Legislature:
Category:
Reset
Active:

Network Ewropew tal-Gass — diskussjonijiet

Question

Fl-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex l-ebda stat membru ma jkun iżolat min-network Ewropew tal-gass, tista’ l-Ministru tagħti aktar informazzjoni dwar x’qed jagħmel il-Gvern Malti biex imexxi ’l quddiem din il-politika maqbula fil-livell Ewropew u biex iwettaq dak li hu mistenni mill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem sabiex jinbena pipeline tal-gass bejn Malta u Gela, ġewwa Sqallija, li mistenni jitlesta sa sena 2024. Dan l-proġett mistenni jiswa madwar €320 miljun u ser ikun intitolat għall-fondi Ewropej wara li dan qed ikun ikkunsidrat bħala progett ta’ interess komuni għall-Ewropa. Il-Gvern jara dan il-proġett bħala pass importanti ħafna għall-izvilupp u t-titjib tal-infrastruttura ta’ pajjizna. Il-Gvern Malti beda jaħdem fuq il-proċess hekk kif applika formalment għall-permessi kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja.

Riġenerazzjoni tal-Belt Valletta – Fondi Ewropej

Question

Peress li skont il-manifest elettorali tal-2017, li bih ġie elett il-Gvern, hemm madwar €24 miljun mill-Fondi Ewropej li se jintużaw għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kif se jintefqu dawn il-fondi u x’tip ta’ proġetti biħsiebu jwettaq il-Gvern fil-parti t’isfel tal-Belt Valletta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-flus ser imorru għall-investiment infrastrutturali indirizzat lejn tlett oqsma: · fl-assi kulturali; · f’titjib fil-bini ta’ housing soċjali pubbliku; u, · fi spazji miftuħa għal komunita.

Ġonna tal-Argotti – xogħlijiet ta’ tisbiħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fix-xogħlijiet tat-tisbiħ fil-Ġonna tal-Argotti, u meta hu maħsub li dawn se jitlestew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ restawr tal-ħitan ta’ mad-dawra tal-ġnien, il-funtana tad-denfil, is-sur ta’ Notre Dame u s-sur ta’ San Filippu. Qed isir ukoll xogħol ta’ tisbiħ li jinkludi tqegħid ta’ pavimentar ġdid, tinbena latrina pubblika minnflok dik eżistenti, isiru sistemi ġodda ta’ dawl elettriku u sistema ta’ tisqija. Huwa maħsub li dawn ix-xogħlijiet jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Wara, jibda x-xogħol ta’ soft landscaping biex minn ġnien pubbliku jiġi trasformat fi ġnien botaniku.

Regolamenti tal-Kunsilli — aġġornament

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk ġiex iffaċċjat b’xi regolamenti tal-kunsilli li jeħtieġu aġġornamenti? Jekk fl-affermattiv liema huma b’mod speċifiku u x’għamel s’issa biex jindirizzahom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent u fil-qafas tar-riforma tal-Gvern Lokali qed isiru u se jsiru diversi rakkomandazzjonijiet għal tibdil jew emendi f’xi regolamenti tal-Kunsilli Lokali. Wara li sar eżerċizzju fejn ġew konsultati l-entitajiet konċernati, fosthom l-uffiċju tal-Awditur Ġenerali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali (Monitoraġġ u Sapport), nikkonferma li se jigu aġġornati diversi disposizzjonijiet.

Kunsilli Lokali — miri

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-miri tiegħu, li tressqu għall-Baġit li jmiss, b’konnessjoni diretta mal-kunsilli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għall-Baġit li jmiss jirreferu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar ir-Riforma tal-Gvern Lokali. B’mod partikolari hu mmirat li s-sena d-dieħla jibdew jiġu implimentati diveri miżuri għal titjib fl-operat tal-Gvern Lokali, fosthom: sabiex il-funzjoni tal-indafa pubblika u l-operat tal-iskart riċiklat mil-lokalitajiet ikunu aktar effiċjenti sabiex isiru l-manutenzjoni tat-toroq u l-marki u s-sinjali tat-toroq fil-lokalitjiet b’mod aktar effiċjenti u effettiv; · sabiex ikun hemm użu aħjar tal-ħaddiema assenjati mal-kunsilli lokali; · sabiex il-gwardjani lokali jiġu impjegati direttament mal-aġenzija LESA u jkun hemm maniġġjar tas-sistema tal-infurzar lokali aħjar; · titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-Segretarji Eżekuttivi u l-impjegati tal-kunsill; · miżuri li jkabbru l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini lokali fid-demokrazija lokali inkluż fit-tfassil tal-Pjan ta’ Ħidma tal-kunsilli lokali; · aktar fondi għal inizzjattivi edukattivi u kulturali; responsabbiltajiet speċifiċi lir-Reġjuni sabiex dawn ikunu qed joperaw tassew bħala Kumtati Reġjonali. Dan minbarra diversi miżuri oħra, bħal: · possibiltà li persuni li jgħalqu s-sittax -il sena jkunu jistgħu jikkontestaw l-Elezzjonijiet Ġenerali; · sabiex tiġi nkorraġġita l-attivita’ fiżika fost it-tfal u l-adulti fil-lokalitajiet, inkluż tagħrif dwar mod san tal-għajxien.
Leg 13 PQ #1613 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Belt – proġett ta’ tisbiħ fil-foss

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf f’liema stadju wasal il-proġett ta’ tisbiħ fil-foss fid-daħla tal-Belt, kif ukoll jekk dan il-proġett hux maħsub li jinkorpora t-tħawwil ta’ siġar u pjanti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li l-Proġett tal-Foss fid-daħla tal-Belt tlesta ħafna mix-xogħol relatat mas-servizzi u l-konkos tal-art biex wara jkun jista’ jitpoġġa l-madum. Għall-pavimentar qed jintużaw madwar 2500 metri kwadri ta’ ġebla tal-Qawwi ta’ Għawdex. Ser jinżergħu ukoll 42 siġra u 4400 pjanta, kolla indiġeni. Ta’ min wieħed isemmi li l-proġett ittardja xi ftit minħabba kumplikazzjonijiet fis-servizzi ta’ taħt l-art, sejbiet arkeoloġiċi u sigurta’ ta’ saħħa waqt ix-xogħlijiet.
Leg 13 PQ #1614 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Nefqa fuq il-proġett ta’ gallariji u aperturi fil-blokk residenzjali fid-daħla tal-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf kemm hu maħsub li jiswa l-proġett tal-galleriji u aperturi fil-blokk residenzjali fid-daħla tal-Belt?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-GHRC li l-proġett ta’ gallariji u aperturi fil-blokk residenzjali fid-daħla tal-Belt jinsab imqassam fuq erba’ toroq – Triq ir-Repubblika, Triq il-Papa Piju, Triq l-Ordinanza u Triq il-Kavalleiri. Il-proġett jinkludi 24 gallarija, 67 tieqa u 18-il bieb. In-nefqa hija mistennija li tiswa €225,725, dan wara li ħarġet sejħa kompetittiva/tender.
Leg 13 PQ #1615 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Meditteran għall-Konferenzi — irranġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex dan iċ-ċentru jsir aktar attrezzat u jaqdi aħjar lill-klijenti ta’ din l-entità? Jista’ jgħid fiex wasal il-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea f’Dar il-Mediterran?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat li f’dawn l- aħħar tlett snin, rajna tkabbir b’saħħtu u bla preċedent fid-domanda għas-servizzi li joffri Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Għal dan il-għan, iċ-Ċentru nieda programm ta’ investiment f’infrastruttura li jinkludi fost l-oħrajn: · Rinnovar ta’ żewġ swali (David Bruce u Vassalli) li jikkonsisti prinċipalment f’xiri ta’ apparat modern awdjo-viżiv li jintuża għas-suq tal-konferenzi; · Tibdil ta’ sala żdingata, f’żewġ studios għaż-żfin, mgħammra apposta għal dan il-għan, li qed taqdi l-komunita’ kulturali fosthom il-Kumpanija Nazzjonali taż-zfin magħrufa aħjar bħala Żfin Malta; · Restawr ta’ terazzin li jagħti fuq il-Port il-Kbir b’veduti mill-isbaħ; · Relokazzjoni tal-uffiċini sabiex minflokom setgħu jinħolqu aktar spazji li jaqdu s-suq tal-konferenzi l-kbar; Saru proġetti strutturali oħra, li ġew traskurati fl-imgħoddi b’konsegwenza ta’ telf ta’ bejgħ, fosthom : · Għall-ewwel darba ġiet installata, sistema ta’ arja kkundizzjonata fis-sala Sacra Infermeria, li sa ftit żmien ilu ma setgħatx tintuża għal żmien twil matul is-sena minkejja d-domanda kbira għaliha. Dan l-investiment qed isarraf f’domanda akbar u għalhekk fi qliegħ akbar għaċ-Ċentru minħabba tnaqqis f’infiq f’armar temporanju li kien ikollu jinkera mill-klijenti fix-xhur sħan u f’dawk kesħin. Xogħolijiet oħra kienu meħtieġa fis-seħħ għas-saħħa u s-sigurta’ fosthom · Installazzjoni ta’ sistema ta’ Fire detection u mmoderniżżar ta’ apparat tat-tifi tan-nar ; · Switchgear ġdid bil-għan liċ-Ċentru joffri servizz superjuri billi jipprovdi kurrent stabbli, load ta’ elettriku akbar, flessibilita’ u ħarsien minn inċidenti serja minħabba apparat qadim; · Restawr u preservazzjoni tas-saqaf storiku tal-injam tas-Sacra Infermeria li jgib madwar 400 mitt sena sabiex dan il-wirt imprezzabbli illum jista’ jitgawda mill-pubbliku in ġenerali. Dan il-proġett serva wkoll biex jitneħħa l-periklu minħabba l-qagħda li kien jinstab fih qabel ir-restawr. Fondi tal-Ewropa Mal-approvazzjoni tal-applikazzjoni, il-Management beda mill-ewwel jaħdem bis-sħiħ fuq l-implimentazzjoni. Saru laqgħet ta’ konsultazzjoni ma diversi entitajiet fosthom l-Awtorita’ tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kultural, l-UNESCO u l-KNPD sabiex niżguraw li kollox jimxi mar-regolamenti. Dawn taw l-approvazzjoni sabiex b’hekk seta’ jinbeda’ il-proġett. Xi tenders diga’ ġew aġġudikati u oħrajn qed jiġu ppubblikati. Ix-xogħolijiet strutturali mistennija li jibdew dalwaqt. Ser jinbeda ir-restawr tal-kappella tas-Sagrament u restawr ta’sala storika oħra li ma kienetx miftuħa għall-pubbliku. Din tal-aħħar ser tiġi armata b’apparat mill-aktar modern sabiex isservi għat-tkabbir tas-suq tal-konferenzi. Wara dawn mistennija jinbdew il-proġett tal-bejt li ser jinfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba, ir-restawr u l-preservazzjoni ta’ xelters, il-ftuħ għall-pubbliku ta’ sala oħra storika li tinstab taħt is-sala La Valette u installazzjoni ta’ mużew virtwali b’teknoloġija moderna liema bħalha li ser tieħu lill-viżitaturi lura fiż-żmien biex jesperjenzaw kif dan il-bini kien jintuża f’dawn l-450 sena ta’ storja.
Leg 13 PQ #1616 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Meditteran – problema ta’ storbju minn makkinarju antik

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qiegħda tiġi indirizzata l-problema ta’ storbju minn makkinarju antik f’Dar il-Mediterran bil-għan li ma jinħoloqx inkonvenjent żejjed lir-residenti tal-inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Is-sena l-oħra, il-Management ta’ Dar il-Meditteran nieda programm ta’ investiment f’immoderniżżar ta’ apparat antik li huwa sors ta’ ħsejjes u ineffiċenzja. Dan l-apparat jintuża għas-sistema tal-arja kkundizzjonata. S’issa diġà saret nefqa sostanzjali b’dan il-għan, f’installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ arja kkundizzjonata fis-Sacra Infermeria li titħaddem b’teknoloġija l-aktar moderna bl-anqas ħsejjes possibli. Din is-sena se tinbidel ukoll is-sisema tal-arja ikkundizzjonata tal-akbar sala, is-Sala Repubblika, li se telimina l-akbar sors ta’ inkonvenjent speċjalment lejn in-naħa ta’ Triq l-Isptar u Triq it-Tramuntana. Fil-futur qrib, ikun imiss l-installazzjoni tas-sala La Valette bil-għan li tkompli titjieb l-effiċjenza u tnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti tan-naħa ta’ Triq l-iBjar.

Programm Consul on the Move – ħruġ ta’ passaporti lil ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti lil ċittadini Maltin permezz tal-programm Consul on The Move minn Frar 2017 sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Programm Consul-on-the-Move jopera minn erba’ pajjiżi fejn Malta għandha Ambaxxata/Kummissjoni Għolja u/jew Konsolati Ġenerali.Il-pajjiżi fejn jitħaddem dan il-programm huma l-Awstralja,l-Amerika,il-Kanada u r-Renju Unit.Tajjeb wieħed iżid li mill-Awstralja,l-Kummisjoni Għolja Maltija f’Kanberra tkopri wkoll il-ħtiġijiet tal-Maltin li jgħixu f’New Zealand. Bejn l-1 ta’ Frar u l-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena mill-programm Consul-on-the-move inħarġu (117) passaport lill ċittadini Maltin.Dawn ħarġu kif ġej: · L-Awstralja – sitta u disgħin (96) passaport.Dawn inharġu kif ġej: f’Perth, Western Australia – sbatax-il passaport (17) fi Brisbane, Queensland – ħamsa w tletin passaport (35) f’Mackay,Queensland – sitt passaporti (6) f’Cairns,Queensland – sitt passaporti (6) f’Adelaide,South Australia – tmienja w għoxrin (28) passaport (Marzu 2017) f’Adelaide,South Australia – erba’ (4) passaporti (informazzjoni parzjali peress li l-aħħar żjara f’Adelaide saret f’Settembru 2017). · L-Amerika – tliet (3) passaporti ħargu kollha minn Michigan. · Il-Kanada – erbatax-il passaport (14).Dawn inħarġu kif ġej: f’Newfoundland – ħamsa (5) passaporti f’Nova Scotia – sitta (6) passaporti fi Quebec – tliet (3) passaporti. · Ir-Renju Unit – erba’ (4) passaporti f’Cardiff.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – impjegati li qed jagħmlu korsijiet fl-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu korsijiet fl-Università ta’ Malta jew universitajiet barranin? Liema huma l-korsijiet? X’inhu l-grad tal-impjegati involuti u jekk hux qed jingħataw xi forma ta’ għajnuna f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċittadini Maltin li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li bħalissa qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta? F’liema pajjiż jinsabu? Kemm minnhom qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat u kemm minnhom qegħdin iservu sentenzi ta’ ħabs?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm ħmistax (15)-il persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta.Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: Albanija (1), Awstralja (7), Brazil (1), Emirati Għarab Magħquda (1), Franza (1),Italja (1), Libja (1), Renju Unit (1), Tuneżija (1). Filwaqt li ħamsa (5) li jinsabu fl-Albanija, fil-Brazil,fi Franza, fir- Renju Unit u fit-Tunezija rispettivament qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs,it-tnejn (2) li hemm fil-Libja u l-Italja qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat,waqt li persuna (1) li hemm fl-Emirati Għarab Magħquda bħalissa qed tistenna li jitlestew proċeduri amministrattivi sabiex tiġi meħlusa.Mill-banda l-oħra mis-seba’ każijiet fl-Awstralja,sitta (6) minnhom ukoll qegħdin miżmuma f’detenzjoni u qed jistennew li każ tagħhom jiġi pproċessat,filwaqt li f’każ ieħor il-persuna (1) wara li skontat is-sentenza ta’ priġunerija mogħtija lilu,intbagħat ġo ċentru apposta fejn bħalissa qed jinżamm sakemm jitlestew l-arranġamenti ta’ deportazzjoni lura lejn Malta. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li din iċ- ċifra tikkorrispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.Għaldaqstant iċ-ċifra tista ma tirriflettix l-ammont kollu tal-persuni b’nazzjonalita’ Maltija li jinsabu f’ħabsijiet barra minn Malta.

Kunsilli Lokali – xogħlijiet biex jiffaċilitàw l-operat tal-Gvern Ċentrali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kunsilli jew gvernijiet lokali jaħdmu aħjar u b’hekk anke jiffaċilitaw l-operat tal-Gvern Ċentrali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ riforma li se jkun qed jagħti żvolta ġdida lill-operat tal-Kunsilli Lokali fir-rispett tal-awtonomija li jgawdu fit-twettiq tad-doveri tagħhom skont l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Fil-frattemp qed jittieħdu dawn il-miżuri ewlenin, fost oħrajn: - Aġġornament tal-proċeduri dwar ix-xiri (procurement)billi jinħarġu regolamenti ġodda u linji gwida. - Aġġornament tal-Istqarrijiet Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali biex ikun hemm modernizzar tal-preżentazzjoni tad-dħul u l-infiq - Direzzjoni lil Kunsilli Lokali li jinsabu b’defiċit u sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom skont ir-Regolamenti Finanzjarji - Ġbir ta’ statistika biex tiġi ppreparata strategija komuni biex il-Kunsilli Lokali jkollhom lokalitajiet iktar indaf - Taħriġfrekwenti lis-Segretarji Eżekuttivi dwar il-funzjonijiet tagħhom bħala Kapijiet Finanzjarji, Amministrattivi u Eżekuttivi; u - Assistenza mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali lill-Kunsilli Lokali f’kull qasam tal-operat tagħhom inkluż għajnuna fit-tħejjija tad-dokumenti tas-sejħiet tal-offerta.

Gvern Lokali — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk inbediex il-proċess imħabbar ta’ riforma tal-Gvern Lokali u, jekk iva, fejn wasal? Dan mistenni jwassal għal emendi fil-Liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess dwar ir-riforma tal-Gvern Lokali nbeda u hemm Kumitat ta’ Tmexxija mmexxi mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet wara li jsriu l-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa. Ir-riforma tal-Gvern Lokali ser twassal ukoll għal diversi emendi tal-liġi tal-Kunsilli lokali u leġislazzjoni oħra sussidjarja.

Kunsilli f’żoni turistiċi – ilmenti dwar imwejjed u siġġijiet

Question

Peress li diversi kunsilli, partikolarment dawk f’żoni turistiċi, jilmentaw dwar il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet li jinħarġu minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb u f’dan ir-rigward tkellem ukoll dan l-aħħar il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kwistjoni tkun indirizzata, anke, jekk hu l-każ, b’koordinament mal-Ministeru għat-Turiżmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja qed tiġi indirizzata fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Ta’ min isemmi li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ppreżentat rapport b’diversi proposti dwar materji li l-istess Assoċjazzjoni tqishom bħala prijoritajiet fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Fost dawn il-proposti hemm dawk dwar it-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb. Diġà nbdew it-taħdtiet mal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha konċernati u l-kunsilli lokali ser ikunu qed jagħtu s-sehem attiv tagħhom dwar policies dwar dan għar-rigward tal-lokalitajiet tagħhom.

Korp tal-Pulizija — Victim Support Unit – programmi televiżivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Victim Support Unit jipparteċipax fi programmi televiżivi u/jew radjufoniċi? Jekk iva, x’kienet din il-parteċipazzjoni fix-xhur ta’ bejn Jannar u Lulju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Victim Support Unit jipparteċipa fi programmi televiżivi u radjufoniċi. Infurmat illi bejn Jannar u Lulju ta' din is-sena kien mistieden fi tliet okkażjonijiet li kienu jikkonsistu f'żewġ programmi televiżivi u wieħed fuq ir-radju.

Korp tal-Pulizija – Police Counselling Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdiet topera s-sezzjoni interna fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, bl-isem ta’ Police Counselling Unit? X’servizzi toffri? Teżisti xi tip ta’ statistika ta’ min ġie assistit minn din il-unit mit-twaqqif tagħha u b’liema mod ġew assistiti l-persuni konċernati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi s-Sezzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, bl-isem ta’ Police Counselling Unit bdiet topera uffiċjalment mis-7 ta’ April 2017. Din toffri servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku lir-rekluti, pulizija u persuni ċivili (impjegati mad-Department tal-Pulizija) sabiex tipprovdi għall-iżvilupp u benessri psikosoċjali tagħhom mir-reklutaġġ sal-irtirar. L-għan prinċipali ta’ dan is-servizz huwa li b'diversi funzjonijiet relatati, jippreveni, itaffi u jirriċerka reazzjonijiet għal stress negattiv fi ħdan il-membri tal-Korp. Dettalji dwar assistenza li ngħatat mill-Police Counselling Unit bejn ix-xahar ta’ April sal-lum 18 ta’ Settembru 2017 kien kif jidher fit-tabelli t'hawn taħt: Persuni assistiti mill-‘Police Counselling Unit’. Spettur/ oħrajn Surġent Kuntistabbli Persunal Ċivili Persuni taħt taħriġ Familjari Total 3 30 49 - 3 6 91 Tip ta’ għajnuna mgħotija. Għajnuna provduta Total Appoġġ emozzjonali 7 Ġestjoni tal- istress wara inċident 38 Informazzjoni 38 Riferut lejn servizzi ta’ appoġġ barra mill-Korp 7 Sessjoni ta’ counselling 51

Seduti li tħejjew mill-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru seduti li tħejjew mill-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet minn Jannar ta’ din is-sena? Teżisti statistika dwar in-numru ta’ każi li mexxa dan l-Uffiċċju fl-istess perjodu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi minn Jannar 2017 sa nofs ix-xahar ta' Settembru tal-istess sena, l-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet ħejja tliet mija u żewġ seduti (302). F'dan il perjodu l-istess uffiċċju mexxa sebat elef u tnax-il każ (7,012).

Pulizija ta’ Malta – skorti Presidenzjali u oħrajn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ipprovdiet skorti Presidenzjali u oħrajn, il-Pulizija ta’ Malta matul il-perjodu Jannar u Lulju 2017? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba attendew fil-Korsa tal-Marsa b’konnessjoni mat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-istess perjodu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' skorti li pprovdiet it-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija matul il-perjodu Jannar sa Lulju 2017, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din it-tabella tinkludi wkoll dettalji dwar kemm-il darba membri tal-istess taqsima attendew għal-xogħol fil-Korsa tal-Marsa, b’konnessjoni mat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-istess perjodu. Xahar Skorti Presidenzjali Skorti ta' Ambaxxaturi Xogħol waqt tiġrijiet fil-Korsa tal-Marsa Jannar 2017 - - - Frar 2017 - 3 5 Marzu 2107 - 4 5 April 2017 - 3 5 Mejju 2017 2 - 7 Ġunju 2017 - 3 7 Lulju 2017 1 - 5 Total TOTAL 3 13 34

Memorandum of Understandings pendenti — Pajjiżi Ewropej, Ażjatiċi u tal-Amerika ta’ Isfel

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il Memorandum of Understanding hemm pendenti kemm ma’ pajjiżi Ewropej, kif ukoll ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u dawk Ażjatiċi?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il Memoranda ta’ Ftehim pendenti ma’ pajjiżi Ewropej, ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u ma’ pajjiżi Ażjatiċi. It-tabelli t’hawn taħt juru kemm-il Memoranda ta’ Ftehim hemm pendenti għal kull kontinent, kif ukoll liema huma dawn il-Memoranda ta’ Ftehim. Kontinent Numru ta’ Ftehim Amerika t’Isfel 8 Asja 7 Ewropa 7 Pajjiżi Ażjatiċi Pajjiż Ftehim Pendenti L-Aħħar Informazzjoni Il-Bangladesh Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Bangladesh Foreign Service u l-MEDAC Qed isiru taħdidtiet bejn il-partijiet konċernati bl-għajnuna tal-Ministeru. L-Indoneżja Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja. Negozjati bejn Malta u l-Indoneżja fuq ftehim dwar it-Taxxa Doppja għadhom għaddejin. Il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim jagħti lok għal iktar investiment u kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Korea ta’ Isfel Tiġdid tal-‘Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Korea’. L-abbozz tal-Ftehim intbagħat f’Seoul f’April tal-2015, u qed jiġi ikkunsidrat min-naħa Koreana. Iċ-Ċina Memorandum ta’ Ftehim fuq kooperazzjoni fil-qasam tal-affarijiet marittimi. L-abbozz ser jiġi diskuss f’laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Amministrazzjoni tal-Istat Oċean (SOA) Ċiniz fil-marġini tar-raba’ Konferenza Internazzjonali ‘Because Our Ocean’ bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru 2017. Memorandum ta’ Ftehim fuq ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Lawrji Ogħla, Diplomi u Ċertifikati. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Impjieg ikkuntattja lill-Ministeru tal-Edukazzjoni taċ-Ċina sabiex il-proċess tal-applikazzjoni inkorporata f’dan l-MOU, li ġie iffirmat fl-2013, jitwessa biex jinkludi żewġ istituzzjonijiet edukattivi addizzjonali. Il-Mongolja Memorandum ta’ ftehim dwar konsultazzjonijiet politiċi. Il-Memorandum lest biex jiġi iffirmat. Memorandum ta’ ftehim fuq kooperazzjoni fil-kultura, lis-sport u t-turiżmu. L-abbozz tal-Ftehim ntbagħat minn naħa Maltija f’Jannar tal-2016. Il-Ministeru kompla jsegwi żviluppi fuq l-abbozz, anki waqt l-ASEM summit li seħħet fil-Mongolja f’Lulju ta’ 2016, u qed jistenna reazzjoni min-naħa Mongola. L-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina Pajjiż Ftehin Pendenti L-Aħħar Informazzjoni L-Arġentina Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam tal-Isports Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Arġentina. Il-Bolivja Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni Qegħdin jsiru taħdidiet mad-dipartimenti Maltin ikkonċernati (Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol) Il-Brażil Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam tat-Turiżmu Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Brażil Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Brażil L-Ekwador Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Ekwador Il-Messiku Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjoni Bilaterali Il-ftehim maqbul u lest biex jiġi iffirmat. Dan ħa jiġi iffirmat mal-ewwel oppurtunità. Il-Panama Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjoni Bilaterali Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Panama. Il-Peru Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Peru. Ewropa Pajjiż Ftehim Pendenti L-Aħħar Informazzjoni Il-Montenegro Memorandum ta’ Ftehim fil-qasam tal-edukazzjoni bejn il-Gvern tar-Republikka ta’ Malta u l-Gvern tal-Montenegro Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal- Montenegro sabiex jiġi iffirmat il-Memorandum ta’Ftehim. Il-Polonja Memorandum ta’ kooperazzjoni bejn Il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta` Soċjali tar-Repubblika ta’’ Malta u l-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali tar-Repubblika tal-Polonja (L-idea dwar il-kooperazzjoni ġiet min-naħa tal-awtoritajiet Maltin iżda l-ewwel abbozz ġie proponut min-naħa Pollakka). Sa Settembru 2017 għadhom għaddejjin it-taħdidiet interni mill-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali. Ir-Rumanija Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal, u Solidarjeta Soċjali tar-Repubblika ta' Malta, u l-Ministeru tax-Xogħol, Familja, Protezzjoni Soċjali, u l-Anzjani tar-Rumanija. Il-Ftehim huwa lest għal-firma. Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tar-Rumanija sabiex il-Ftehim ikun jista’ jiġi ffirmat. Is-Serbja Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika tas-Serbja dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu internazzjonali. Peress li l-abbozz ta’ dan il-ftehim kien pendenti għal ħafna snin, bħalissa għaddejin konsultazzjonijiet interni f’Malta sabiex jiġi stabbilit jekk il-ftehim għandux ikun rivedut u jerġgħux jinfetħu n-negozjati. Is-Slovenja Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni fl-Oqsma tal-Edukazzjoni u l-Isport. Dan l-abbozz ġie ippreżentat min-naħa Slovena. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jevalwa l-abbozz. L-Estonja Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni f’Servizzi ta’ eGovernment Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Estonja. L-Italja Emendi fl-MoU ta' kollaborazzjoni fid-Difiża bejn Malta u l-Italja L-awtoritjiet Taljani infurmaw li xtaqu xi tibdil/ emendi f’dan l-MoU. L-awtoritajiet Maltin bagħtu l-kummenti f’April 2017. Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern Taljan