Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta’ Servizz Għożża u kemm-il persuna ġiet megħjuna matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Servizz Għożża joffri għadd ta’ programmi fosthom:
A. Programm Għat-tfajliet Tqal Minorenni
Dan il-programm juża approċ ħolistiku bl-għan li jagħti aktar fiduċja lit-tfajla tqila billi jiffoka fuq għadd ta’ lezzjonijiet tal-PSCD li jittrattaw kemm fuq żvilupp personali kif ukoll kwistjonijiet ta’ tqala.
B. Grupp ta’ sapport għall-omm u t-tarbija
Il-Mother and Baby Group jiltaqa’ darba fil-ġimgħa kull nhar ta’ Ġimgħa. Il-programm huwa ddisinjat biex joffri lill-ommijiet żgħar ambjent protettiv u edukattiv, fejn jistgħu jitgħallmu dwar ir-responsabbiltà tat-trobbija u d-dmir tagħhom li jgħożżu u jedukaw lit-tfal.
Ċ. Programmi ta’ Prevenzjoni:
1.
Nifhmu ’l Uliedna fil-Bidliet
L-għan ta’ din it-taħdita huwa biex il-ġenituri tal-istudenti tal-Form 1 isiru aktar konxji tal-bidliet fiżiċi, sesswali u psikoloġiċi li jesperjenzaw it-tfal meta jilħqu l-pubertà.
2.
Bandiera Bajda?!
Dan il-programm tħejja għall-istudenti fit-tielet sena tal-iskola sekondarja. L-istudenti jkollhom l-opportunità jieħdu sehem f’seminar ta’ tliet sigħat li jiffoka fuq l-edukazzjoni sesswali b’attenzjoni speċifika fuq ir-rwol u r-responsabbiltà ta’ ġenitur żagħżugħ.
3.
#openrelationship#teenparent
Dan il-programm tħejja għall-istudenti fl-iskejjel Post-Sekondarji bil-għan li jinħoloq għarfien ikbar dwar relazzjonijiet u esperimentazzjoni sesswali.
4.
Servizzi ta’ Outreach fl-iskejjel
Programm ta’ prevenzjoni għal gruppi speċifiċi ta’ studenti fejn tingħata għajnuna iktar individwali lill-istudenti li jkunu qed jesperimentaw sesswalment. Dawn l-istudenti jingħataw informazzjoni u edukazzjoni fi gruppi żgħar jew individwali bl-għan li jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet iktar infurmati.
Fis-sena 2017 (Jan-Ottubru) it-total ta’ tfajliet megħjuna minn Servizz Għożża kien:
Età
Nru. ta’ Tfajliet Tqal
13
1
14
7
15
3
16
8
17
19
18
13
18+
3
Total
54
Fis-sena skolastika 2016-2017 il-programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel kienu:
Programmi ta’ Prevenzjoni
Skejjel tal-Istat
Skejjel tal-Knisja
Numru ta’ studenti li ħadu sehem fi programm ta’ Prevenzjoni għal studenti fit-tielet sena sekondarja (Co-ed)
412
Numru ta’ ġenituri li ħadu sehem fi programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tal-istudenti fl-ewwel sena skolastika
336
205
Numru ta’ ġenituri li ħadu sehem fi programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tat-tfajliet tqal
6
Program ta’ Outreach (3 sezzjonijiet)
25
Fis-sena skolastika 2017-2018 (sa Novembru), il-programmi ta’ prevenzjoni kienu:
Programmi ta’ Prevenzjoni
Skejjel tal-Istat
Skejjel tal-Knisja
Numru ta’ studenti li ħadu sehem fi programm ta’ Prevenzjoni għal studenti fit-tielet sena sekondarja (Co-ed)
57
Numru ta’ ġenituri li ħadu sehem fi programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tal-istudenti fl-ewwel sena skolastika
70
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar 12-il xahar tal-inizjattiva “Aqra Kemm Tiflaħ”?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li minn Settembru 2016 sa Settembru 2017, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bis-saħħa tal-programm ‘Aqra kemm tiflaħ’ qassmet madwar 23,770 ktieb fi 63 skola primarja.
11-il skola primarja tal-istat, jiġifieri, l-iskejjel taż-Żurrieq, Pembroke, San Ġwann A, Paola A, il-Belt Valletta, Birkirkara, Santa Venera, il-Fgura A, Marsaskala, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ ingħataw 100 ktieb (50 bil-Malti u 50 bl-Ingliż) f’kull klassi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet klassi tal-primarja.
Apparti minn hekk, il-bqija tal-iskejjel primarji tal-istat ingħataw top up ta’ kotba biex b’hekk qabel bdiet din is-sena skolastika, il-klassijiet kollha tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena tal-iskejjel tal-istat, li kienu ġa ngħataw xi kotba s-sena ta’ qabel, ingħatawlhom il-bqija tal-kotba li kienu jeħtieġu biex ikollhom mija.
Il-libreriji tal-klassijiet tal-lingwi fl-iskejjel medji ta’ Bormla u l-Iskola Nazzjonali tal-Isport komplew jissaħħu, billi ngħataw madwar 150 ktieb bil-Malti u Ingliż kull skola.
Biex il-programm ‘Aqra kemm tiflaħ’ iħalli l-impatt meħtieġ u t-tfal jaqraw aktar, l-Aġenzija qiegħda tkompli tippromwovi l-qari bħala esperjenza pjaċevoli u pożittiva billi toħloq riżorsi diġitali u stampati abbinati mal-kotba mqassma. Dawn ir-riżorsi jintużaw mill-għalliema u l-istudenti qabel, waqt u wara l-qari u wieħed isibhom fil-paġna tal-pjattaforma diġitali tal-Fronter ‘Aqra Stejjer u Kotba Diġitali’. B’kollox inħolqu mas-700 riżorsa.
Matul dan il-perjodu wkoll, bl-għajnuna tal-kumpanija GO, l-Aġenzija qassmet 40 xkaffa tal-kotba tal-programm ‘Aqra kemm Tiflaħ’ fil-klassijiet tal-ewwel, it-tieni u tielet sena tal-iskejjel primarji ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Imsida, ix-Xgħajra, ir-Rabat, Għawdex, Birżebbuġa, il-Birgu, Ħal Qormi San Bastjan u Ta’ Sannat, Għawdex.
Ma’ dan ix-xogħol, wieħed irid iżid ix-xogħol ta’ tħejjija li sar mit-tim ta’ ‘Aqra kemm Tiflaħ’ biex minn din is-sena skolastika (2017-18) jibdew jitqassmu l-kotba fil-klassijiet tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel primarji tal-istat. Dan ix-xogħol jikkonsisti fl-għażla, ix-xiri, il-livellar u l-ipproċessar tal-istess kotba, kif ukoll laqgħat u taħditiet ma’ edukaturi fl-iskejjel li se jibbenifikaw mill-għoti tal-istess kotba.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm hu n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel tal-Istat fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? X’persentaġġ minnu huma supply teachers?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt fit-2 ta' Novembru 2017 bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi li n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat huwa 3903 u li minnhom 233 huma supply teachers, jiġifieri 6%.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta’ SkolaSajf din is-sena? Kemm kien hemm tfal li applikaw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal reġistrati għal Skolasajf 2017 li nżamm bejn is-17 ta’ Lulju u s-7 ta’ Settembru, 2017 kien ta’ 12,190. Kien hemm b’kollox 56 Ċentru (fosthom 9 ċentri f’Għawdex, 3 ċentri ta’ Riżorsa, u Sannat Special Unit). Il-ħin tal-ftuħ kien bejn it-8.30 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12.30hrs) ta’ wara nofsinhar. Iżda fit-30 ċentru li ġejjin il-ħin kien jestendi mis-7 ta’ filgħodu sal-5.30 ta’ filgħaxija.
Attard
Luqa
Pembroke
St Venera
Birzebbugia
Mellieħa
Qormi SĠ
Valletta
Birkirkara
Mġarr
Rabat
Ħaż-Żabbar
Cospicua
Mosta
San Ġwann
Ħaż-Żebbuġ
Fgura
Marsascala
Siġġiewi
Żejtun
Floriana
Naxxar
Sliema
Żurrieq
Ħamrun GP
Paola
St Julians
Xagħra
St Paul’s Bay
Victoria
It-temi li ġew diskussi matul dan is-sajf kienu maqsumin fi tnejn:
Skolasajf 2017 ‘Education for All’ –
Kinder Programme
1.
I know about......MYSELF
2.
I know about......MY FAMILY AND FRIENDS
3.
I know about...... STORIES
4.
I know about...... MUSIC AND RHYTHM FUN
5.
I know about...... HOW THINGS WORK
6.
I know about...... THE WORLD AROUND US
7.
I know about...... HELPING OUT
Skolasajf 2017 ‘Education for All’ –
Primary Programme
1.
My Communication (Languages...)
2.
My numbers (Maths.....counting, calculation, maths in real life)
3.
My well being ( Health Education...eating, physical activity)
4.
My curiosity (Science and ICT)
5.
My humanity ( Ethical education)
6.
My responsibility (Citizenship Education)
7.
My creativity (Expressive Arts Education)
Iċ-ċentri kienu wkoll imħeġġa jagħmlu attivitajiet flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex inressqu lit-tfal aktar viċin ix-xogħol li jsir fil-komunità. Iċ-ċentri organizzaw ukoll attività b’riżq il-Malta Community Chest Fund.
Għat-tielet sena ħdimna man-National Literacy Agency u kellna l-programm ‘Aqra fis-Sajf’. Kien hemm ukoll inizjattivi oħra bħal Klabb Sajf fiċ-ċentri ta’ Paola, Ħaż-Żabbar, Mosta u San Pawl il-Baħar; kif ukoll il-kampanja ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ (Footballers Read and Write Summer Programme), immirata għal tfal ta’ bejn it-8 u l-10 snin.
Attivitajiet oħra kienu:
- Sports – sessjonijiet ta’ P.E. kif ukoll
Sports Days
f’kull ċentru, u kompetizzjoni sportiva bejn iċ-ċentri kollha
- Kwizz edukattiv ibbażat fuq it-temi msemmija tal-Primarja.
Kompetizzjonijiet li ġew organizzati waqt Skolasajf:
- The Pet in My Family – Animal Welfare Directorate
- Peacelab Competition
- Aqra fis-Sajf Bookmark Competition
- Mascot Competition mal-ARPA
Tfal minn diversi ċentri pparteċipaw ukoll fl-attivitajiet li ġejjin:
- Arraiolos 2017 Forum – Miftuħa għal tfal bejn it-8 snin u l-10 snin: 13-il ċentru tellgħu esebizzjoni dwar il-pajjiżi li ħadu sehem f’dan il-forum u ltaqgħu u tkellmu mal-media barranija u mal-Kapijiet tal-iStati li attendew.
- Public Speaking Workshop – Miftuħa għal tfal bejn it-8 snin u l-10 snin li ħadu sehem f’Public Speaking Workshops matul is-sajf, u attendew għal attività fil-foyer tal-Parlament fejn tkellmu u ddiskutew mal-ispeaker tal-Kamra u ma’ diversi Membri Parlamentari.
- Coding Programme – dan kien proġett pilota li kien ta’ suċċess kbir, u ttella’ b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Malta Communcations Authority u d- Digital Literacy and Transversal Skills Directorate.
- Valletta 18 – tfal minn ħames ċentri ngħataw taħriġ dwar il-proġett ‘Ibni Kultura’ u waqt li tgħallmu dwar is-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha, żviluppaw huma stess kultura u soċjetà fittizja u għamlu preżentazzjoni tagħha.
- Laqgħat mal-Kummisarju għat-Tfal, li għamlet żjarat f’żewġ ċentri u wara li daret il-klassijiet, kienet involuta f’diskussjoni mat-tfal fuq diversi temi.
Kellna ’il fuq minn 40 imsieħba minn entitajiet governattivi, NGOs, kumpaniji privati, u ambaxxati, li taw sehemhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm billi offrew sessjonijiet f’ċentri differenti ta’ Skolasajf jew attivitajiet barra miċ-ċentri.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-hekk imsejħa industriji kreattivi bil-għan li jkun hemm aktar investiment f’dan is-settur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-industriji Kulturali u Kreattivi f’Malta, li jinkludu l-wirt kulturali, l-arti, il-media u s-servizzi kreattivi bħad-disinn, jikontribwixxu għal 7% tal-valur miżjud (GVA) maħluq mill-ekonomija Maltija, jagħtu imjieg lil 13,982 persuna u għandhom 3500 intrapriża joperaw fihom. Fl-2015 dawn l-industriji kienu jammontaw ukoll għal 6% tal-impjiegi f’Malta u ħolqu 2,800 impjieg ġdid bejn l-2010 u l-2015 bi tkabbir annwali medju ta' 5%. Il-valur miżjud gross totali għal kull persuna impjegata fil-industriji kulturali u kreattivi huwa stmat għal € 37,900 li bħalissa huwa ogħla minn dak li huwa ġġenerat bħala medja fil-manifattura (€ 32,100) jew servizzi (€34,100).
Il-Kunsill Malti għall-Arti, permezz tal-uffiċju konġunt li għandu mal-Malta Enterprise joffri l-għajnuna meħtieġa lill-intrapriżi kulturali. Dawn jinkludu informazzjoni fuq inċentivi fiskali u finanzjarji kif ukoll żviluppa programm bl-isem ta’Creative Industries Platform li jappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta' clusters għal għadd ta' oqsma speċjalizzati fl-Industriji Kreattivi u Kulturali. Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi, b’investiment ta’ €700,000 ġiet imfassla biex tiffaċilita l-ħolqien u l-appoġġ ta' pjattaformi li għandhom jipprovdu servizzi mmirati biex jaċċelleraw it-tkabbir tas-settur b'mod sostenibbli u jgħinu lil professjonisti tal-kreattività jtejbu l-prodott tagħhom u jmorru fis-suq bl-ideat kreattivi tagħhom. Il-benefiċjarji tal-programm ser ikunu jistgħu jipprovdu s-setturi speċjalizzati b'għadd ta' servizzi li jvarjaw minn aċċess għal mentoring professjonali, netwerking u opprtunitajiet ta' parteċipazzjoni internazzjonali. Ser ikunu jistgħu joffru spazji komuni tax-xogħol u jagħtu appoġġ għall-iżvilupp tal-esportazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi li nġabru mit-Tribunal tad-Drogi? Kemm minn dawn il-multi li weħlu l-vittmi marru għand organizzazzjonijiet li jgħinu lill-istess vittmi? Jista’ jidentifika eżatt liema huma dawn l-organizzazzjonijiet li rċevew l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infumart li s’issa kien hemm 1,162 kontravvenzjoniji mħallsa li jammontaw għal €76,052.90. Minn dan l-ammont, total ta €45, 000 marru għand organizzazzjonijiet li jgħinu lill-istess vittmi. L-organizzazzjonijiet li rċevew din l-għajnuna kienu:
Organizzazzjoni
Ammont
Sedqa
€15,000
Caritas
€15,000
Oasi
€15,000
Rilokazzjoni tal-Librerija u ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie investit fir-rilokazzjoni tal-librerija u ċ-ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta? Jista’ jgħid x’kienu l-benefiċċji ta’ din ir-rilokazzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Librerija u Sala ta’ Taħriġ ġodda li tlestew f’Ġunju li għadda ġew jiswew €134,900. It-Sala ta’ Taħriġ il-ġdida hi attrezzata b’apparat ta’ Video Conferencing u Overhead Projector. Biex inbnew dawn il-faċilitajiet ġodda kienidentifkat spazju fl-arkivju taċ-Ċivil fis-sular -1. Kien meħtieġ għalhekk li din il-parti mill-Arkivju Ċivili jitbattal mill-volumi u proċessi. Għaldaqstant ġew mitluba l-permessi neċessarji mill-MEPA u l-Government Property Division sabiex garage kbir fi Crown Works Ditch Floriana jiġi refurbished u jkun trasformat f’Arkivju kbir ta madwar 300 metru kwadru għal spiża ta €106,100. Dan l-arkivju ġie attrezzat b’2,000 metru ta’ xkaffar.
Fl-ispazju li tħalla battal fit-tielet sular fejn kien hemm Il-Librerija u Sala ta’ Taħriġ, qed jinbenew żewġ Awli. L-ispiża sabiex isiru dawn iż-żewġ Awli hi mistennijja li tkun ta’ madwar €166,900. Ta’ min iżid ukoll li f’Marzu ta din is-sena żżanżnet Awla ġdida fit-tieni sular li nbniet flok l-ex Uffiċċju tal-Prim Imħallef. Din l-Awla swiet €95,000.
Biż-żieda ta’ dawn it-tlett Awli l-ġodda ser ikun qed jiġi assigurat li ma jkunx hemm ħtiega li s-seduti jigu differiti minħabba li ma jkunx hemm Awli disponibbli fejn isiru seduti.
Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk id-Dipartiment tal-Gvern Lokali għadux jopera kif kien sal-aħħar leġiżlatura u/jew kienx hemm xi tibdil, anke amministrattiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħala parti mir-Riforma fil-qasam tal-Gvern Lokali, sar ukoll ristrutturar ta’ dak li kien id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan billi fil-bidu tal-2017 twaqqfet id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali mmexxija minn Direttur Ġenerali. F’din l-istruttura l-ġdida. id-Dipartiment għall-Gvern Lokali sar id-Dipartiment għall-Gvern Lokali Monitoraġġ u Sapport. Dan id-dipartiment issa ser ikun responsabbli esklussivament mir-responsabbilitajiet li jinsabu fl-Att dwar Kunsilli Lokali, u b’mod partikolari dan ser ikollu r-rwol ta’ monitoraġġ u sapport għall-operat tal-awtoritajiet lokali kollha (Reġjuni, Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi).
Id-Diviżjoni issa ser ikollha wkoll direttorat ġdid jismu d-Direttorat għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni tal-Programmi. Dan id-direttorat ser ikun qed jassisti fl-istrateġija u policies ġodda, l-implimentazzjoni tal-istess strateġiji u policies, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ skemi finanzjarji għall-kunsilli lokali, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Fl-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali, li hu responsabbli miż-żewġ direttorati, twaqqfu wkoll it-Taqsimiet tal-ICT, it-Taqsima Legali, u t-Taqsima dwar l-Unjoni Ewropea u Affarijiet Internazzjonali.
Bir-riorganizzazzjoni li rat it-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, għalhekk, qed jissaħħu l-istrutturi kemm tal-monitoraġġ tal-operat tal-kunsilli lokali, kif ukoll dawk li jappoġġjaw u jassistu lill-istess awtoritajiet lokali sabiex fl-operat tagħhom ikunu aktar effettivi u effiċjenti.
It-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali hi għaldaqstant ħolqa oħra mir-Riforma tal-Gvern Lokali li, wara perjodu ta’ 25 sena, kien jeħtieġ li tkun riformata għall-benefiċċju taċ-ċittadini u wkoll sabiex ikun hemm monitoraġġ siewi fl-interess tal-Gvernanza tajba.
Jista’ l-Ministru jgħid bediex il-proċess biex jibdew jitwettqu xi miżuri mill-manifest elettorali għal din il-leġiżlatura?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali b’kollox għandu 67 miżura mill-manifest li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Sar eżerċizzju biex jiġu stabbiliti l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru li ser iwettqu dawn il-miżuri u kull entita’ ġiet assenjata bil-miżuri li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha.
Il-maġġoranza tal-entitajiet lestew pjan għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri liem pjan jinkludi fih it-tul taż-żmien biex jiġu mplimentati l-miżuri kif ukoll il-finanzjament mistenni biex jitwettqu dawn il-miżuri. Hemm miżuri li fuqhom għadhom għaddejjien diskussjonijiet, fosthom xogħol li ser ikompli ma xogħol kollhu li diġa għamilna bħal proġetti ta’ restawr ta’ diversi postijiet storiċi li uħud minnhom huma fuq skala kbira u li biex jitwettqu hemm bżonn ħafna riżorsi.
Barra minn hekk hemm miżuri li ser ikunu qed jitwettwu b’konsultazzjoni ma’ ministeri oħra. Fost dawn il-miżuri hemm dawk li jirrekjedu qafas legali bħat-Twaqqif tal-Qorti Marittima, jiħraxu l-pieni għall-pedofelija u sabiex it-tfal jingħataw aċċess awtomatiku għall-avukat tat-tfal f’kawżi ċivili. Hemm ukoll miżuri li diġa beda t-twettiq tal-implimentazzjoni tagħhom fosthom il-miżura li titlob Skrutinju Parlamentari għall-karigi ewlenin fejn l-abbozz biex jiġi emendat l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika ġie mressaq għall-Ewwel Qari f’Lulju u t-Tieni Qari tal-Abbozz qiegħed jiġi diskuss.
Statistika ta’ persuni ‘l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar ħames snin? X’miżuri ttieħdu fil-leġiżlatura li għaddiet biex ikunu inċentivati dawn il-persuni biex jibqgħu jew isibu x-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li kienu jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni u li kellhom 50 sena u aktar, fl-aħħar ta’ Marzu tas-snin mill-2013 sal-2017, hu kif se nsemmi:
Persuni jaħdmu
full time
u
part time
bħala xogħol ewlieni (50+ sena)
Marzu 2013
47,171
Marzu 2014
49,258
Marzu 2015
51,300
Marzu 2016
53,022
Marzu 2017 (l-aħħar ċifra ppubblikata)
55,353
Fil-leġiżlatura li għaddiet ġew imnedija numru ta’ inizjattivi sabiex persuni li għandhom aktar minn 50 sena jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Fosthom insibu:
Inċentiv għal impjieg ta’ persuni akbar fl-età
Dan l-inċentiv jindirizza lil kull min għandu bejn il-45 u l-65 sena. Għaldaqstant wieħed mill-objettivi ta’ din il-miżura hu li n-nisa li għandhom iżjed minn 45 sena jidħlu fis-suq tax- xogħol.
Bħala inċentiv lil min iħaddem (inkluż dawk li jaħdmu għal rashom), dawn igawdu minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ madwar €5,800 talli jimpjegaw nies li għandhom bejn il-45 u 65 sena u jkunu ilhom jirreġistraw ma’ Jobsplus għal dawn l-aħħar sitt (6) xhur. Barra minn hekk, il-kumpaniji jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ taxxa minn fuq id-dħul tagħhom jew mit-taxxa korporattiva ta’ madwar 50% għal matul il-perjodu ta’ taħriġ. It-taħrig irid ikun ipprovdut minn training provider u jrid ikun akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
Pensjoni sħiħa għar-romol li jaħdmu
Individwi li jkunu romol u jiddeċiedu li jibdew jew ikomplu jaħdmu full-time se jibqgħu jirċievu l-pensjoni kompluta tar-romol irrispettivament mill-qliegħ ta’ l-impjieg tagħhom u irrispettivament ukoll mill-età tat-tfal tagħhom.
Pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu
Individwi li jixtiequ jkomplu jaħdmu u jkunu laħqu l-età tal-irtirar jibqgħu jirċievu l-pensjoni sħiħa.
Żieda fil-pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu
Individwi li jiddeċiedu li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar u ma japplikawx għall-pensjoni jkunu intitolati għal żieda fil-pensjoni għal kull sena.
Estensjoni tar-rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq dħul għal pensjonanti self-employed
Pensjonanti li huma wkoll self-employed fuq bażi part-time igawdu minn rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq id-dħul tagħhom mix-xogħol jekk dan id-dħul ma jkunx ogħla mill-minimu ta’ dħul li fuqu jħallsu l-anqas rata ta’ kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali.
Work Programme Initiative
Permezz tal-Work Programme Initiative, il-Jobsplus b’kollaborazzjoni ma’ tliet operaturi privati qed jassistu nies li jkunu ilhom ifittxu xogħol għal iktar minn sena biex isibu impjieg sostenibbli (l-individwu irid ikun dam jirreġistra għal madwar 12–il xahar f’dawn l-aħħar sentejn, il-perjodu ta’ reġistrazzjoni m’għandux għalfejn ikun konsekuttiv biex jiġi eliġibbli għall-Work Programme). Nies li kienu innativi fl-aħħar 12-il xahar b’mod konsekuttiv huma wkoll eliġibbli għall-Work Programme. Din il-miżura hi indirizzata lejn kull min għandu iktar minn 25 sena, u tolqot ukoll nies li għandhom ‘l fuq minn 50 sena.
Fil-fażi inizjali, jinħoloq profil individwali fejn ikun identifikat l-aħjar tip ta’ taħriġ skont il-bżonnijiet tal-persuna. Wara din il-fażi, il-parteċipanti jibdew jingħataw taħriġ speċifiku skont kif ikun indikat fil-profil tiegħu/tagħha. L-aħħar fażi tal-proġett hija li jinstab xogħol adegwat għall-parteċipant.
Access to Employment Scheme
L-iskema Access to Employment (A2E), tipprovdi għajnuna għax-xogħol lill-intrapriżi f'Malta u Għawdex biex jirreklutaw individwi li huma l-aktar żvantaġġati fost dawk li qed ifittxu xogħol kif ukoll persuni inattivi. Barra min hekk, din l-iskema tgħin lill-parteċipanti sabiex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol billi jingħataw opportunità ta’ impjieg.
L-iskema hi indirizzata għal numru ta’ kategoriji fosthom persuni li għandhom 50 sena jew aktar u li m’għandhomx xogħol. Dawk li jħaddmu individwi li huma eliġibbli għall-iskema jirċievu sussidju ta’ €85 fil-ġimgħa għal kull impjegat ġdid għal 26 ġimgħa, 52 ġimgħa jew 104 ġimgħat, skont il-kategorija li jikkwalifikaw għaliha. Fil-każ ta’ persuni reġistrati b’diżabbiltà, jingħata sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal massimu ta’ 156 ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jibagħtu lil uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li matul is-snin 2015 u 2016 ibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa? Kemm hu maħsub li ġiet iffrankata taxxa b’kollox?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena Bażi 2015 kien hemm 3,524 persuna li talbu deduzzjoni għall-child-care. Ġiet iffrankata € 361,024
Fis-sena Bażi 2016 kien hemm 3,390 persuna li talbu deduzzjoni għall-child-care. Ġiet iffrankata €349,693
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal s’issa għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, xahar b’xahar, u kemm minnhom ġew riżolti? Minn dawn il-każijiet riżolti, kemm minnhom inqatgħu favur il-konsumatur u kemm le?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti li bbenefikaw mill-iskema ta’ Bonds 62+? Kemm ġew allokati fondi għal dan il-għan?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Teżor ħareġ żewġ tranches tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta wieħed f’Settembru u ieħor f’Ottubru 2017. Iż-żewġ bonds kellhom termini u kondizzjonijet simili għal xulxin. Fil-ħruġ ta’ Settembru applikaw 12,242 individwi eliġibbli filwaqt fil-ħruġ ta’ Ottubru applikaw 3,959 applikanti eliġibbli ġodda.
B’kollox applikaw 16,201 individwi eliġibbli u t-Teżor alloka s-somma totali ta’ €99,638,900 b’ €69,895,000 allokati fil-ħruġ ta’ Settembru u €29,743,900 allokati fil-ħruġ ta’ Ottubru 2017.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ nies b’diżabilità li gawdew minn xi skema ta’ tnaqqis fit-taxxa, rifużjoni fit-taxxa u/jew VAT, eċċ.?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1998 u Ottubru 2017 kien hemm 6,382 persuna b’ dizabilita li gawdew minn għajnuna bħal ezenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazjoni fuq vetturi bil-mutur, jew mill-ħlas tal-liċenzja ta’ ċirkolazjoni fuq vetturi, jew fuq dazju fuq vetturi jew VAT fuq modifiki jew xiri ta’ vetturi.
Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozza
Question
Jista’ l-Ministru jagħti statistika ta’ kemm kienu dawk in-nies li ggwadanjaw mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozza tagħhom meta ġew lura Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-iskema ila fis-seħħ mill-2009 u sa l-aħħar ta’ Ottubru 2017 kien hemm 1,533 li ggwadanjaw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il avveniment sar minn Spazju Kreattiv u liema kienu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2013 sal-llum saru bosta avvenimenti li jinkludu cinema screenings minn Spazzju Kreattiv, skont kif indikat hawn taħt:
Staġun
Total
2013/2014
370
2014/2015
270
2015/2016
270
2016/2017
367
2017/2018
448
Fost dawn il-mijiet t’avvenimenti li kollha kienu ta’ suċċess nsibu dawk ferm popolari bħal:
Għall-istaġun 2013/2014:
- Milkshake by Gilbert Calleja (Visual Arts);
- Most Intimate by Claire Tonna (Music);
- The Lockerbie Bomber by DnA Productions (Theatre);
- I, Malvolio by Tim Crouch (Theatre).
Għall-istaġun 2014/2015:
- Valletta International Arts Festival (VIVA);
- Isle Landers by Darrin Zammit Lupi (Visual Arts);
- The Twilight Sad Concert by Hairyamp Promotions (Music);
- European Disability Arts Festival by Opening Doors (Festival);
- Children of A Lesser God by TheatreEncore (Theatre).
Għall-istaġun 2015/2016:
- Mela hawn xi Manikomju? by Alfred Buttiġieġ (Theatre);
- Tikber u Tinsa by Clive Piscopo (Theatre);
- LUX Prize by the European Parliament (Cinema);
- Plato's Dream Machine Concert (Music);
- Lampedusa by Unifaun Theatre (Theatre);
- Pinnuri by the Rubberbodies Collective (Visual Arts);
- Inħobbok by Umberto Buttiġieġ (Visual Arts).
Għall-istaġun 2016/2017:
- Travel Photographer of the Year (TPOTY) (Visual Arts);
- Between the Heard by Renzo Spiteri (Multidisciplinary);
- SACRED | PROFANE by Lawrence Buttiġieġ (Visual Arts);
- L-Iffissat t'Alla (Theatre);
- MalTEEN - Creative Youth Fest (Festival);
- Artists' Residency Programme (Multidisciplinary);
- Angela's Kitchen by Paul Capsis (Theatre).
Għall-istaġun 2017/2018:
- Memory in Hand by the China Cultural Centre (Visual Arts);
- Active Age Intergenerational Dialogue (Multidisciplinary);
- Kreaturi by the Gabriel Caruana Foundation (Visual Arts);
- Anamnesis. Art, Memory and Identity in Poland and Malta between 1989 and 2016 (Visual Arts);
- Raymond "Fight" Beck by Teatru Malta (Theatre);
- Ostrale Collective (Visual Arts);
- Estonian Film Days (Cinema).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrestawrati ħitan tas-sejjieħ fil-Ġonna tal-Buskett u kemm tħawllu siġar ġodda f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa nbnew 18,101 metri kubi ta’ ħitan tas-sejjieħ ġewwa l-Buskett filwaqt li tħawlu wkoll 3,030 siġra indiġena u għandhom jitħawlu 270 oħra fl-istaġun tat-taħwil li ġej.
Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku – prestazzjoni ta’ Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-prestazzjoni ta’ Malta fejn tidħol it-traspożizzjoni tal-liġi skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni mitluba hija skont kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif esebit fit-tabella tul dawn l-aħħar ħames snin, Malta kellha prestazzjoni eċċezzjonali fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, kemm fejn jidhlu traspożizzjoni tal-liġijiet, kif ukoll fil-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Fil-fatt, Malta irnexxiela żżomm perċentwal rekord ta’ inqas minn wieħed (1) fil-mija (100) meta kkumparata mal-medja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Izjed minn hekk, fl-aħħar sentejn, Malta irnexxielha żżomm l-ewwel post tal-klassifika fost it-tmienja u għoxrin Stat Membru. Dan kollu juri li Malta timmonitorja t-traspożizzjoni fil-ħin tad-direttivi b’mod tajjeb ferm.
Barra minn hekk, it-Tabella turi tnaqqis drastiku fejn jidħlu każijiet pendenti fil-qasam tas-suq uniku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fl-2016, Malta kellha t-tieni l-iżgħar numru ta’ każijiet relatati mas-suq uniku u cioè 5 każijiet, meta medja tal-każijiet pendent tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea kienet 24.
Każijiet ta’ avviżi ta’ Tqegħid fil-Mora, Opinjoni, Motivata u Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każi ta’ avviżi ta’ Tqegħid fil-Mora, Opinjoni Motivata u Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea mill-2004 sal-lum? Kemm kienu dawk il-każi li ngħalqu mill-Kummissjoni fl-istess perjodu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni mitluba hija skont kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam Finanzjarju tal-Unjoni (MFF) – preparamenti tal-Gvern
Question
Peress li waħda mill-aktar diskussjonijiet importanti li se jkollha l-Unjoni fis-sena u s-snin li ġejjin, apparti Brexit, se tkun fuq il-qafas finanzjarju tal-Unjoni (MFF) għal wara l-2020 u ladarba n-negozjati dwar dan il-qafas jibdew minn ħafna qabel, tista’ l-Ministru telabora dwar il-preparamenti fi ħdan il-Gvern biex iħejji ruħu għall-hekk imsejjaħ post-2020 MFF, anke fid-dawl tal-fatt li ħiereġ it-tieni l-akbar kontributur tal-Baġit Ewropew, ir-Renju Unit?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin il-preparamenti interministerjali, biex nifformulaw il-pożizzjoni tal-Gvern Malta fuq il-‘post-2020 MFF’. Fost l-oħrajn qed isiru eżerċizzji dwar xenarji differenti u l-impatt tagħhom fuq Malta.
Bħala Stat Membru tal-Unjoni aħna nemmnu li, fid-dawl tas-serje ta' kriżijiet li laqtu l-UE f'dawn l-aħħar snin, prinċipalment fir-rigward tal-kriżi ta' migrazzjoni u sigurtà, il-baġit tal-UE wara l-2020 għandu jipprijoritizza b'mod raġonevoli rispons adegwat għal dawn l-isfidi. Irid ikollu jinkorpora fih flessibilita’ li tagħti l-Unjoni lok biex tieħu azzjoni meta jfaqqgħu kriżijiet mhux mistenniha.
Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropeja għall hekk imsejjaħ Post-2020 MFF hi ppjanata li tkun lesta f’Mejju tal-2018. L-għan ewlieni tagħna f’dan ir-rigward hu li ma jkunx hemm xokk fil-pożizzjoni netta ta’ Malta u li l-Baġit Ewropew ikompli iservi ta’ strument katalitiku fuq ir-rittmu ekonomiku ta’ Malta.