċ-Ċentru; · sar tibdil u restawr estensiv fuq numru sostanzjali ta’ aperturi tal-injam. Aħna kommessi illi nkomplu ninvestu f’dan il-ġojjell biex inħalluh fi stat aqwa milli sibnieh għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-ispejjeż u l-infiq li saru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għas-snin imsemmija huma s-segwenti: · 2018 - € 2,930,323 · 2019 - € 3,189,227 · 2020 - € 6,517,250 · 2021 - € 1,434,436 (l-ewwel 6 xhur). Dan fid-dawl li l-MCC dejjem ikollha finanzi pożittivi.

Irranġar ta’ lift ta’ binja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21289, fejn il-Ministru rrisponda li l-lift f’din il-blokka ser jieħu ħsiebha, peress li sal-lum ma sar xejn, jista’ l-Ministru jgħid ir-residenti kemm ser idumu jistennew?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjonijiet li saru irriżulta li trid titwettaq tiswija fis-sistema tad-drenaġġ ta’ 8 blokok sabiex jitwaqqaf id-dħul ta’ ilma fil-lift pit ta’ din il-blokka. It-tiswijiet bdew jitwettqu u ser ikunu lesti mill-iktar fis possibbli.

Triq il-Kosta — sinjali tat-traffiku li juru li ġejjin il-kameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sinjali tat-traffiku li juru li ġejjin 3 kameras fi Triq tul il-Kosta, huma mpoġġiha tant ‘il bogħod, li qed ifixklu s-sewwieq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-limitu tal-veloċità huwa regolat bil-liġi u s-sewwieqa dejjem huma fid-dmir li jirrispettaw tali limitu indikat mit-tabelli u ma jaqbżux il-limitu stabbilit. It-tabelli li jindikaw li ġejjin il-kameras jiġu nstallati bħal avviż addizzjonali biex is-sewwieqa jkunu nfurmati minn qabel bl-infurzar li jkun fis-seħħ permezz tal-kameras matul it-triq.

Triq Reġjonali u l-bridge — modi biex residenti jkollhom il-kwiet f'darhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’modi hemm biex ir-residenti f’Triq Reġjonali u fejn il-bridge jkollhom il-kwiet f’darhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nifhmu li qed jirreferi għal flyover tal-Kappara minħabba Ii kien hemm xi residenti li resqu għand Transport Malta b’ilmenti simili. Meta saru x-xogħolijiet tal- flyovers (2016 – 2017) kienu ittieħdu numru ta’ miżuri għar-raġuni li wieħed jifhem li dawn ir-residenzi qiegħdin qrib ta’ Triq Arterja. Dawn il-miżuri kienu jinkludu: - Sound barriers fuq il-bridge - U xogħol f’uħud mir-residenzi l-iktar affetwati bħal double glazing u żieda fl-għoli tal-ħitan ta’ barra. Għaldaqstant wieħed jifhem li l-miżuri diġa iitieħdu waqt ix-xoghlijiet.

San Ġwann – każ ta’ inkwilin

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21845, peress li hemm ċertu flat fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn jidher li l-inkwilin għamel tip ta’ swimming pool u saħansitra poġġa washing machine fix-shaft għal inkonvenjenza tan-nies, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex regolati u jistgħux isiru? Jekk le, x’passi se jittieħdu?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-PQ21770.

Gżira u Ta’ Xbiex – pjanijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21676 u għall-pjanijiet li hemm mal-Kosta tal Gżira u Ta’ Xbiex lis-site plan tagħhom qed tingħata separatament u peress li jidher li huma pilotati minn Transport Malta fost oħrajn, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsens jew oġġezjoni mill- kunsilli lokali ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-site plan tindika l-iżvilupp tal-Gzira Marina,l-kosta u l-ġnien tal-Gzira. Rigward dan hemm qbil u kunsens mill-Kunsill Lokali tal-Gzira. Dawn il-pjanijiet ser isiru sabiex ikun hemm tisbiħ tal-infrastruttura, bandli, siġar u pjanti biex jitgawda mill-pubbliku f’ambjent li jixraq dawn l-inħawi.
Leg 13 PQ #21826 Sitting 480 2021-06-28 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Bridge Loans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn anzjani li għandhom proprjetà u flus f’bank (isem tal-bank qed jingħata separatament) ma jistgħux jieħdu bridge loan, biex jistgħu jixtru proprjetà sakemm ibiegħu proprjetà oħra? Jista’ jgħid ukoll jekk bridge loans spiċċawx?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bank imsemmi hu kumpanija privata u għalhekk m’għandix mezz kif inkun naf ir-risposta għad-domanda li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.

San Ġwann – każ ta’ inkwilin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21770 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li hemm ċertu flat fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn jidher li l inkwilin għamel tip ta’ swimming pool u saħansitra poġġa washing machine fix-shaft għal inkonvenjenza tan-nies, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex regolati u jistgħux isiru? Jekk le, x’passi se jittieħdu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant, sabiex jgħaddilna d-dettalji speċifiċi tal-imsemmi flat.

Sussidju — każ ta' persuna

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21786, peress li l-persuna diġà marret darbtejn il-customer care u baqgħet mingħajr tweġiba, jista' l-ministru jara l-każ peress li jidher li hemm xi diżgwid? Jista' jara li jibda jingħata s-sussidju meħtieġ?

Response (GALDES, RODERICK)

M’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-PQ21786.

San Ġwann – każ ta’ inkwilin

Question

Peress li hemm ċertu flat fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn jidher li l inkwilin għamel tip ta’ swimming pool u saħansitra poġġa washing machine fix-shaft għal inkonvenjenza tan-nies, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex regolati u jistgħux isiru? Jekk le, x’passi se jittieħdu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar spezzjonat il-blokk imsemmi u sabet li hemm possibilita’ ta’ xi rregolaritajiet fiż-żona tal-parkeġġ ta’ din il-blokka li ma jippartjenux lill-Awtorità tad-Djar imma lill-Awtorità tal-Artijiet. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddilna d-dettalji tal- flat li qed jirreferi għalih sabiex inkunu nistgħu nikkonfermaw li qed nirreferu għall-istess appartament.

Sussidju – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li jidher li hemm xi diżgwid? Jista’ jara li jibda jingħata s-sussidju meħtieġ?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li d-dħul totali tal-persuna msemmija jeċċedi l-ammont stipulat fl-iskema. Ikun aħjar li din il-persuna tagħmel appuntament mal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex tiġi murija eżatt kif ġie ikkalkulat id-dħul tagħha.

Blue sticker applications

Question

Peress li l-każjiet tal-virus naqsu u peress li l-viżti għal blue sticker applications kienu twaqqfu, tista' l-Ministru tgħid meta se jerġgħu jibdew peress li hemm nies li ma jistgħux joħorġu minn djarhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-appuntamenti mediċi marbuta mal-ksib tal-Blue Badge li twaqqfu minħabba l-Pandemija COVID-19 reġgħu bdew fit-2 ta' Ottubru 2020.

Tas-Sliema – Xatt ta’ Spinola

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21619, peress li jidher li mhux qed isir skont ir-risposta li ta l-Ministru, jista’ l-Ministru jara li l-ħtiġijiet tal-post ikunu indirizzati u minn post żdingat jerġa’ jieħu l-post li jixraqlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li sussegwentament għar-risposta li ngħatat, din i¿-¿ona frekwentament qiegħda tiġi mnaddfa u jitneħħa kull struttura u vettura li jkunu tħallew hemmhekk b’mod abbu¿iv. It-tindif huwa fir-responsabiltà tad-Divi¿joni tal-Cleansing u l-Maintenance. Il-kontroll isir ukoll permezz ta’ CCTV u issa bl-installazzjoni ta’ sistema ta’ barriers li joperaw permezz ta’ cards. Il-Kunsill i¿omm wkoll kuntatt frekwenti mas-sajjieda u d-dilettanti li għandhom l-irmiġġ f’din il-bajja u ġew installati wkoll pjanti, bankijiet u bins.

Fortina – Balluta Bay

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u/jew xi entità oħra governattiva biddlet xi kundizzjonijiet fil-permess tal-Fortina fejn jikkonċerna l-famuża Balluta Bay? Jista’ jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li tista’ tibdel? Għaliex lil wieħed biss? Għalfejn dan kollu sar bil-moħbi? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx preċedent li xogħlijiet jistgħu jsiru anke fis-sajf?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-Bajja tal-Balluta huma suġġetti għall-permess EP1108/21. Dan il-permess kien jistipula, fost l-oħrajn, li x-xogħlijiet isiru f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Maniġġar tal-Kwalità tal-Ilma Tajjeb għall-Għawm (L.S. 465.09) li joħorġu mill-Att dwar is-Saħħa Pubblika (Kap. 465). It-twaqqif tax-xogħlijiet min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sar minħabba li dawn kienu qed isiru fl-istaġun tal-għawm kif definit fl-istess regolamenti. Jirriżulta li, wara li twaqqfu x-xogħlijiet, l-applikant issottometta applikazzjoni għall-Varjazzjoni tal-Permess li kienet tinkludi clearance mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali sabiex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jitkomplew. Kien f’dan il-kuntest li ġiet approvata bidla fil-kundizzjonijiet tal-permess. Dan kollu sar skont il-proċeduri stabbiliti tal-Awtorità u ma kien hemm l-ebda ħabi.

Gżira u Ta’ Xbiex – pjanijiet

Question

B’referenza għall-pjanijiet li hemm mal-Kosta tal Gżira u Ta’ Xbiex, u peress li jidher li huma pilotati minn Transport Malta fost oħrajn, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsens jew oġġezjoni mill- kunsilli lokali ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika billi jipprovdilna pjan tas-sit fejn jindika ż-żona u s-sit speċifiku u jgħidilna eżattament għalxiex qed jirreferi.

Is-Swieqi – Triq Mensija – ilma fil-garaxxijiet u djar

Question

Peress li residenti fi Triq Mensija fis-Swieqi qed jilmentaw li hemm ilma dieħel fil-garaxxijiet u fid-djar tagħhom u jidher li dan ġej minn leakages fi Triq Josef Calleja, tista’ l-Ministru tara li ssir verifika u jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex ma jkunx hemm inkonvenjent u ħela ta’ ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda lment mit-triq indikata.Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħdili iktar informazzjoni, sabiex l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tkun tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.

Pajjiżi li għandhom bżonn visa — arranġamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija 21427 li oriġinarjament sart lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li Malta poġġiet lil ċertu pajjiżi fuq green light, fosthom hemm xi pajjiżi li għandhom bżonn visa biex jidħlu, jista’ l-Ministru jgħid x’arranġamenti hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-ħtieġa ta' viża sabiex tiġi Malta hija regolata minn Regulation (EU) 2018/1806. Persuni li qegħdin fuq listi maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa u li ġejjin minn dawk il-pajjiżi li qegħdin elenkati f'annex 1 ta' dan ir-regolament għandhom bżonn viża.

Tas-Sliema — Triq Amery - periklu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21408 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-iżvilupp li qed isir fi Triq Amery f’Tas-Sliema, biswit il-flats li d-dettalji dwarhom ingħataw separatment, saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorità responsabbli mill-Bini u l-Kostruzzjoni, li anke waqqfet ix-xogħlijiet aktar minn darba sakemm saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa. Fost l-oħrajn dawn il-verifikazzjonijiet kienu jinkludu interazzjoni mal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit, biex tiġi żgurat li x-xogħlijiet ikunu konformi mad-dikjarazzjoni tal-metodu, u anke mal-Perit responsabbli, li ntalab jidentifika l-miżuri li ttieħdu kontra danni għal terzi persuni. F’dawk li huma responsabbiltajiet, il-liġijiet pertinenti jgħabbu lill-Perit li jħejji d-dikjarazzjoni tal-metodu bir-responsabbiltà professjonali, filwaqt li l-infurzar tat-tali dikjarazzjoni huwa fir-responsabbiltà tal-Uffiċjal Tekniku fuq is-sit. Min-naħa tiegħu il-kuntrattur huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri li tipprovdi għalihom id-dikjarazzjoni tal-metodu.

San Ġiljan – Xatt ta’ Spinola

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21462 li saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, 21463 li saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u 21464 li saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè B’referenza għar-ritratti li jinsabu annessi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fix-Xatt ta’ Spinola, San Ġiljan, fejn biswit hemm lukandi ta’ 4 u 5 stilel, inħallu nġenji sbieħ, kkuluriti u Maltin, minflok dawk li qed jidhru fir-ritratti, biex il-post ikun ta’ kwalità kif mixtieq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li f’din iż-żona hemm by-law tal-Kunsill biex tikkontrolla l-aċċess. Bħalissa hemm CCTV camera kontrollata mill-LESA u qed isir wkoll installazzjoni ta’ barriers sabiex ikun hemm sorveljanza aħjar għall-aċċess. Din iż-żona kostantement tiġi mnaddfa u jitneħħa kull ingombru fosthom inġenji abbandunati.

Tas-Sliema — Triq Amery - periklu

Question

Jista’ l-Ministru jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.