Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bus Stops

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bus stops f’Malta u f’Għawdex? Kemm hemm bus stops mingħajr bus shelter u jista’ jgħid meta se jkunu kompluti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li f’Malta u Ghawdex hawn total ta’ 2,051 bus stops. Madwar 25% ta’ dawn il-bus stops għandhom bus shelter. Rigward il-programm tat-twaħħil ta’ bus shelters ġodda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Malta u Għawdex – Sodod reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod reġistrati f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm bla liċenzja? Kemm hemm applikazzjonijiet ġodda? Jista’ jgħid jekk hux se jitwaqqfu applikazzjonijiet ġodda?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 66,132 sodod reġistrati – 56,257 ġewwa Malta u 9,875 f’Għawdex. Bħalissa hemm applikazzjonijiet għal 4,566 sodod ġodda. Ma huwiex possibbli li wieħed jagħti figura ta’ postijiet bla liċenzja, pero’ meta jinstabu postijiet li qegħdin joperaw bla liċenzja dawn jiġu mmultati minnufih filwaqt li jintalbu jirregolaw l-operat tagħhom mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.

MTA – financial committment mas-Salesjani

Question

Ġaladarba issa ħarġet li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) kienet għamlet committment ta’ flus mas-Salesjani, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi din il-financial committment u għal kemm snin? Jista’ jgħid x’ġid se tieħu Malta, kemm se jkun hemm żieda fit-turisti li ġejjin Malta u kemm se jkun l-infiq żejjed minn dawn it-turisti żejda?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont statistika tal-World Tourism Organisation, in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż tiġġenera madwar 300 miljun turist fis-sena. Din hija niċċa li l-MTA flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra qiegħda tiżviluppa bħala parti mill-istrateġija ta’ diversifikazzjoni tas-swieq u niċeċ tagħha. Fost il-pajjiżi ewlenin li jiġġeneraw turiżmu reliġjuż insibu l-Istati Uniti, pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Italja. In-niċċa tat-turiżmu reliġjuż jew tal-fidi, għandha l-potenzjal li tiżviluppa bl-istess mod li fil-passat żviluppajna niċeċ oħra bħat-tagħlim ta’ Ingliż. Il-Ministeru, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ikkommettew ruħhom li jgħinu biex tiġi żviluppata l-Faith Tourism Product for Salesians, liema committment huwa għal ħames snin.

Cameras fuq traffic lights

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 909 jista' l-Ministru jgħid f'liema parti ta' Malta hemm cameras viċin tat-traffic lights? Jista’ jgħid ukoll għaliex m'hemmx sinjali ta' dawn il cameras? Jista' jgħid jekk is-sewwieq għandux ikun jaf li hemm dawn il-cameras?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn kull camera installata u li hija attiva hemm it-tabelli neċessarji kollha li jinfurmaw lill-pubbliku inġenerali.

San Ġwann – Berġa — ftuħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti indikazzjoni meta l-Berġa ta’ San Ġwann ser terġa’ tinfetaħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li beda program sħiħ ta’ rinovar u immodernizzar tal-bereġ sabiex is-servizz ta’ kura fil-livell primarju jkun jista’ jitressaq eqreb fil-kommunita’ kif ukoll jilħaq l-ogħla livelli u standards. Inbidel ukoll il-modus operandi ta’ kif jitħaddmu dawn il-kliniċi biex illum saru joffru servizzi multidixxiplinarji. Is-servizzi jinkludu s-servizzi tat-Tabib, il-Klinika mmexxija minn Nurse, il-Fi¿joterapija, il-Podjatrija, it-Teħid tad-demm u s-servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa mitkelma. Bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta’ San Gwann sabiex jinstab post alternattiv biex dawn is-servizzi msemmija hawn fuq ikunu jistgħu jgawdu minnhom ukoll ir-residenti ta’ San Gwann

Traffic Lights — cameras

Question

Peress li hawn ħafna traffic lights, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kull traffic light għandha camera fuqha? Jekk iva, kemm hawn madwar Malta u kemm Għawdex? Jekk mhux kullimkien, fejn huma dawn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li mhux kull traffic light għandha camera fuqha. Però f’ċertu postijiet hemm cameras viċin ta’ traffic lights għal raġunijiet ta’ traffic management

Baħar iċ-Ċagħaq – Asfaltar ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il triq residenzjali ġiet irranġata f’Baħar iċ-Ċagħaq? Xi ħsieb hemm li jsiru aktar toroq? Xi ħsieb hemm fuq dak il-pipe li għaddej minn taħt residenzi li faqqa’ dar minn taħt? Peress li l-kunsill għamel ħafna ilmenti, jista’ jgħid fejn waslu dawn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Noise Pollution

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23763, peress li din hi kwistjoni ta# ħsejjes li ma jħallux bniedem jgħix fil-kwiet, jista' l-Ministru jara l-każ imsemmi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m' għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parmamentari 23763.

Noise pollution

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-Dipartiment konċernat jivverifika d-decibels ta’ ħsejjes li qed jaslu għand dar f’San Ġiljan li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li din il-materja hija ta’ natura privata u ma tikkonċernax il-Ministeru tiegħi.

Konvenji ta’ oqbra

Question

Jista’ Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm konvenji ta' oqbra li jagħlqu fl-aħħar ta' Jananr 2022? Jista' jgħid jekk dan il-ftehim ma’ bosta huwiex ser jinżamm? Jista' jgħid kemm hemm konvenji għall-oqbra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2021, sa issa diġa saru 1347 kuntratti ta' oqbra.

Postijiet kumerċjali – prezz tal-fuel

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li minn Ottubru/Novembru 2021 il-postijiet kummerċjali inkluż lukandi li jużaw il-fuel, se jkollhom iħallsu €0.8c iżjed għal kull litru? Peress li l-Prim Ministru u l-Ministri qalu li l-Gvern mhux se jgħaddi piżijiet bħal dawn, tista’ tgħid x’se jsir fil-verità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jkunx involut fi ftehim privat li jsir f’dan ir-rigward bejn negozji u entitajiet kummerċjali privati. Għaldaqstant it-termini, prezzijiet u kondizzjonijiet jiġu negozjati direttament u esklussivament bejn il-partijiet involuti.

Joint Office — Każ

Question

Jista’ l-Ministru jsegwi l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenża għall-mistoqsija Parlamentari Nu. 23576, l-applikazzjoni inkwistjoni qieghda tigi processata u l-applikanta ghandha tigi nfurmata bl-ezodu ta’ din l-applikazjioni.

Tas-Sliema – Triq il-Kurunell Savona — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jibdew ix-xogħlijiet fuq Triq il-Kurunell Savona f’Tas-Sliema peress li din tinsab fi stat diżastruż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Tas-Sliema diġà saru toroq prinċipali bħalma huma Triq Arturo Mercieca, Triq Santa Elena u Triq Manwel Dimech, waqt li hemm toroq oħrajn diġà ppjanati biex jibdew xogħlijiet fihom fiż-żmien li ġej. Dawn jinkludu t-triq indikata li x-xogħol fiha huwa skedat li jibda kmieni s-sena d-dieħla, wara l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Swieqi — Triq it-Tiben - sleeping policeman

Question

Jista’ l-Ministru jara li jerġgħu jitpoġġew is-sleeping policeman fl-istess post fejn kienu qabel ma nqalgħu? Peress li din hija triq ġdida fejn l-ilma jaqleb kollu għal naħa waħda, jista’ jara li dan il-qlib u l-culverts jitranġaw biex l-ilma jidħol ġol-culverts?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid numru ta’ toroq residenzjali fil-lokalità tas-Swieqi li jinkludu Triq il-Ġiebja, Triq il-Kejla, Triq it-Tiben, Triq it-Tomna, Triq ir-Ratal, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq tal-Franċiż u Triq il-Markiż Scicluna. It-triq indikata hija waħda mit-toroq li nbnew mill-ġdid aktar kmieni din is-sena u qabel ma sarilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt, fiha saru xogħlijiet ta’ sistemi ġodda taħt l-art għad-drenaġġ, servizzi tal-ilma u telekomunikazzjoni, kif ukoll inbnew bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Barra minn hekk, Infrastructure Malta għamlet sistema ġdida għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita peress li din it-triq kien ilha snin twal bi problemi tal-għargħar. Din is-sistema se tkompli tittejjeb meta fiż-żmien li ġej tingħaqad ma’ sistema ġdida li qed issir anke fi Triq Sant’ Andrija fl-istess inhawi. It-twaħħil tal-ispeed bumps ukoll diġà huwa kuntrattat biex isir fiż-żmien li ġej. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Is-Swieqi — Poliklinika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir poliklinika fis-Swieqi, biex isservi għal-lokalitajiet tal-madwar peress li l-klinika tal-G¿ira qed isservi għal wisq nies?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Klinika kurrenti tal-Gżira nfetħet fuq bażi temporanja sakemm jitlesta x-xogħol ta’ rinovar u immodernizzar fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, li x-xogħol fuqu jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Is-Swieqi – Triq Mikiel Anton Vassalli – sound barriers

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitpoġġew sound barriers bejn it-Triq Mikiel Anton Vassalli biswit triq il-Marbat is-Swieqi, triq li tidħol għas-Swieqi li għandhom bżonn sound barriers u double glazing u dawn id-djar għandom bżonn għaliex qegħdin fi triq arterja busy ħafna? Jista’ jara li l-balavostri mat-triq jinbidlu ukoll?

Response (BORG, IAN)

Il-Gvern għaddej bit-twettiq ta’ pjan fit-tul sabiex itejjeb l-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, wara li kienu tħallew fi stat ta’ telqa u bla ebda investiment serju mill-amministrazzjonijiet preċedenti. Kull fejn Infrastructure qed twettaq proġetti ta’ titjib ta’ toroq arterjali mhux qed tqis biss l-effiċjenza fl-ivvjaġġar, is-sigurezza fit-triq għal dawk li jużaw it-triq u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju kkawżat mill-konġestjoni. Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kull triq arterjali f’pajjiżna tifforma wkoll parti mill-ambjent tar-residenti li jgħixu viċin. Għalhekk, Infrastructure Malta qed tippjana toroq ġodda li jkollhom inqas impatt fuq l-ambjent ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu madwarhom. Fost oħrajn, fit-toroq arterjali qed tintroduċi aktar spazji b’siġar u pjanti, aktar bankini u korsiji għar-roti, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u punti ta’ qsim pedonali aktar siguri. Fejn ikun teknikament possibbli, l-aġenzija qed toħloq ukoll diżlivelli bejn toroq arterjali u toroq residenzjali biswithom, bħal ma sar f’uħud mit-toroq ġodda ta’ Central Link Project, biex jonqos it-tniġġis tal-istorbu kif ukoll l-impatt viżiv. Permezz ta’ l-akbar inċentivi li qatt ingħataw għall-karozzi elettriċi f’pajjiżna, u permezz tal-infurzar tar-regolamenti dwar it-testijiet u ċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi, il-Gvern qed jaħdem ukoll biex jixpruna l-qalba għal karozzi li jħammġu inqas u jagħmlu inqas storbju. Minnhom infushom, dawn l-inizzjattivi u miżuri ambjentali ser ikomplu jnaqqsu l-impatt tas-settur tat-trasport fuq iż-żoni residenzjali kollha f’Malta u Għawdex. Permezz ta’ proġetti aktar fit-tul, fosthom l-inċentivi għas-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn u d-diskussjoni nazzjonali biex nippjanaw sistemi ta’ vvjaġġar tal-massa, qed inkomplu naħdmu biex innaqqsu d-dipendenza fuq il-karozzi privati, għal aktar sostenibilità u ambjent aħjar. It-triq indikata tinsab fil-pjanijiet infrastrutturali tal-Gvern għas-snin li ġejjin, bħala parti minn proġett estensiv għar-rotta ewlenija bejn Triq il-Kosta u l-Mini Ta’ Ġiorni, fis-Swieqi, Pembroke, Paceville u San Ġiljan. Dan il-proġett ser jibni mill-ġdid ukoll il-junctions ewlenin f’din ir-rotta, li m’għadhomx ilaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar fl-inħawi u jeħtieġ jitjiebu biex ikunu aktar siguri u effiċjenti. Permezz ta’ dan il-proġett, li għadu fi stadju ta’ disinn u ppjanar, ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet ukoll ser igawdu minn toroq ta’ kwalità ogħla, b’aktar faċilitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, inqas storbju mill-konġestjoni, u arja aktar nadifa. B’hekk, parti oħra mis-sistema tat-toroq ta’ pajjiżna li tħalliet mitluqa għal għexieren ta’ snin, ser tinbidel f’infrastruttura ta’ kwalità ogħla u aktar sostenibbli wkoll.

Vintage Cars – eżenzjoni minn VRT Test

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk vintage cars li għandhom ‘il fuq minn 100 sena u li jintużaw għal shows biss, jistgħux ikunu eżenti minn VRT test?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li r-Regolamenti dwar Testijiet biex jiċċertifikaw li vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (L.S. 65.15) ma jħallux lok għal eżenzjoni mit-test ta’ affidabilità stradali fuq vetturi li jintużaw fit-triq, irrispettivament minn kemm dawk il-vetturi jintu¿aw fit-triq jew mill-età tagħhom. Ninsab infurmat ukoll illi fit-test ta’ affidabilità stradali li jsir fuq vetturi klassifikati bħala Vintage u li għandhom liċenzja biex jinstaqu fit-triq jittieħdu nkonsiderazzjoni l-epoka u t-teknoloġija li kienet teżisti fiż-żmien li dawk il-vetturi kienu ġew mibnija, iżda fl-istess ħin jiġi żgurat illi l-komponenti kollha relatati mas-sigurtà fit-triq ta’ dawk il-vetturi jkunu f’kundizzjoni tajba ta’ tħaddim.

Uffiċċju Konġunt — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali jaħdmu fl-Uffiċċju Konġunt? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom li huma professjonisti bħal nutara, avukati u periti, biex jassistu lill-Uffiċċju fl-eluf ta’ każi mill-1991 ‘l hawn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju Konġunt — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienet is-sena fejn in-numru ta’ uffiċjali kien l-iktar għoli u f’liema sena kien l-iżjed baxx?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.