Legislature:
Category:
Reset
Active:

Green Jobs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħolqu impjiegi ġodda li huma kklassifikati bħala ‘Green Jobs’ mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll jagħti break down ta’ dawn l-impjiegi skont is-settur ekonomiku?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Waste to Energy - Estimi Finanzjarji - Sena 2026

Question

Tista’ l-Ministru tispjega r-raġuni għalfejn fl-Estimi Finanzjarji għas-sena 2026, l-allokazzjoni vvutata għall-proġett tal-faċilità tal-Waste to Energy hija ta’ €0?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill‑Onor. Interpellanta li, kif diġà ġie spjegat f’fora differenti, il-proċess ta’ akkwist tal-proġett tal‑Waste‑to‑Energy għadu fl-istadji bikrin, wara l-appelli li seħħew, u għalhekk l-ebda infiq kapitali fuq il-kostruzzjoni tal-faċilità ma hu mistenni li jseħħ matul l‑2026. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda bżonn li jkunu vvutati fondi kapitali taħt dan il-vot għall‑2026. Madankollu, għal aktar ċarezza, nista’ nikkonferma li se jsiru disbursements relatati ma’ konsulenzi u servizzi professjonali matul l‑2026 sabiex titkompla l‑ħidma teknika, legali u finanzjarja marbuta mal-proġett. Dawn l‑ispejjeż ser jiġu kkontabilizzati taħt voti oħra relatati ma’ servizzi. Ix-xogħol tekniku u amministrattiv qed ikompli skont l-istadji tal-proċess ta’ akkwist, u l-Ministeru tiegħi jibqa’ jikkoordina mal-Ministeru tal-Finanzi sabiex kwalunkwe impenji finanzjarji meħtieġa jiġu indirizzati skont l-iskedi rispettivi.

Project Green - Stima kapitali - Sena 2026

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema bażi ġiet stabbilita l-istima kapitali ta’ €42 miljun għall-aġenzija Project Green għas-sena 2026, u tispjega kif l-aġenzija għandha l-kapaċità li tamministra u tonfoq somma ferm ikbar minn dik allokata fis-snin preċedenti, speċjalment meta wieħed iqis li l-istess aġenzija naqset milli timplimenta l-baġit kapitali anke meta dan kien ferm iżgħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Urban Greening - Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-€1.7 miljun li ntefqu għas-sena 2024 taħt il-vot ta’ Urban Greening, u tagħti break down dettaljat ta’ kif intefqet din is-somma?  Tista’ tgħid ukoll liema kienu l-proġetti speċifiċi li saru b’dawn il-fondi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Project Green - Allokazzjoni kapitali

Question

Peress li fis-sena 2024, minn allokazzjoni kapitali ta’ €24.7 miljun għall-aġenzija Project Green, intefqu biss €2.3 miljun, li jfisser rata ta’ implimentazzjoni ta’ 9% biss, tista’ l-Ministru tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ nfiq, kif ukoll tispeċifika liema kienu dawk il-proġetti li kienu ppjanati li jsiru b’dawn il-fondi u li minħabba dan in-nuqqas ta’ nfiq, ġew imdewma, posposti jew ikkanċellati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Prodott Domestiku Gross - Indikatur Ġenwin tal-Progress

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern implimentax l-“Indikatur Ġenwin tal-Progress”, li kellu jdaħħal kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali biex jikkumplimenta l-kalkoli tal-Prodott Domestiku Gross?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-implimentazzjoni nnifisha hija responsabbiltà tal-Ministeru kkonċernat.

Project Green - Nefqa PR u Marketing

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 34054 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat ta' kif kienet imqassma n-nefqa minn Project Green ta’ kważi €627,000 f'informazzjoni, u speċifikament kemm intefqu fuq reklamar fil-mezzi tax-xandir, kemm fuq il-midja soċjali, u kemm fuq materjal stampat? Tista' tindika wkoll min kienu l-benefiċjarji ta' dawn il-pagamenti (kumpaniji, aġenziji jew individwi) u tgħid jekk dawn intgħażlux permezz ta' tenders jew direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Vetturi klassiċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33741, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u ċjoè: B’referenza għal-linji gwida l-ġodda dwar vetturi klassiċi, jista’ l-Ministru jgħid minn meta dawn daħlu fis-seħħ sal-lum, kemm kien hemm reġistrazzjonijiet ġodda u kemm saru spezzjonijiet mill-ġdid fuq vetturi ta’ dan it-tip, kif ukoll jipprovdi break down ta’ kemm minn dawn il-vetturi għaddew mill-ispezzjoni mill-ewwel u kemm m’għaddewx, maqsuma bejn applikazzjonijiet ġodda u dawk li saritilhom spezzjoni mill-ġdid?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33741, ninfurmaha li kien hemm total ta’ 95 applikazzjoni ġdida u 339 applikazzjoni għal spezzjoni mill-ġdid.

Ta’ Qali - Picnic Area - Materjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie identifikat u magħżul il-materjal speċifiku (żrar) għas-sit tal-picnic area f’Ta' Qali, u fuq liema bażi teknika ġie deċiż li dan huwa adegwat għal din iż-żona? Jista' jgħid ukoll liema studji tekniċi jew xjentifiċi saru qabel biex jiġġustifikaw l-użu ta' dan il-materjal partikolari?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32730.

App ‘Charge my Ride’ - Dħul mill-kuntrattur lill-Ministeru

Question

B’referenza għar-rapport ta’ segwitu tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li juri li għalkemm l-app ‘Charge my Ride’ tnediet f’Ottubru 2021, sa nofs Ġunju 2025 l-ebda dħul ma kien għadu ġie trasferit mill-kuntrattur lill-Ministeru, filwaqt li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) stmat li l-flus iġġenerati bejn Ottubru 2021 u Frar 2025 huma ta’ madwar €1.05 miljun: Tista’ l-Ministru tgħid: i.      jekk sal-lum id-dħul ġiex trasferit lill-Ministeru; ii.     kemm hu l-ammont eżatt u totali dovut lill-Gvern sal-aħħar perjodu disponibbli; iii.    x’inhi d-data meta l-Ministeru huwa mistenni li jirċievi l-ewwel trasferiment u l-ħlasijiet kollha pendenti; u iv.    f’liema stadju wasal il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li, skont l-NAO, kien qed isir minn Certified Public Accountant għall-perjodu bejn Jannar u Awwissu 2024, u x’kien l-eżitu ta’ dan l-eżerċizzju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Charging Pillars - Spare parts

Question

B’referenza għar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li jgħid li l-kuntratt kien jinkludi ammont ta’ €16,000 (eskluż il-VAT) li kellu jitħallas mill-kuntrattur għall-ispare parts, iżda l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) ma kellhiex dokumentazzjoni dwar jekk dan l-ammont ġiex assorbit mill-kuntrattur, u li l-istess Aġenzija ħallset €83,971 fi spare parts bejn l-2023 u l-2024, tista’ l-Ministru tgħid: i.      jekk il-kuntrattur assorbiex jew le l-ammont ta’ €16,000 kif stipulat; ii.     jekk ir-risposta hija fin-negattiv, x’kienet ir-raġuni għalfejn dan ma sarx; u iii.    x’passi ttieħdu jew se jittieħdu biex jiġu rkuprati s-somom dovuti lill-Gvern? Tista’ tipprovdi wkoll break down dettaljat tat-€83,971 li ntefqu mill-Aġenzija, billi tindika s-siti fejn intużaw, it-tip ta’ spare parts mixtrija, u l-perjodi ta’ meta saru dawn il-ħlasijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-figura ta’ €16,000 (eskluża l-VAT) li qed tiġi kkwotata hija figura li, fi żmien li kien qed isir l-ewwel eżerċizzju ta’ verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) bejn l-2021 u l-2022, kienet diġà meqjusa assorbita; tant hu hekk li fl-istess żmien kienet issir manutenzjoni bl-użu ta’ spare parts li kienu disponibbli. Imbagħad, fl-2023 u l-2024, kif anke jirriżulta mill-Follow-up Audit innifsu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li fil-frattemp kienet ħadet f’idejha l-proġett tal-installazzjoni taċ-charging pillars pubbliċi, ħallset is-somma ta’ €83,971 fi spare parts. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar l-istock ta’ spare parts li ġie kopert bl-ispiża msemmija u li parti minnu għadu disponibbli biex jintuża għall-ħtiġijiet futuri.

Charging Pillars - Kuntratti

Question

Fid-dawl ta’ rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li jindika li l-kuntratti għaċ-charging pillars li ġew installati qabel Lulju 2022 ma kinux koperti b’garanzija tal-prestazzjoni valida, tista’ l-Ministru tgħid: i.       għal liema perjodu eżatt ma kienx hemm garanziji validi; ii.      kemm-il charging pillar kien affettwat minn dan in-nuqqas; iii.     x’riskju finanzjarju jew operattiv ġarrab il-Gvern jew l-entità konċernata; u iv.     x’miżuri ttieħdu biex jiġu mitigati dawn ir-riskji jew biex jiġu rkuprati spejjeż, jekk kien hemm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta, li mill-informazzjoni li ngħatatli, jidher li hija qed tikkwota minn rapport dwar l-eżitu tal-ewwel eżerċizzju ta’ verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li sar bejn l-2021 u l-2022. Ninfurmaha wkoll li sadanittant, fl-2025 kien sar follow-up audit min-NAO u dan sab li fil-frattemp kienu ġew implimentati linji gwida dwar l-amministrazzjoni tal-garanziji tal-prestazzjoni. Ninsab infurmata li qabel Lulju 2022 kien hemm garanziji li kienu qed jiġu amministrati minn Transport Malta bħala l-Awtorità Kontraenti oriġinali u li kwalunkwe interruzzjoni li seta’ kien hemm ġiet solvuta f’Lulju 2022.

Charging Pillars - Rapporti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29408, tista’ l-Ministru tispjega x’jitqies formalment bħala rapport lill-Awtorità jew lill-entità responsabbli rigward iċ-charging pillars, u b’mod partikolari jekk messaġġ fuq WhatsApp jew fuq mezzi simili ta’ komunikazzjoni jitqies bħala rapport validu, jew jekk hemmx xi rekwiżiti speċifiċi (bħal formola, email, hotline jew sistema online) biex ir-rapport ikun jista’ jiġi rreġistrat u pproċessat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur privat li jopera ċ-charging pillars joffri diversi modi kif wieħed jista’ jagħmel rapport dwarhom. Dan jista’ jsir kemm bit-telefon, bil-WhatsApp, b’email, jew permezz tal-formula diġitali li hemm fiċ-Charge My Ride app kif ukoll fuq il-website Chargemyride.mt. Biex jiġi proċessat trid tiġi mgħoddija l-informazzjoni neċessarja skont il-każ li jkun qed jiġi rappurtat.

Tessuti - Immaniġġjar u esportazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid il-Gvern x’miżuri qiegħed jipprepara li jdaħħal fis-seħħ qabel is-sena 2028 biex titjieb it-trasparenza fis-settur tal-immaniġġjar u l-esportazzjoni tat-tessuti, ikun prijoritizzat l-użu mill-ġdid lokalment, u jitnaqqas it-telf ta' valur mill-ekonomija ċirkolari tat-tessuti lokalment?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-emendi tad-Direttiva riveduta dwar l-Iskart (Direttiva (UE) 2025/1892) jintroduċu numru ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati qabel l-2028 biex tittejjeb it-trasparenza u l-governanza fis-settur tat-tessuti. Fosthom, jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar ċari dwar il-ġbir separat tat-tessuti, il-prijoritizzazzjoni tal-użu mill-ġdid lokalment fejn dan hu possibbli, u mekkaniżmi biex jiġi żgurat li tessuti użati ta’ kwalità tajba biss jiġu esportati barra mill-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, bħalissa qed jitħejjew il-provvedimenti neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva skont il-perjodu ta’ żmien stabbilit.

ERA - Trattamenti ta’ tessuti ta’ kwalità baxxa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmilx verifiki dwar id-destinazzjoni finali u t-trattamenti fi tmiem il-perjodu ta’ utilità ta’ tessuti ta’ kwalità baxxa li jiġu esportati barra mill-Unjoni Ewropea, u jekk dan isirx f’konformità mal-prinċipju tal-prossimità f’sens ambjentali u fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-iskart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni ta’ skart tat-tessuti minn Malta lejn destinazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin. L-istanzi fejn skart tat-tessuti ntbagħat barra minn Malta f’dawn is-snin kienu kollha diretti lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u twettqu f’konformità mar-regolamenti dwar vjaġġi ta’ skart (shipments of waste).

Tessuti - Esportazzjoni u dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-valur finanzjarju jew id-dħul iġġenerat mill-esportazzjoni ta’ tessuti miġbura lokalment mill-operaturi? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dan il-valur huwa stmat li jibqa' fl-ekonomija lokali?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda ma-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34197, infurmata li l-ERA ma jkollhiex informazzjoni dwar il-valur ekonomku tat-tessuti li jiġu esportati, imma jkollha biss informazzjoni fuq kwantitajiet ta’ tessuti esportati bħala skart.

Tessuti - Kwantitajiet, Valur u Distinzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-valur tat-tessuti miġbura f’Malta u esportati barra l-pajjiż? Tista’ tgħid ukoll jekk tinżammx distinzjoni ċara bejn tessuti esportati għall-użu mill-ġdid u dawk esportati għar-riċiklaġġ jew rimi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-settur li jiġbor direttament it-tessuti użati għall-użu mill-ġdid huwa mmexxi mis-settur privat, bħal charity shops . Jekk dawn it-tessuti użati jiġu esportati, l-ERA ma jkollhiex informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-valur tat-tessuti miġburin u esportati (bħala prodott). Fil-każ li t-tessuti jiġu esportati bħala skart, dawn isegwu l-proċeduri Ewropej li jirregolaw vjaġġi ta’ skart, u l-ERA tiġi infurmata. Normalment, dawn it-tessuti jiġu esportati għar-riċiklaġġ u mhux għar-rimi. L-ERA tirregola wkoll l-immaniġġjar lokali tat-tessuti tal-iskart li bħalissa jinġabru minn operatur privat (il-bins blu). It-tessuti kollha depożitati f’dawn il-bins jitqiesu bħala skart u għalhekk l-immaniġġjar tagħhom huwa regolat permezz ta’ permess maħruġ mill-ERA. Sadanittant, informata wkoll li l-ammont ta’ tessuti miġbur minn Wasteserv matul l-2025 huwa ftit inqas minn ħames tunnellati u nofs .

Smart meters - Sistemi tal-ARMS u WSC - Waqfien

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sistemi tal-ARMS u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jindunawx b’mod awtomatiku u mmedjat jekk smart meter jieqaf jaħdem jew jieqaf jirreġistra l-konsum?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34195, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinduna f’każ li l-apparat li jitwaħħal mal-meter tal-ilma jieqaf jitrasmetti jew ikun hemm nuqqas ta’ konsum reġistrat.

Ta’ Qali - Picnic Area - Kopja tal-Method Statement

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Method Statement dettaljat u approvat li se jkun qed jintuża bħala gwida għax-xogħlijiet ta’ restawr fil-picnic area f’Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru l-investigazzjonijet neċessarji, sabiex eventwalment il-Method Statement jiġi ffinalizzat.