Kunsill Malti għall-Arti – għajnuna lill-artisti u l-professjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jgħin lill-artisti u l-professjonisti biex ikomplu jikbru fil-qasam? Jista’ jispeċifika wkoll xi programmi għaddejjin bil-għan li jagħmlu dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti għandu strateġija bl-isem ta’ Create 2020 li permezz tagħha qed jimplimenta 70 azzjoni sas-sena 2020 li qed jgħinu lis-setturi kulturali u kreattivi jikbru aktar fuq livell artistiku u professjonali. Fost dawn il-miżuri insibu 10 programmi ta’ fondi pubbliċi li permezz tagħhom artisti u organizazzjonijiet kulturali jistgħu jaċċessaw matul i-sena. Dawn ivarjaw skond it-tip ta’ proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom – minn parteċipazzjoni fuq pjattaformi internazzjonali sa ħolqien ta’ proġetti innovattivi. Il-Programmi huma dawn
1. Malta Arts Fund
2. Kreattiv
3. Cultural Export Fund
4. Kultura TV
5. Il-Premju tal-President għall-Kreattivita
6. Professional Development Grants
7. Creative Industries Platform
8. Cultural Partnership Agreement
9. Malta Digital Games Fund
10. Gozo Cultural Support Programme
Il-Kunsill Malti għall-Arti jmexxi wkoll numru ta’ inizjattivi bħal inċentivi fiskali kif ukoll joffri programmi ta’ taħriġ li jgħinu lill-artisti jiżviluppaw aktar ħiliet intraprenditorjali. Il-programm ta’ riċerka tal-Kunsill Malta għall-Arti tkompli ssaħħaħ iil-kapacita’ tal-Kunsill li joħloq aktar programmi bbażati fuq analiżi ta’ riċerka biex is-settur jibqa jiġi żviluppat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex bil-għan li jżidu l-potenzjal tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin saru numru ta’ proġetti li taw spinta lit-teatru fil-komunita’. Dawn jinkludu l-fondi pubbliċi mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti li permezz tagħhom ġew ffinanzjati numru ta’ proġetti artistiċi fil-komunita’ kif ukoll numru ta’ festivals bħal Żigu Żajg u l-Malta International Arts Festivals u organizazzjonijiet pubbliċi kulturali bħal Fondazzjoni Valletta 2018 li ppreżentaw numru ta’ proġetti teatrali mal-komunita’ u għall-komunita’.
Sar ukoll proġett estensiv bejn il-Kunsill Malti għall-Arti, Valletta 2018 u l-Universita’ ta’ Malta biex jiddokumenta aktar minn ħamsin spazju teatrali fejn l-maġġoranza tagħhom hu taħt is-sieda tal-komunita’. Dan l-istudju serva bħala bażi għal miżuri biex dawn l-ispazji jkunu jistgħu jintu¿aw aktar għall-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet. Dawn il-miżuri mħabbra wkoll fil-Manifest Elettorali ser jiġu żviluppati fix-xhur li ġejjin.
Proġett ieħor hu Teatru Malta, mwaqqaf mill-Kunsill Malti għall-Arti biex jinvesti direttament fi produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Dan ser isir permezz ta’ programm iffinanzjat mill-aġenzija LESA u li mill-2018 ser joffri numru ta’ produzzjonijiet f’numri ta’ teatri tal-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li żaru l-wirja tas-sejf storiku ta’ La Valette, waqt l-esebizzjoni li kien hawn fostna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-wirja tas-sejf tal-Gran Mastru de Valette kienet miftuha bejn it-18 ta’ Marzu u t-8 ta’ Settembru 2017. F’dan il-perjodu kien hemm total ta’ 47,870 persuna li żaru l-wirja. Din hija żieda ta’ 16,125 persuna li żaru dan is-sit fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nfetħu wirjiet kulturali bla ħlas għall-pubbliku, sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Kemm-il persuna żaret dawn il-wirjiet, preferibbilment maqsuma bejn Maltin u barranin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura (Ġunju 2017) sa llum kien hemm żewg okkażjonijiet meta l-pubbliku kien mistieden iżur mużewijiet jew wirjiet mingħajr l-ebda tip ta’ ħlas. Dawn kienu:
8 ta’ Settembru: Wirja tas-sejf ta’ de Valette fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeologija, li għaliha attendew 5450 persuna. Fis-7 ta’ Settembru sar ukoll lecture dwar is-sejf li għalih attendew madwar 200 ruħ.
13 ta’ Settembru: Ftuħ mingħajr ħlas (filgħaxija) tal-wirja permanenti tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’ Iermu fl-okkazjoni tal-75 anniversarju mill-għoti tal-George Cross, li għaliha attendew 416 persuna.
Barra minn hekk kien hemm żewg okkażjoniiet oħra meta l-pubbliku seta jżur mużewijiet u siti għal prezz ridott ħafna ta’ €2. Dawn kienu:
15 ta’ Awwissu: Muzewijiet taċ-Ċittadella, meta attendew 956 persuna.
8 ta’ Settembru: Forti Sant’ Anglu, meta attendew 2000 persuna
Għad ta’ gruppi lokali wkoll jistgħu iżuru l-mużewijiet u s-siti għal prezz imraħħas ta’ €1.
Din l-istatistika ma tinkludix il-viżti tat-tfal tal-iskejjel, li huma dejjem bla ħlas, kemm jekk jiġu waqt viżta formali organizzata mill-iskola (madwar 40,000 fis-sena) kif ukoll jekk jużaw l-iskema ta’ dħul mingħajr ħlas permezz ta’ card speċjali u li Heritage Malta nediet is-sena l-oħra.
Ma teżistix statistika li tagħmel differenza bejn Maltin u barranin, madanakollu nistgħu ngħidu b’ċertezza li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jgawdu minn dawn l-okkażjonijiet ikunu Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf il-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-vittmi/qraba ta’ vittmi li fittxew l-għajnuna mill-istess Victim Support Unit u x’tip ta’ informazzjoni ngħatatilhom f’dan il-perjodu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ġie mwaqqaf f'Jannar 2017. Infurmat illi minn Jannar sa Awwissu 2017, ġew assistiti mitejn u sebgħa u erbgħin (247) persuna, li jinkludu kemm vittmi kif ukoll qraba ta' vittmi. L-għajnuna li ngħatat lill-vittmi tinkludi, sapport emozzjonali immedjat lill-vittmi ta’ kriminalità jew lill-qraba tagħhom li jkunu għadhom kif għaddew minn trawma, referrals għal servizzi t'appoġġ jew xi tip ta' għajnuna oħra barra mill-korp, kif ukoll informazzjoni u follow-ups fuq il-każijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jagħti l-istatistika ta’ kif kienu r-riżultati tal-credit ratings għal pajjiżna mill-2008 sa Ġunju 2017? Jista’ jispjega wkoll x’benefiċċji niksbu bħala pajjiż u x’benefiċċji tikseb l-ekonomija tagħna, meta aġenziji ta’ kreditu internazzjonali konsistentement jgħollu r-rating lil Malta, kif ġara dan l-aħħar?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward it-tieni parti, credit rating tajjeb jagħti kredibbilta' ekonomika u finanzjarja lil pajjiżna u jsaħħaħ il-fiduċja u t-twemmin tal-investituri lokali u barranin f'pajjiżna. Dan jassigura u jsaħħaħ l-istabbilta' ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż u jkompli jsaħħaħ l-ambjent meħtieġ għal aktar tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika dwar kemm inqabdu każijiet ta’ kuntrabandu ta’ sigaretti, xorb u affarijiet oħrajn, fl-aħħar għaxar snin, sena b’sena? X’kien il-valur tas-sisa u d-dazju mitluf, sena b’sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Direttorat għat-Tindif lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u San Ġiljan – għajnuna finanzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-għajnuna, f’termini finanzjarji, li ngħatat s’issa mid-Direttorat għat-Tindif lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u San Ġiljan (inkluż Paceville) matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena diġa’ ingħatat għajnuna ta’ €215,900 lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Minn naħa l-oħra l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ingħata għajnuna ta’ €249,158.
Din l-għajnuna kienet u għada tikkonsisti fi ġbir ta’ skart, tindif ta’ toroq, ħasil tal-promenade u żoni pedonali, ġbir ta’ annimali mejta, kif ukoll każijiet ta’ emerġenza li jiġu rrapurtati lid-Direttorat.
Bajjiet li bbenefikaw minn installazzjonijiet ta’ għamara ġdida tal-bajjiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet li matul is-sajf ibbenefikaw minn installazzjonijiet ta’ għamara ġdida tal-bajjiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dan is-sajf saret ħidma sabiex jinbidlu s-slielem u railings li hawn fuq il-bajjiet tagħna.
Nista ngħid li kull bajja ibbenefikat minn xi tip ta infrastruttura ġdida. Saret ħidma estensiva fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiz fejn saru diversi railings hekk kif imwiegħed fil-programm elettorali li jingħata aċċess aħjar għall-bajjiet ta pajjiżna. Għandna ħafna pjanijiet li rridu inwettqu, pero, fl-immedjat ħassejna li għandna nagħmlu kambjamenti żgħar li n-nies japprezzaw ħafna. Għandna iktar minn 300 sellum imwaħħlin kif ukoll mal-270 railing li prattikament huma kollha ġodda.
Direttorat għat-Tindif — Skart miġbur minn postijiet pubbliċi, bajjiet, toroq arterjali u distributorji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ skart li nġabar matul din is-sena, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, minn postijiet pubbliċi, bajjiet, toroq arterjali u distributorji f’ħidma mid-Direttorat għat-Tindif? L-ammont kif jitqabbel mas-snin preċedenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel seba’ xhur ta din is-sena inġabru 12,700 tunellata ta’ skart.
Ikkumparat mas-snin preċedenti din ser tfisser f’żieda ta 35% għall-istess perjodu tas-sena preċedenti.
Għajnuna lill-kunsilli lokali għall-immaniġġar aħjar tal-indafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tingħata l-aktar għajnuna possibbli lill-kunsilli lokali biex jimmaniġġaw aħjar l-indafa fil-lokalitajiet rispettivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Ċentrali kommess li jgħin finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jwettqu dejjem aħjar id-doveri tagħhom relatati mal-indafa. Dan primarjament isir permezz tal-allokazzjoni finanzjarja. Il-parti tal-allokazzjoni finanzjarja ta’ din is-sena, intiża għal dan, żdiedet b’€1,629,855 fuq is-sena 2016.
Qed jiġu wkoll ippjanati diversi inizzjattivi oħrajn għal matul l-2018 kif ukoll qed issir ħidma bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Ministru responsabbli mill-Ambjent sabiex jiġi implimentat pjan strateġiku dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi li għandhom Trade Licence f’Malta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħtieġa ta liċenzi għal operaturi li huma premises based bħal ħwienet u fabbriki tneħħiet fl 2016. In-numru ta’ operaturi li mhumiex premises based bħal street hawker u market hawkers li għandhom trading licence huma 2824.
Miżuri Pro-business li jħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija
Question
Jista’ l-Ministru jfisser il-mod kif l-attitudni pro-business tal-Gvern ħalliet impatt pożittiv fuq l-ekonomija ta’ Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Mill-ewwel jiem ta’ l-aħħar amministrazzjoni l-Gvern wera impenn qawwi favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkattir tal-ġid permezz ta’ attitudni pro business li biha ħajjar u ffaċilita investiment serju bis-saħħa ta’ mizuri pozittivi li kienu u għadhom jikkontribixxu lejn l-izvilupp tal-ekonomija tagħna. Il-promozzjoni kontinwa ta’ pajji¿na bħala ċentru li jilqa’ l-investiment jibqa’ dejjem għan ewlieni wara din l-attitudni.
F’dan is-sens, aspett importanti hu li nkomplu nsaħħu bla heda l-kompetittività internazzjonali tagħna fil-qasam tal-investiment flimkien mal-mod professjonali u serju u d-determinazzjoni li nuru fl-evalwazzjoni ta’ proposti għall-investiment f’pajjizna u l-ħeffa li biha nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Nafu sew kemm min ikun qed jikkunsidra li jinvesti f’Malta japprezza din l-attitudni pro-attiva li permezz tagħha nixprunaw u nħaffu l-pass tal-investiment waqt li nwittu t-triq u ngħinu lil dawk l-investituri li jressqu proposti li jkunu
feasible
u jħallu
return
ġust waqt li jżidu l-attività ekonomika fil-pajjiż.
It-tnaqqis tal-burokrazija, is-simplifikazzjoni, it-tħaddim ta’ politika favur intraprizi żgħar u medji u inkuraġġiment lin-negozji tal-familja wkoll għandhom sehem importanti fl-attitudni pro business ta’ dan il-Gvern.
Fl-istess hin din l-attitudni qed nikkumplimentawha b’investimenti qawwija f’oqsma bħalma huma l-enerġija, it-toroq, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-turiżmu kif ukoll taħriġ biex min irid jinvesti f’pajjizna jsib madwaru ambjent li tassew jippromwovi, jħajjar u jistimola l-investiment.
Dan l-impenn favur inkuraġġiment pozittiv lil investiment serju kellu, u se jkompli jagħti, sehem qawwi biex nattiraw aktar investiment ġdid minn diversi pajjiżi kif ġa għamilna f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs f’oqsma bħall-edukazzjoni, turizmu mediku, hub reġjonali, manifattura u setturi oħra li flimkien jikkontribiwxxu lejn il-ħolqien ta’ aktar ġid permezz ta’ valur mizjud qawwi u xogħol u impiegi għal mijiet kbar ta’ ħaddiema tagħna.
Peress li dan l-aħħar qed naraw spinta qawwija fejn għandu x’jaqsam mal-brand tal-kumpanija Enemed, kemm bħala marketing u kemm mal-inġenji u l-pompi tal-petrol li jbigħu l-prodotti tagħha, jista’ l-Ministru jispjega l-eżerċizzju li qed isir biex jinbidlu t-trakkijiet u għalxiex kien meħtieġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemed ħasset il-bżonn li tibdel il-flotta kollha tat-trakkijiet li jġorru l-fjuwils lil pompi tal-petrol primarjament għal żewġ raġunijiet:
L-ewwel raġuni hi li l-flotta li wirtet mill-Enemalta kellha aktar minn għoxrin sena u fil-fatt il-kumpanija kienet qed tonfoq ħafna flus f’manutenzjoni.
It-tieni raġuni hi li peress li l-pompi kollha ta’ Malta u Għawdex iridu jiġu “
upgraded
” għal
standards
Ewropej, it-trakkijiet eżistenti ma humiex attrezzati għal ‘
bottom loading
”.
Għalkemm dan l-investiment suppost kellu jsir ħafna snin ilu, l-istat finanzjarju li kienet fiħ l-Enemalta ma ppermettiex li jintnefqu l-flus, tant, li l-Enemalta lanqas biss biddlet il-
logo
l-antik tagħha għal wieħed ġdid li addottat fid-disgħinijiet.
Il-Bord tad-diretturi, mill-ewwel ġurnata li l-Enemed saret kumpanija ħa deċizjoni li jibdel il-flotta kollha fuq medda ta’ tlett snin u jwaqqaf il-kuntrattur li kellha magħha. Filfatt il-flotta żiditha minn ħdax-il trakk għal tlettax, u s’issa biddlet sebgħa (7) mill-ħdax –il trakk oriġinali u żewġt iżwiemel mill-erbgħa trakkijiet antiki li għad baqgħa. Dan ix-xahar jagħlaq it-
tender
għax-xiri ta’ żewġ tankijiet tal-ġarr ġodda sabiex is-sena d-dieħla tkun wettqet il-pjan li tbiddel kollox.
L-ispiża kapitali hi stmata li se tleħħaq il-€1,500,000 u s’issa diġa nefqet €1,014,349.
B’dan it-tibdil, l-Enemed se tkun qed iżżid l-effiċjenza fl-operat tagħha u s-servizz lejn il-klijenti u fl-istess ħin tkun qegħda iżżid is-sigurta fuq it-toroq filwaqt li tnaqqas mit-tniġġiż peress li t-trakkijiet kollha huma aktar moderni.