B’referenza għall- impjant tan-New Water fiż-żona taċ-Ċumnija li ġie varat f’Mejju li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’kien u x’inhu r-rispons tal-applikanti u jekk hux qed ikun hemm konsum tal-prodott? X’inhuma l-pjani għall-ġejjieni rigward il-proġett tan-New Water?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel impjant li ġie varat huwa l-impjant taċ-Ċumnija li jinsab fit-Tramuntana ta’ Malta. Il-Ħlas għal dan is-servizz se jingħata fil-futur qarib meta jkun varat il-proġett. Il-parti l-kbira ta’ dan l-ilma hu mistenni li jkun intużat mill-agrikultura.
Wara l-inawgurazzjoni tal-impjant taċ-Ċumnija, jmiss l-inawgurazzjoni tal-impjant fin-nofsinhar ta’ Malta li huwa ppjanat fil-futur qarib. Dan jiġi segwit bl-impjant t’Għawdex.
Apparti dan bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem fuq applikazzjoni għal fondi tal-Unjoni Ewropeja sabiex takwista fondi biex isiru networks ta’ distribuzzjoni ta’ dan l-ilma f’lokalitajiet fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Malta u kif ukoll Għawdex. B’hekk tikber il-kapaċita tad-distribuzzjoni li tkun addattata biex tqassam is-seba miljun metru kubu li ser jiġu prodotti.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ħela ta’ ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward ħela ta’ ilma, kemm hu stmat il-leakage u kif jitqabbel ma’ pajjiżi oħrajn jew fuq livelli internazzjonali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma huwa riżorsa mportanti ħafna, għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tieħu l-ħela tal-ilma b’serjeta kbira. Din il-Korporazzjoni għandha sistemi avvanzati li jindikaw fejn ikun hemm ħsarat u timplementa proċeduri effiċjenti sabiex titwaqqaf din il-ħela. L-Infrastructure Leakage Index (ILI), li huwa ndikatur internazzjonali li biħ jitkejjlu l-ħsarat, illum jaqra ‘’2’’. Dan huwa kkunsidrat bħala fost l-aqwa fid-dinja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel fir-rigward ta’ manteniment tas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ u kif qed jassigura li d-drenaġġ ma jikkontaminax bajjiet u/jew xtut Maltin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha programm estensiv ta’ moniteraġġ u manteniment preventiv speċjalment fl-inħawi tax-xtajta. Riżultati min kampjuni li jittieħdu kull gimgħa juru li l-kwalita’ tal-baħar hija eċċellenti fl-akwati kollha għal dawn l-aħħar sittax –il ġimgħa konsekuttivi. Dan juri li l-attenzjoni li qed tagħti l-Korporazzjoni hija adekwata u sodisfaċenti.
Intrapriżi li bbenefikaw mill-Iskema Business Development and Continuity
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-Iskema Business Development and Continuity, bejn is-sena 2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2016, 31 intrapiżi ibbenefikat taħt l-iskema tal-Business Development and Continuity.
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – ħruġ ta’ multi amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu multi amministrattivi fl-2016 mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għal kontravenzjonijiet tar-regolamenti relatati? Kemm kien l-ammont dovut u l-ammont miġbur mill-Awtorità? X’inhuma r-raġunijiet li teżisti diskrepanza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li matul is-sena 2016, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet 361 multi amministrattivi. L-ammont dovut kien ta’ €142,600 filwaqt li l-ammont miġbur kien ta’ €131,400.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-differenza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur hija attribwita għal diversi fatturi, fosthom li numru ta’ multi jkunu appellati fil-Qorti. F’dawn il-każi, u meta l-Qorti tikkonferma l-multa, il-ħlas ma jsirx lill-OHSA iżda jinġabar bħala multa pekunarja li tkun imposta mill-Qorti.
Barra minn hekk, persuna ntimata biex tħallas multa tkun tista titlob li tħallas il-multa bin-nifs. Għaldaqstant, dan jista' jwassal biex parti mill-multa titħallas is-sena ta’ wara.
Każijiet ta’ korrimenti u fatalitajiet fuq postijiet tax-xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-rati ta’ korrimenti u fatalitajiet f’postijiet tax-xogħol, sena b’sena bejn l-2013 u l-2016? Liema kienu s-setturi assoċjati mal-ogħla rati ta’ korrimenti?
Response (DALLI, HELENA)
L-informazzjoni mitluba hija skont it-tabella mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Tabella_PQ 1267_Kazijiet ta' korrimenti u fatalitajiet fuq postijiet ta' xoghol.doc
Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – tneħħija ta’ materjal li jkun fih l-asbestos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċeviet notifiki l-OHSA matul l-2016 għat-tneħħija ta’ materjal li jkun jinkludi l-asbestos? F’kemm-il każ minnhom inħarġet awtorizzazzjoni biex jitneħħa l-materjal perikoluż? Tista’ wkoll tgħid x’passi ħadet l-OHSA biex ikun hawn aktar informazzjoni dwar l-obbligi legali f’dawn is-sitwazzjonijiet, b’mod partikolari biex ikunu protetti l-ħaddiema?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li matul is-sena 2016, l-OHSA rċeviet 30 notifika li kien ser jitneħħa l-asbestos f’siti differenti. Inħarġet awtoriżazzjoni fil-każijiet kollha wara li kienet eżaminata d-dokumentazzjoni sottomessa, li fost affarijiet oħrajn tkun tinkludi l-pjan tax-xogħol dwar kif ikun ser jitneħħa l-asbestos, il-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni għall-ħaddiema, it-taħriġ li jkunu rċevew il-ħaddiema, u r-rapporti ta’ eżamijiet ta’ sorveljanza medika. Apparti l-iskrutinju tad-dokumentazzjoni li tirċievi l-OHSA, l-Uffiċċjali għas-saħħa u s-sigurtà jispezzjonaw il-proġetti ta’ tneħħija tal-asbestos meta tkun inħarġet l-awtoriżazzjani biex isir dan ix-xogħol.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm matul iż-żmien inħarġu diversi linji gwida dwar it-tneħħija ta’ l-asbestos, matul l-2016, l-OHSA ħadmet biex tikkonsolidahom f’dokument wieħed, li jkun jinkludi wkoll l-iktar informazzjoni teknika riċenti u aġġornata dwar is-suġġett, biex ikun faċilitat il-proċess ta’ osservanza tar-regolamenti.
NGOs, kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern li akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il NGO, kunsill lokali u entità tal-Gvern irnexxielhom jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC bejn l-2008 u llum? Kemm kien l-ammont totali ta’ fondi li bbenefikaw minnhom?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bejn is-sena 2008 sal-lum kien hemm 193 NGO li bbenefikaw minn total ta’ €9,812,015 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea; 119 Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn total ta’ €13,574,000 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u 29 Entitajiet tal-Gvern li bbenefikaw minn total ta’ €11,834,306 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
It-total ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li bbenefikaw minnhom NGOs, Kunsilli Lokali u Entitajiet tal-Gvern bl-assistenza tal-MEUSAC jammonta għal €35,220,321.