Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kariga ta’ Direttur Ġenerali tad-Dwana bħalissa hijiex vakanti? Jekk iva, kien hemm applikazzjonijiet biex jimtela l-post vakanti? Il-proċedura tal-applikazzjonijiet kienet konkluża? Jekk iva, għalfejn ma ġie magħżul ħadd mill-applikanti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Dwana) hija vakanti, madankollu l-Kummissarju għat-Taxxi reġa’ ħa lura d-drittijiet, dmirijiet, setgħat u funzjonijiet kollha li huma mogħtija lilu taħt l-Ordinanza tad-Dwana, l-Att dwar id-Dazji ta’ Importazzjoni, l-Att dwar id-Dazju tas-Sisa u kull regolament magħmul taħthom b’effett mis-27/04/2022 (Gazzetta tal-Gvern Nru 20,855). Is-sejħa ġiet ippubblikata f'Ġunju 2022 u l-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jiġi ffaċilitat il-vjaġġ minn Ħ’Attard għal Ħaż-Żebbuġ, u viċi versa, peress li bħalissa wieħed irid jieħu triq twila biex imur minn post għall-ieħor, fejn qabel kienet ferm eħfef biex wieħed jagħmel dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jitlesta l-Imrieħel Underpass Project, l-aċċess minn Ħ’Attard għal Ħaż-Żebbug se jkun permezz tar-roundabout il-ġdida li qed tinbena fuq il-mina li se tipprovdi rotta diretta għall-vetturi biex iduru lejn is-Central Link u għal Ħaż-Żebbuġ minn Triq Ħ’Attard. Alternattivament, l-aċċess għal Ħaż-Żebbuġ huwa possibbli wkoll mir-roundabout Ta’ Srina permezz ta’ Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbug (magħrufa bħala l-Bypass ta’ Ħaż-Żebbug). L-aċċess minn Ħaż-Żebbuġ għal Ħ’Attard diġà jeżisti b’rotta diretta minn Triq Ħ’Attard għas-Central Link.
Bħalma għamlet il-Mini ta’ Santa Luċija biex iżżid il-benefiċċji tal-Marsa Junction Project tul ir-rotta prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat l-Imrieħel Underpass Project biex ittejjeb l-impatti pożittivi tas-Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina ġdida tal-Imrieħel, li issa ilha miftuħa ġimagħtejn, tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Din il-mina, twila 60 metru u b’żewġ korsiji, se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida minflok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, il-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), se jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, l-Imrieħel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-punti ta’ qsim ħdejn ir-roundabout se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta twila erba’ kilometri għall-mixi u r-roti li l-aġenzija bniet diġà permezz tas-Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.
Bajja ta’ Fra Ben – liċenzja għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2196, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzja sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja ta’ Fra Ben?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2198, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tar-Ramla?
B’referenza ghat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2197, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-encroachment mil-Lands li hemm fit-triq li tagħti għall-bajja tar-Ramla?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Kemmuna – kuntratti ta’ kirjiet ta’ siti fil-bajjiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2212, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li permezz tagħhom is-siti ġewwa l-Bajjiet ta’ Santa Marija u Blue Lagoon f’Kemmuna, ġew mikrija lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2215, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tal-Għadira?
Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn ġiet miżbugħa roundabout fi Triq is-Siġġiewi, ftit 'il fuq minn fejn kienet ir-roundabout li tneħħiet bħala parti mill-proġett ta’ Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi Junction?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192 dwar it-titjib li sar minn Infrastructure Malta fil-junction ta’ bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, nispjega li r-roundabout li qed issir referenza għaliha saret fejn Triq is-Siġġiewi tiltaqa’ ma’ Triq Luret Cutajar li tagħti aċċess u sservi wkoll ta’ ħruġ għal żona industrijali. Din ir-roundabout qed isservi bħala gwida aħjar għall-karozzi u trakkijiet li jkunu deħlin jew ħerġin minn Triq Luret Cutajar għal jew minn Triq is-Siġġiewi. Din il-gwida aħjar saret biex tonqos il-possibbiltà li jkun hemm vetturi weqfin fil-karreġġjata, hekk kif ikunu ħerġin minn Triq Luret Cutajar u jkun hem inqass impatt fuq it-traffic light junction il-ġdida li saret aktar 'l isfel.
Pulizija — każi ta’ vjolenza domestika – standard operating procedure
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2472, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ taħriġ jingħataw il-Pulizija tad-Distrett li jagħtu l-assistenza tagħhom f’każijiet ta’ urġenza relatati ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-taħriġ li jingħataw il-Pulizija tad-Distrett li jagħtu l-assistenza tagħhom f’każijiet ta’ urġenza ta’ vjolenza domestika, huwa intiż li jilħaq diversi skopi. Dan it-taħriġ isir minn persuni professjonali fil-qasam kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dawk bi snin ta’ esperjenza jaħdmu ma’ vittmi ta’ dan ir-reat. Prinċipalment it-taħriġ huwa mmirat, biex meta din l-assistenza inizjali tkun meħtieġa, l-uffiċjali jkunu konxji u kapaċi li mill-ewwel jindirizzaw is-sigurtà, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittma fuq il-post tal-inċident. Dan isir billi jagħtu sostenn u servizzi oħra, u fl-istess ħin jaraw jekk ikunx hemm il-bżonn ta’ assistenza medika jew dik ta’ aġenziji oħra, lill-vittma u persuni oħra. L-għan aħħari tat-taħriġ huwa illi l-pulizija jkollhom l-għarfien u l-ħiliet neċessarji biex iwieġbu b’mod xieraq u effettiv, waqt u wara dawn il-każijiet, u biex jassistu fl-investigazzjonijiet relatati. Dan it-taħriġ isir f’sezzjonijiet diversi ta’ tagħlim fi klassi, speċifiku jew parti mill-in-service training, u kif spjegat anke permezz tal-linji gwida, li huma intiżi wkoll biex jagħtu direzzjoni u kemm jista’ jkun, evitati ostakli.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla u jitlesta x-xogħol fuq il-bridge fi Triq il-Linja, Ħ’Attard?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet minn entitajiet oħrajn f’toroq fl-inħawi li jkun hemm bżonn jintużaw bħala rotot alternattivi. Għaldaqstant ix-xogħol fuq il-pont ikun jista’ jsir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet fir-rotot alternattivi u dawn jerġgħu jinfetħu.
Households li jagħmlu użu minn aerial biex jaraw free-to-air
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex, u n-numru ta’ households, imqassma skont il-lokalità, li għadhom jagħmlu użu minn aerial biex jaraw l-istazzjonijiet lokali free-to-air?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2193, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-beach concession biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Pretty Bay?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2195, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-concession sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Fra Ben?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu –Arretrati ta’ liċenzji ta’ operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842 u 2466 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Imġarr u Ħaż-Żebbuġ – stallazzjoni ta’ line voltage regulators
Question
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2469, tista’ l-Ministru tgħid f’liema toroq ġew stallati line voltage regulators fl-Imġarr u Ħaż-Żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-lokalitajiet inkwistjoni ġew installati tliet line voltage regulators, wieħed fi Triq il-Buskett f’Ħaż-Żebbuġ u tnejn fl-Imġarr, wieħed fi Triq Temi Zammit u ieħor fi Triq Vitale.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar, 2022 sal-aħħar ta’ Settembru, 2022? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
F’Malta, l-istatistika dwar korrimenti fuq il-post tax-xogħol hija abbinata ma’ talbiet għal benefiċċji taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, liema statistika tinġabar mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u tkun ippubblikata mill-NSO.
L-aħħar statistika ippubblikata tirreferi għall-ewwel sitt xhur tas-sena, u skont din l-istatistika, weġġgħu 1,164 persuna fuq il-post tax-xogħol.
Statistika miġbura mill-OHSA turi li fil-perjodu bejn Jannar u Settembru 2022, tilfu ħajjithom 13-il persuna waqt il-ħin tax-xogħol, inklużi 3 li mietu waqt sewqan.
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2471, jista’ l-Ministru jgħid u jispjega l-kriterji li abbażi tagħhom il-Pulizija jew l-uffiċjal tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jiddeċiedu fuq liema entratura jiddaħħlu l-akkużati fil-Qorti ta’ Malta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Persuni reġistrati bħala bdiewa residenti fl-Imġarr, Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti l-Imġarr (Malta) full-time u part-time matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Persuni reġistrati bħala bdiewa residenti fir-Rabat, Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti r-Rabat (Malta) full-time u part-time matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.