Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali — Petting Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux maħsub li jsir titjib fil-Petting Farm f'Ta’ Qali li bħalissa jinsab fi stat mill-aktar diżastruż u li fuqu qamu kwestjonijiet ta’ periklu u nuqqas ta’ sigurtà għal dawk li jiffrekwentawh?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Trapjanti tal-organi– Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna qiegħda fuq il-lista ta’ stennija għal trapjanti tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar 4 snin saru 67 trapjant u fuq il-lista ta’ stennija għal trapjanti tal-organi hemm madwar 90 pazjent jistennew kilwa u 20 pazjent jistennew kornea.

Kuntratt bejn il-Gvern u l-American University of Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u s-soċjetà Sadeen Education Investment Limited (“Sadeen”), fejn il-Gvern ikkonċeda lis-soċjetà Sadeen, b’titolu ta’ ċens temporanju, art parti minn SmartCity fix-Xgħajra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern Malti u s-soċjetà Sadeen Education Investment Limited ġie ffirmat fid-29 ta’ Awwissu 2022. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 679 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 33, nhar it-Tnejn, 17 ta' Ottubru 2022)

Kuntratt bejn il-Gvern u Smart City Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern u SmartCity (Malta) (SCM), dwar terminazzjoni ta’ parti mill-enfitewsi temporanju u ċens relattiv?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern Malti u Smart City Malta ġie ffirmat fit-28 ta’ Settembru 2022. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 680 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 33, nhar it-Tnejn, 17 ta' Ottubru 2022)

Università Amerikana ta’ Malta (AUM) — liċenzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni fuq il-liċenzja tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), u jekk din il-liċenzja ġietx imġedda mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE)? Jekk iva, għal kemm ġiet imġedda?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liċenzja msemmija ġiet imġedda f’Awwissu li għadda u ġiet imġedda għal ħames snin.

Ċimiterju tal-Annimali – żviluppi

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-progress u l-aħħar żviluppi fil-bini taċ-Ċimiterju tal-Annimali, u jgħid jekk għadux mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċimiterju għall-annimali se jkun qed jitwettaq matul din il-leġiżlatura, hekk kif imfisser ukoll fil-manifest elettorali approvat mill-maġġoranza assoluta tal-poplu nhar is-26 ta’ Marzu li għadda.

L-Imġarr Malta – direzzjoni lejn il-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħalissa fl-Imġarr biex tmur minn Triq l-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit, direzzjoni lejn il-Mosta, wieħed irid ikollu jieħu dawra u jdur mar-roundabout ’il fuq mit-tempji ta’ Skorba u l-knisja taż-Żebbiegħ, meta qabel kien iktar faċli li jsir dan u hemm metodi effiċjenti biex jiġi ffrankat dan id-dewmien żejjed?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għamlet proġett b’investiment ta’ madwar €6 miljun għal aktar sigurezza fi Triq l-Imġarr, ir-rotta prinċipali bejn il-Mosta u l-Imġarr. Din it-triq twila 3 kilometri, li hija wkoll waħda mir-rotot ewlenin lejn in-naħa ta’ fuq (tramuntana) ta’ Malta u li ħafna jirreferu għaliha bħala l-Bypass tal-Imġarr, qabel kienet magħmulha minn karreġġjata waħda b’korsija lejn kull direzzjoni, u bankina wiesgħa fuq naħa li kienet tintuża wkoll bħala korsija għar-roti minkejja li kienet pavimentata. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn vetturi li jkunu ġejjin kontra xulxin. F’diversi partijiet minnha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet fiha li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqla’ lil oħra. Wara diversi appelli li sarulha kemm minn membri tal-pubbliku li spiss jużaw din it-triq, mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u saħansitra minn paramediċi, Infrastructure Malta fasslet proġett biex ittejjeb is-sigurezza ta’ din it-triq u tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti f’din ir-rotta bejn l-Imġarr u l-Mosta. Minbarra li bniet it-triq mill-ġdid kif ukoll il-bankina t-tul kollu tagħha biex tejbet l-aċċess għal min jgħaddi minnha bil-mixi, l-aġenzija ħolqot żewġ karreġġjati separati billi poġġiet bollards u barrikati ġodda li jifirdu l-korsiji li baqgħu waħda f’kull direzzjoni. Dawn il-barrikati jnaqqsu r-riskji li vetturi jinqalbu jew jaħbtu ma' vetturi ġejjin mid-direzzjoni opposta, u b'hekk inaqqsu r-riskji ta' ġrieħi serji. Barra minn hekk, it-triq issa għandha wkoll korsija speċfikament għar-roti fuq kull naħa. Biex jittejjeb l-aċċess f’din it-triq saru wkoll punti ta’ qsim għal min jgħaddi minnha bil-mixi, kif ukoll inbniet roundabout ġdida fil-junction mat-triq li twassal għall-inħawi ta’ L-Imselliet biex tipprovdi konnessjonijiet aktar siguri lejn iż-żewġ skejjel li hemm f’din iż-żona billi servi wkoll bħala miżura oħra għat-trażżin fis-sewqan. L-istess proġett kien jinkludi wkoll titjib simili għal aktar sigurezza anke fi Triq Sir Temi Zammit fejn saret roundabout oħra fil-junction ma’ Triq il-Ħżejjen, kif ukoll infetħet triq li kienet skemata li tgħaqqad din it-triq ma’ Triq iż-Żebbiegħ. L-iskema implimentata tal-ġestjoni tat-traffiku, kif approvata minn Transport Malta, hija maħsuba biex tipprijoritizza l-influss prinċipali tat-traffiku u tnaqqas il-konġestjoni fil-ħruġ mill-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit. B’hekk, dawk li jkunu qed jivjaġġaw lejn it-tramuntana tul Triq Sir Temi Zammit jistgħu jipproċedu għall-Bypass tal-Imġarr jew jibqgħu għaddejjin fl-istess triq, mingħajr ebda ostaklu minn traffiku li jaqsam biex imur fid-direzzjoni tan-nofsinhar. Kull min ikun ħiereġ mill-Imġarr lejn in-nofsinhar jista’ jingħaqad mat-traffiku lejn it-tramuntana, imbagħad jibdel id-direzzjoni fir-roundabout ġdida li saret aktar ‘il fuq. Bħala miżura oħra ta’ sigurtà f’din iż-żona wkoll tpoġġew bollards biex jiggwidaw it-traffiku u hekk jkun evitat li jsir qsim. Għalkemm hija ftit itwal, din ir-rotta hija ferm aktar sigura u effiċjenti waqt li naqqset ir-riskji t’aċċidenti li kien hemm qabel biex wieħed joħroġ mil-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit.

Proġetti infrastrutturali – Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il siġra ġiet maqlugħa biex isiru proġetti infrastrutturali s’issa fis-sena 2022? Kemm tħawlu siġar ġodda minflok dawk li nqalgħu f’dawn il-proġetti? Mis-siġar li nqalgħu biex jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħrajn, kemm ġew salvati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta jkun hemm ħtieġa li jitneħħew siġar minħabba infrastruttura pubblika ġdida, Infrastructure Malta tikkollabora mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex tikseb il-permessi meħtieġa u tiżgura li l-impatt ambjentali jkun l-inqas possibbli. L-aġenzija tagħmel l-almu tagħha biex siġar li jkollhom jitneħħew, sakemm ma jkunux speċi aljeni u invażivi, terġa’ tħawwilhom fl-istess inħawi u fejn dan ma jkunx possibbli jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħra. Apparti siġar li ma kienux speċi indiġeni u protetti, din is-sena kellhom jinqalgħu 58 siġra li mbagħad reġgħu tħawlu mill-ġdid ħafna minnhom f’postijiet oħra fl-istess inħawi u l-aġenzija għadha tieħu ħsiebhom biex tiżgura li jibqgħu jikbru. L-ERA tobbliga wkoll lill-aġenzija sabiex bħala kumpens, tħawwel għadd ta’ siġar għal kull waħda li titneħħa, kif stipulat fil-liġijiet ambjentali. Madankollu, Infrastructure Malta tagħmel aktar minn hekk, għaliex tħawwel ferm aktar siġar minn kemm tkun obbligata li tagħmel. Fil-fatt, fl-aħħar tliet snin, l-aġenzija ħawlet mal-44,000 siġra u 40,000 arbuxell u pjanti oħrajn f’postijiet urbani u rurali differenti madwar il-pajjiż. Din il-ħidma ambjentali saħansitra kienet tinkludi l-ħolqien ta’ tliet imsaġar ġodda, wieħed f’Bengħajsa, Birżebbuġa ħdejn il-Malta Freeport, ieħor fejn qabel kien hemm niżla wiesgħa li kienet tgħaqqad Triq Reġjonali ma’ Triq il-Wied tal-Imsida u masħar madwar id-dar tal-Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ, li titmexxa minn Caritas Malta. L-aġenzija qed tiżgura wkoll is-servizzi meħtieġa sabiex dawn l-eluf ta’ siġar jibqgħu jissaqqew u jiġu kkurati għal numru ta’ snin, sakemm jaqbdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom.

Database tal-entitajiet governattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-entitajiet tal-Gvern għandhomx database bl-informazzjoni synced flimkien, jew inkella l-informazzjoni trid tgħaddi għand kull entità b’mod separat? Jekk persuna tibdel l-indirizz tad-dar mal-Identity Malta, din l-informazzjoni tgħaddi għand dipartimenti oħrajn, bħad-Dipartiment tat-Taxxa, b’mod awtomatiku, jew trid tinforma lid-dipartimenti kollha b’mod separat?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-informazzjoni li jagħti l-klijent lil xi entità governattiva ma titqassamx awtomatikament ma’ kull dipartiment jew entità oħra minħabba kunsiderazzjonijiet varji fosthom dawk legali. Madankollu kull dipartiment/entità li jkollha bżonn tali informazzjoni għandu aċċess għal common database li fihom isib din informazzjoni aġġornata li jkun għadda l-klijent.

Qrati — Każi ta’ vjolenza domestika – Maġistrati assenjati

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex skont figuri mill-Qrati Maltin hija biss maġistrat waħda assenjata li tiddeċiedi l-każijiet ta’ vjolenza domestika? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li tittieħed azzjoni biex każi ta’ dan it-tip jinstemgħu quddiem aktar minn maġistrat wieħed u allura jitnaqqas id-dewmien sakemm jinstemgħu l-każi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija, niġbed l-attenzjoni lill-Onor. Interpellant li kien biss f’dawn l-aħħar snin li ġie assenjat maġistrat apposta fuq is-suġġett tal-vjolenza domestika biex b'hekk dawn il-każijiet jingħataw l-attenzjoni u l-ispeċjalizzazjoni mistħoqqa. Tajjeb ngħidu li l-prerogattiva hija tal-Prim Imħallef dwar kif jiġu mqassma d-dmirijiet tal-maġistrati. Nagħmel referenza wkoll għad-diskors tal-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi, fejn semma l-ħtieġa ta' maġistrat ieħor fuq dan il-qasam. Filwaqt li nirreferu għall-komunikat tal-istampa datat 3 t'Ottubru 2022, fejn il-Gvern ikkommetta ruħu li fi żmien qasir jinħarġu sejħiet ghall-membri ġodda fi ħdan il-ġudikaturi.

Donaturi tal-organi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala donaturi tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum hemm 26929 persuna rreġistrati bħala donaturi tal-organi.

Trasport pubbliku — Proġett pilota ta’ autonomous buses

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 882, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett pilota ta’ autonomous buses u jagħti indikazzjoni taż-żmien meta l-proġett ikun jista’ jibda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tigi mwiegba seduta ohra.

Ippjanar ta’ żvilupp urban — Aesthetics Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Kif imwiegħed fil-Budget tal-Gvern għall-2022 u kif ikkonfermat fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-istess sena, il-Gvern huwa kommess li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban.

Residenti fid-djar tal-anzjani – Assessjar dwar kapaċità li jivvotaw

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-proċedura li biha jiġu evalwati pazjenti fid-djar tal-anzjani dwar il-kapaċità tagħhom li jivvotaw, u jagħti rendikont xahar b’xahar ta’ kemm pazjenti ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tireferri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità Maltija tat-Turiżmu –Arretrati ta’ liċenzji ta’ operaturi turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574 u 1842 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

L-Imġarr Malta u Ħaż-Żebbuġ – Tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħadet u se tkompli tieħu l-Enemalta biex issaħħaħ l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tad-dawl eżistenti fil-lokalitajiet li matul l-aħħar xhur l-aktar li kienu affettwati minn qtugħ ta’ dawl u vultaġġ baxx, partikolarment fl-Imġarr (Malta) u Ħaż-Żebbuġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-Imġarr u Ħaż-Żebbuġ saru diversi xogħlijiet ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distrubuzzjoni fejn f’għadd ta’ toroq ġew installati Line Voltage Regulators. Din is-sistema diġà bdiet tagħti riżultati tajbin. L-Enemalta qiegħda tagħmel ukoll interventi ta’ tisħiħ tal-linja, żieda fil-feeders u substations f’lokalitajiet mifruxa ma’ Malta u Għawdex għal distribuzzjoni aħjar. Kif tħabbar fil-bidu ta' din is-sena, l-Enemalta qed taħdem fuq pjan ta' sitt snin b'investiment ta' 15-il miljun ewro fis-sena biex isaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena sar investiment ta' 11-il miljun ewro u f'ċerti oqsma anke inqabżu l-miri stabbiliti. Il-proġetti qed jissoktaw u l-ewwel riżultati diġà dehru fosthom għaliex das-sajf minkejja li żdiedet id-domanda u inqabżu r-rekords, kien hemm tnaqqis ta' 33 fil-mija fil-qtugħ tad-dawl meta imqabbel mas-sajf tas-sena li għaddiet.