Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — rapporti ta' undervoltage jew overvoltage

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta mill-1 ta' Jannar tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u telenka wkoll il-lokalitajiet minn fejn saru r-rapporti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-20 ta’ Frar 2023, saru lill-Enemalta 1540 rapport dwar vultaġġ għoli li minnhom ġew riżolti 1180 rapport u saru 3258 rapport dwar vultaġġ baxx li minnhom ġew riżolti 2418 -il rapport. Dawn huma mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bħalissa l-Enemalta għaddejja bi proġett ta’ 90 miljun ewro mifrux fuq sitt snin biex tindirizza l-problema ta’ varjazzjoni ta' vultaġġi. Fl-ewwel sena diġà saru ħafna xogħlijiet li kienu jinkludu fost oħrajn żieda ta’ 48 substations, tisħiħ fit-tliet Ċentri ta’ Distribuzzjoni, 80 feeders ġdid u tibdil ta’ mitt kilometru ta’ linji tal-elettriku. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 1472 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 13 ta' Marzu 2023 f'Seduta 98)

Awtorità tal-Artijiet – rapporti dwar imwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2022 kemm-il rapport sar mill-pubbliku jew entitajiet pubbliċi oħrajn lill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, l-Awtorità tal-Artijiet irċeviet total ta’ 23 rapport fuq imwejjed u siġġijiet.

MCCAA – passi kontra l-abbuż fil-prezzijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħadet jew ser tieħu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jitwaqqfu abbużi fejn kummerċjanti jew negozji qed jgħollu l-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħrajn u li allura qegħdin jikkawżaw biex ħafna prodotti tal-ikel jogħlew?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-liġijiet li tamministra l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, abbuż fil-prezzijiet jirriżulta biss meta ż-żieda fil-prezzijiet ikun riżultat ta’ ftehim antikompettitiv bejn in-negozji, fejn żewġ kumpaniji jew aktar jiftiehmu biex jgħollu l-prezzijiet jew meta ż-żieda ssir minn kumpanija li qiegħda f’pożizzjoni dominanti u din tabbuża minn dik il-pożizzjoni fejn timponi prezzijiet li jitqiesu eċċessivi. Mill-monitoraġġ tal-prezzijiet fis-suq ta’ numru ta’ prodotti tal-ikel li tagħmel l-Awtorità, ma hemmx indikazzjoni ta’ ksur potenzjali tal-liġi, f’dan ir-rigward.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – medja ta' każijiet li jinstemgħu minn arbitru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-medja ta’ każijiet li kull arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ fis-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ medja ta’ 95 każ fis-sena. Din il-medja hija bbażata fuq is-sena 2022.

Għawdex — Spezzjonijiet fl-2022

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5710 u jgħid kemm saru spezzjonijiet ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet f’Għawdex matul is-sena 2022, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ spezzjonijiet ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet f’Għawdex matul is-sena 2022 jammontaw għall-133. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispezzjonijit li saru xahar b’xahar u skont il-lokalità.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ konċessjoni li ngħatat mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Bajja ta’ Little Armier għat-tliet lidos li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Lista ta' stennija tal-Katarreti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5666 u jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għall-persuni li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti? Kemm hija l-medja li wieħed idum jistenna biex jagħmel din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istennija għal operazzjoni tal-katarretti tiddependi mill-urġenza tal-każ. Waqt li dawk urġenti jkollhom appuntament ravviċinat, għal dawk li mhux meqjusa bħala urġenti l-istennija hija ta’ madwar 257 ġurnata.

Kemmuna beach concessions – public tender

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5620, peress li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari li rreferieni għaliha ma tweġibx il-mistoqsija li saritlu, għaliex il-mistoqsija tiegħi kienet rigward is-sejħa tal-kuntratt li kien skada fl-2020, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5620 u jgħid jekk il-kuntratt li kien skada fl-2020 ingħatax wara sejħa pubblika għall-offerti? Jekk iva, jista’ jgħid meta nħarġet din is-sejħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għar-risposti tad-domandi 5620 u 4046, ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li twieġeb sar wara li ħarġet sejħa pubblika.

Awtorità tal-Artijiet – konċessjonijiet fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta daħlu fis-seħħ il-konċessjonijiet li ngħataw mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Bajja ta’ Little Armier għat-tliet lidos li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll għal kemm-il sena ngħataw, meta jiskadu u lil min ingħataw?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija 5714.

Awtorità tal-Artijiet – sejħa pubblika għal għoti ta’ konċessjonjiet fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika li saret sabiex jingħataw il-konċessjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Bajja ta’ Little Armier għat-tliet lidos li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħiet pubbliċi.

Problema ta’ noise pollution

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5615, peress illi hemm numru ta’ leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw noise pollution, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jiġi ppreżentat abbozz li jikkonsolida l-liġi dwar il-ħsejjes b’mod ħolistiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-obbligi dwar il-ħsejjes fl-Ambjent huma koperti permezz tar-Regolamenti msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2258 hekk kif rekwiżit mid-Direttiva 2002/49/KE (Environmental Noise Directive).

Ministeru għat-Turiżmu – xogħlijiet ta’ rinnovar fil-binja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħlijiet ta’ rinnovar li saru fil-binja li bħalissa qiegħed jokkupa l-Ministeru għat-Turiżmu minn meta din il-binja bdiet tinkera lill-istess Ministeru, maqsuma skont it-tip ta’ xogħol li sar, id-dati li fihom saru x-xogħlijiet, kif ingħata kull kuntratt għax-xogħlijiet li saru u l-ispiża ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rinnovar li saru fil-Ministeru għat-Turiżmu mill-2022 kienu ta’ natura minuri sabiex l-impjegati tagħna, inkluż dawk tas-Servizz Pubbliku, jaħdmu f’ambjent aħjar, iktar sigur u fl-istess ħin ikunu aktar motivati. Dan filwaqt li x-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, mingħajr il-bżonn ta’ xiri pubbliku tas-servizzi relatati. Il-materjal għal dan ir-rinnovar li jaqbeż il-€500 inxtara kif ġej: Deskrizzjoni Proċedura Prezz Light fittings Sejħa bl-imejl: RfQ/08/2022 €1834.80 Hanging Lights Procurement Policy Note #32 b) When for technical or artistic reasons, or for reasons connected with the protection of exclusive rights, the services may be provided only by a particular economic operator; €1082.20 Soffit mounted LED track light and spots with spikes for planter Sejħa bl-email fejn ġew sottomessi iktar minn 3 offerti validi: RFQ 18/2022/ RFQ €795.48 Emergency Lights Sejħa bl-email: RFQ/10/2022/MFT €812 Outdoor decking Sejħa pubblika fuq l-epps: MFT/15/2022/CfQ €9942.40 2 ACs of 24,000 BTUs Sejħa bl-email fejn ġew sottomessi iktar minn 3 offerti validi: RFQ/31/2022/MFT_Re-issue €1306.74 Gypsum Boards Sejħa pubblika fuq l-epps: MFT/10/2022/CfQ €8,245 Paint Sejħa pubblika fuq l-epps: MFT/09/2022/CfQ €756 Kitchenette Sejħa pubblika fuq l-epps: MFT /11/2022/CfQ €3136.50 Appliances Sejħa bl-email wara sejħa pubblika fuq l-epps: RFQ/24/2022/MFT €1520.34 1 AC of 18,000 BTUs Sejħa bl-email: RFQ/AC/001/2022 €694.49 Gypsum Fittings Sejħa bl-email fejn ġew sottomessi iktar minn 3 offerti validi: CMD/597/22 – CMD/630/22 – CMD/715/22 €2281.55 Melamine natural oak Sejħa bl-email fejn ġew sottomessi iktar minn 3 offerti validi: CMD/713/22 €4400 Core wiring Sejħa bl-email fejn ġew sottomessi iktar minn 3 offerti validi: CMD/718/22 €1729.41 Qed isir kull sforz possibbli sabiex informazzjoni qabel l-2022 tiġi kumpilata.

Ministeru għat-Turiżmu – ħlas tal-kera tal-binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-kirja fis-sena tal-binja li bħalissa qiegħed jokkupa l-Ministeru għat-Turiżmu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kirja fis-sena hija ta’ €86,369.40 liema ammont jitħallas mill-Ministeru għat-Turiżmu lill-Awtorità tal-Artijiet.

ERA – Strategic Noise Maps Assessment 2021

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-iStrategic Noise Maps Assessment tal-2021 mhuwiex disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), liema mapep tal-ħsejjes strateġiċi li juru s-sitwazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti kellhom isiru ħames snin wara l-aħħar assessment li hemm disponibbli, dawk li saru fl-2016, skont ir-Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (L.S.549.37)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iStrategic Noise Maps għas-sena bażi 2021 qed jiġu ppreparati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Dawn se jkunu disponibbli fuq il-website tal-ERA meta jiġu ffinalizzati.

ERA – Noise action plans

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-noise action plans kollha li l-awtorità kompetenti fasslet sal-ġurnata tal-lum u li l-ewwel pjan ta’ azzjoni kellu jkun lest sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2008 u jiġu riveduti mill-inqas kull ħames snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel pjan ta’ azzjoni kien inħareġ għall-konsultazzjoni pubblika f’Ġunju tal-2011 u ġie ppubblikat fl-2012. Dan huwa disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Il-pjan beda jiġi rivedut fis-sena 2019, fejn din id-darba skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/49/KE u r-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u Maniġġar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (L.S.549.37), riedu jiġu mfassla żewġ pjanijiet. L-ewwel wieħed ikopri l-ħsejjes li ġejjin mit-toroq maġġuri f’Malta, u dan huwa aġġornament tal-pjan li ħareġ fis-sena 2012. Il-pjan l-ieħor ikopri s-sorsi tal-ħoss li jinsabu fl-agglomerazzjoni (l-inħawi ta’ madwar il-port). Dan l-aħħar pjan ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika f’Novembru li għadda għal perjodu ta’ sitt ġimgħat, u l-abbozz huwa disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Bħalissa qed jiġu analizzati l-kummenti li l-ERA rċeviet wara l-konsultazzjoni pubblika, sabiex il-pjan ikun jista’ jiġi iffinalizzat.

Lista ta' stennija — tneħħija tal-marrara

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5667 u jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għall-persuni li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tat-tneħħija tal-marrara? Kemm hija l-medja li wieħed idum jistenna biex jagħmel din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti li qed jistennew għal din il-proċedura aktar minn dak stipulat fil-Patient Charter huma 138, waqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant illi l-pandemija kellha impatt drastiku fuq l-operat normali tal-isptar, li naturalment ħalla effett fuq il-listi ta’ stennija kollha.

Forti Binġemma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Forti Binġemma għadhiex okkupata illegalment minn squatters? Jekk iva, jista’ jgħid meta l-Awtorità tal-Artijiet se tieħu azzjoni biex dawn jiġu żgumbrati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Forti Binġemma kienet ingħatat b’kirja għal-16-il sena fejn din skadiet fit-8 ta’ Ottubru 1997. F’dak iż-żmien, din il-kirja baqgħet tiġi mġedda annwalment, sakemm din saret ukoll tintuża bħala residenza bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-istess kirja. Għalkemm matul iż-żmien saru ħafna diskussjonijiet sabiex tissolva din il-problema, issa din waslet fil-punt fejn m’hemmx soluzzjoni oħra ħlief li tiġi żgumbrata din il-proprjetà. Fid-dawl tal-fatt illi spezzjonijiet reċenti juru biċ-ċar illi l-proprjetà inkwistjoni għadha qiegħda tiġi okkupata minn mara anzjana, ċjoè waħda mill-inkwilini oriġinali, flimkien ma binha, qegħdin isiru sforzi sabiex tinstabilhom akkomodazzjoni alternattiva qabel ma jiġi fis-seħħ l-iżgombru.