Persuni reġistrati bħala bdiewa residenti fir-Rabat, Malta
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2823 u jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti r-Rabat (Malta) full-time u part-time matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Ħal Far – proġett tat-trakka tal-karozzi — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2483 u jgħid ma’ min saret konsultazzjoni, inkluż NGOs, fuq il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm se jkun hemm Reverse Vending Machines (RVMs) installati bħala parti mill-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb f’Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat (Malta), Ħad-Dingli, l-Imtarfa, u l-Imġarr (Malta), indikati raħal b’raħal u bl-informazzjoni dwar il-postijiet fejn se jiġu installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operatur liċenzjat għandu l-obbligu jinstalla 320 Reverse Vending Machines (RVMs) madwar Malta u Għawdex.
L-iskema hija obbligata tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, azzar, aluminju jew ħġieġ. Dawn il-fliexken jew bottijiet, li jvarjaw minn 0.1 litri sa 3 litri, jinkludu;
(a) ilma u flavoured water;
(b) luminati bil-gass jew bla gass;
(d) cider, birer u xorb tax-xgħir (malt beverages);
(e) kafè lest biex jiġi kkonsmat;
(f) xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il 5%;
(g) dilutables.
Inbejjed, spirti, u meraq tal-frott (juices) huma esklużi mill-Iskema.
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk jintalabx il-kunsens tan-next of kin allavolja l-persuna tkun reġistrata bħala donatur tal-organi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull persuna li tkun għalqet is-sittax-il sena, tista’ tirreġistra biex tagħti l-organi tagħha. Jekk tkun irreġistrata bħala donatur ix-xewqa tal-individwu tiġi rrispettata wara mewtu, waqt li l-qraba tal-persuna deċeduta jiġu infurmati biss. Wara l-mewt ta’ minuri, li fiż-żmien tal-mewt ikun għadu taħt is-sittax-il sena, il-ġenituri jew kustodji legali għandhom jiġu kkonsultati fir-rigward li ssir donazzjoni ta’ organu, tessut jew ċellola. F’każ illi persuna ma tkunx irreġistrata wara mewtha, il-kliniċi jistgħu jitolbu l-kunsens tal-qraba għal donazzjoni ta’ organi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2680, jista’ l-Ministru jippubblika l-audit report li fih jinkludi l-proċess ta’ evalwazzjoni li sar lill-American University of Malta (AUM) sabiex kellha l-liċenzja mġedda għal ħames snin oħra?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab pubblika fil-website tal-MFHEA.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern addottax jew qiegħed fil-proċess li jaddotta t-teknoloġija tal-blockchain bħala parti integrali mis-sistemi tal-entitajiet u awtoritajiet tal-Gvern? Jekk iva, jista’ jispjega kif l-entitajiet u awtoritajiet governattivi jutilizzaw it-teknoloġija tal-blockchain?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-teknoloġija tal-blockchain ġiet adottata fejn tali teknoloġija tista’ tkun ta’ valur miżjud fil-proċessi li joperaw l-entitajiet tal-Gvern. Dan ifisser li mhux kull entità tista’ jew għandha bżonn taddotta din it-teknoloġija bħala parti integrali tas-sistemi jew proċessi.
Fil-preżent, it-teknoloġija tal-blockchain qed tintuża mill-Awtorità tad-Djar dwar kuntratti tal-kiri, liema soluzzjoni hija wkoll iċċertifikata mill-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA). Il-blockchain qed tintuża wkoll minn entitajiet governattivi fil-kamp tal-edukazzjoni u oħrajn rigward ċertifikati blockcerts, fejn ’il fuq minn 55 entità tagħmel użu minnhom. L-MDIA qed tassisti diversi entitajiet governattivi oħrajn li xtaqu jimplimentaw it-teknoloġija tal-blockchain f’xi proċessi li ġew identifikati bħala validi għal din it-teknoloġija, dawn jinkludu, informazzjoni fuq prodotti tal-artiġjanat f’Ghawdex, permessi tal-ippjanar, reġistri pubbliċi, u l-proprjetà intellettwali. B’kollox il-Gvern għandu 58 soluzzjoni li jużaw din it-teknoloġija u 11 oħra jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2479, jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena tal-leġiżlatura huwa previst li jitlesta u jibda jopera ċ-Ċimiterju tal-Annimali? Peress li mill-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 572 kien ippjanat li dan jitlesta sal-aħħar tas-sena 2022, jista’ jgħid jekk hemmx xi dewmien f’dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jispjega r-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux maħsub li jsir titjib fil-Petting Farm f'Ta’ Qali li skont rapport fil-midja bħalissa jinsab fi stat diżastruż u li fuqu qamu kwestjonijiet ta’ periklu u nuqqas ta’ sigurtà għal dawk li jiffrekwentawh?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li assolutament mhux minnu dak li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta fil-mistoqsija tagħha. Tajjeb ngħid ukoll li Parks Malta tieħu ħsieb biex regolarment issir il-manutenzjoni meħtieġa ħalli dan il-post jattira dejjem aktar viżitaturi li jixtiequ jkunu qrib tal-annimali u n-natura. Bl-istess mod se nkomplu nipprovdu l-aħjar kura lil dawn l-annimali li hemm fil-Petting Farm.
Iż-Żebbiegħ — Triq Sir Temi Zammit - vetturi li jagħmlu u-turns wara l-bollards
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir xi ħaġa biex jitwaqqaf l-abbuż li qed isir bħalissa fi Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr fejn hemm vetturi jagħmlu u-turn wara l-bollards biex jevitaw li jduru mar-roundabout taż-Żebbiegħ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jara li l-età legali taż-żwieġ titla’ għal 18-il sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern qed jara x’passi jistgħu jittieħdu, anke fid-dawl tat-tibdil li seħħ fis-soċjeta tagħna min mindu daħlet il-liġi taż-żwieġ f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jitjieb is-servizz tal-karozzi tal-linja għall-benefiċċju tar-residenti li jgħixu fil-limiti tar-Rabat (Malta), b’mod partikolari jekk hemmx ħsieb li r-rotta 109, li bħalissa tgħaddi minn postijiet bħall-Baħrija, l-Għemmieri, Tas-Salib u s-Saqqajja kull sagħtejn, tibda tgħaddi b’mod iżjed frekwenti, ngħidu aħna kull siegħa bħalma kienet tgħaddi sa ftit snin ilu? Hemm ħsieb li jiżdiedu aktar rotot li jgħaddu mil-limiti tar-Rabat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li nixtieq nibda billi nagħmel osservazzjoni dwar ir-rotta 109/109A. Infurmat li din ir-rotta sservi l-Baħrija, is-Saqqajja, u r-Rabat kull siegħa u mhux kull sagħtejn.
Fil-preżent Transport Malta qiegħda ssegwi l-andament tar-rotot, partikolarment dak li għandu x’jaqsam ma’ frekwenzi u “capacity” sabiex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm.
Trasport Pubbliku — Proġett Pilota ta' Autonomous Buses
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2476 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 882, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett pilota ta’ autonomous buses u jagħti indikazzjoni taż-żmien meta l-proġett ikun jista’ jibda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2476.
Ħal Far – proġett tat-trakka tal-karozzi — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2483 u jgħid ma’ min saret konsultazzjoni, inkluż NGOs, fuq il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-trakka tal-karozzi ilha fil-post li tinsab illum għexieren ta’ snin. Se jsir titjib u estensjoni fuq l-infrastruttura e¿istenti, f’art li diġa hi u¿ata għal skopijiet jew industrijali jew sportivi. Dan il-proċess kien jinkludi diversi stakeholders inkluż il-Malta Motorsport Federation.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega l-proċedura li biha jiġu evalwati pazjenti fid-djar tal-anzjani dwar il-kapaċità tagħhom li jivvotaw u jagħti rendikont xahar b’xahar ta’ kemm-il pazjent ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022 (s’issa)?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
Il-Bord Mediku huwa mwaqqaf skont l-artikolu 14 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354), li jistabbilixxi li:
“(1) Għandu jitwaqqaf Bord Mediku li lilu jiġu riferiti kwistjonijiet dwar jekk persuna li tkun applikat biex tiġi reġistrata bħala elettur jew li tkun diġà hekk reġistrata, tkunx skwalifikata milli tiġi hekk reġistrata skont l-artikolu 58(a) tal-Kostituzzjoni.
(2) Il-Bord Mediku għandu jkun magħmul minn tabib maħtur mill-Kummissjoni, li għandu jippresjedi, u tabib maħtur minn kull wieħed mill-partiti politiċi. Il-Bord Mediku għandu jitqies bħala li jkun twaqqaf validament ġaladarba jkun inħatar it-tabib li jippresjedi jew xi wieħed mill-membri.”
Skont l-Artikolu 27 (5) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali: “Il-Bord Mediku għandu jirregola l-proċeduri tiegħu stess.”
Il-każijiet għall-assessjar tal-kapaċità ta’ votant li jivvota f’elezzjoni, jiġu riferuti lill-Bord Mediku wara li jkun sar Cognitive Test li tfassal mill-Bord Mediku stess.
Skont l-Artikolu 27 (3) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali: “Id-deċiżjonijiet tal-Bord Mediku li elettur ikollu inabilità tal-moħħ għandhom jittieħdu b’vot unanimu u għandhom jitwasslu bil-miktub lill-Kummissjoni li wara tgħarraf lill-elettur bihom.”
Rendikont dwar id-deċiżjonijiet tal-Bord Mediku ta’
votanti li ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022.
Jannar sa Ottubru 2021
Il-Bord Mediku ma ltaqax minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-pandemija u sakemm tfassal cognitive test ġdid.
Hekk kif tlesta t-tfassil tal-Cogitive Test, saru l-Cognitive Tests fuq il-votanti residenti fid-Djar tal-Anzjani u dawk li qabżu l-iskala stabbilita mill-Bord Mediku ġew riferuti lill-Bord Mediku għal deċiżjoni finali dwar l-eliġibilità tagħhom bħala votanti.
Novembru 2021
9 votanti ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Diċembru 2021
8 votanti ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Frar 2022
34 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
April 2022
27 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Mejju 2022
93 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Ġunju 2022
20 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Lulju 2022
55 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Awwissu 2022
25 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Settembru 2022
43 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.
Liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2477, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun ippreżentata l-Liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban u jgħid jekk hux se jkun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Jiġi ċċarat li l-Gvern mhux ser ikun qed jippreżenta liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban. Il-Gvern ser ikun qed jintroduċi aesthetics policy fil-qafas tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016 li jipprovdi l-proċedura li trid tkun segwita biex policy bhal din tidħol fis-seħħ. Din il-proċedura tirrikjedi konsultazzjoni pubblika f’diversi stadji tat-tfassil tal-policy. Il-policy tiġi ppreżentata meta jkunu tlestew ir-rapporti tekniċi dwar din il-materja li tolqot aspetti wiesgħa tal-ippjanar, l-ambjent, l-arkitettura u l-kostruzzjoni. Għalhekk, irid jingħata ż-żmien adegwat biex jitħejja abbozz ta’ proposti maħsuba u bilanċjati li jilħqu l-għan aħħari li ssir qabża fil-kwalità tal-ambjent urban.
Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concession mil-Lands biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tal-Għadira fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija waħda interna tal-Awtorita tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Madankollu l-Onorevoli Interpellant se tingħata ċ-ċans li tara hi personalment id-dokument mitlub.
Bajja tal-Armier – liċenzji għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2213, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier?
Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions mil-Lands biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija waħda interna tal-Awtorita tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Madankollu l-Onorevoli Interpellant se tingħata ċ-ċans li tara hi personalment id-dokument mitlub.