Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lands Authority — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5711 u 6596, u jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tal-Artijiet fl-aħħar għaxar snin? Kemm minn dawn għadhom pendenti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Artijiet bdiet taċċetta domandi mill-pubbliku fil-forma ta’ applikazzjonijiet, u żżomm rekord diġitali ta’ dawn mill-1 ta’ Settembru 2020 biss. Qabel dan, it-tweġiba tar-risposta tkun tirrekjedi tfittxija manwali fil-files kollha ta’ l-Awtorità. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant mitluba tikkunsidra li tillimita l-iskop tal-mistoqsija għal dawk l-applikazzjonijiet li ġew sottomessi sa mit-twaqqif tal-Awtorità u t-tħaddim tas-sistema tal-Online Forms.

MCC – kariga ta’ CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta' xogħol tinvolvi l-kariga ta’ CEO ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għad-dokument impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6560, ninfurmaha li r-rwol ta’ CEO m’għandux sigħat fissi. Ix-xogħol ta’ CEO jitkejjel fuq il-kwalità u l-prestazzjoni aktar milli fuq il-kwantità. Il-kisbiet li għamel is-CEO ta’ Dar il-Mediterran huma bla preċedent. Il-finanzi tal-MCC huma fuq sisien sodi wara li l-entità rreġistrat profitti operazzjonali rekord minkejja li għaddiet minn pandemija u saru investimenti massivi fil-propjetà b’medja ta’ €1.05m fis-sena għall-kuntrarju ta’ €190,000 fis-sena li kienu jiġu investiti mill-amministrazzjoni preċedenti bejn l-2008 u l-2012.

Awtorità tal-Artijiet – sejħa għall-offerti CT 2163/2021 – kandidati eleġibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikanti li ssodisfaw il-kriterji sabiex jitqiesu eleġibbli għas-sejħa għall-offerti maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet “Provision of Professional Services of lawyers to provide legal services to the Lands Authority” (CT 2163/2021)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lista ssib l-applikanti li ssodisfaw il-kriterji sabiex jitqiesu eliġibbli għas-sejħa għall-offerti. Tender ID Name of Tenderer 170072 Kris Scicluna 170058 ACJ Cleaning and Hospitality Services Ltd 170051 Aequitas Legal 170029 Dr. Marc Sant 169970 Alexia J Farrugia Zrinzo 169969 Lara Chetcuti 169737 Karl Tanti 169703 Dr Stephanie Abela 169582 Dr Justyne Caruana 168974 Luke Dalli 168972 Matthew Paris 168773 Josephine’s Law Firm

Organ donation – presumed consent policy

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet li jintroduċi policy ta’ presumed consent fejn id-donazzjoni ta’ organi ssir opt-out minflok opt-in?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema ta’ kif wieħed isir donatur tal-organi f’Malta hi li jekk pazjent ma jkunx wera preferenza matul ħajtu ikun ikkunsidrat bħala ‘presumed consent’ għad-donazzjoni, jekk ikun hemm ukoll il-kunsens tal-qraba.

Dipartiment tal-Emerġenza — stennija medja għall-għoti ta’ sodda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hija l-istennija medja sakemm pazjent mill-Emerġenza jingħata sodda f’ward?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħin medju ta’ bejn meta tittieħed deċiżjoni li pazjent ikun ammess fl-isptar mid-dipartiment tal-Emerġenza sakemm jitla' fis-sodda ġo sala huwa ta’ 3 sigħat.

Sptar Mater Dei — uniformijiet ġodda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi s-sitwazzjoni dwar l-uniformijiet ġodda għal ċertu ħaddiema fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema ħaddiema qed tirreferi.

Rabat – żona tad-Dwejra – tiswija tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tissewwa parti minn trejqa fiż-żona tad-Dwejra, limiti tar-Rabat Malta (id-dettalji tal-post eżatt fejn hemm il-ħsara qegħdin jingħataw separatament), fejn waqgħet parti mit-triq u l-ħajt,u hemm ukoll qsim fit-tarmak?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali fit-toroq li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, fosthom fir-Rabat, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Mosta – uffiċċju tas-servizzi soċjali – rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa prevvist li jitlesta x-xogħol ta’ rinnovar li għaddej bħalissa fl-uffiċċji tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellanta tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

BCA – persuni responsabbli mill-assessjar ta’ method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u x’inhuma l-kwalifiċi tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Imtarfa – Ċentru Terapewtiku – żviluppi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6666, jista’ l-Ministru jgħid jekk bit-tweġiba tiegħu huwiex qiegħed jikkonferma li sa mill-ġurnata li wieġeb il-mistoqsija parlamentari 3275 ma kien hemm l-ebda żviluppi relatati mal-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dan li stadju m'hemmx informazzjoni oħra x’tiġi miżjuda.

Imtarfa – Ċentru Terapewtiku – konsultazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6667, peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentrari 3275 u din ma twieġeb xejn dwar konsultazzjonijiet li saru rigward dan il-proġett, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li saritlu u jgħid jekk sarux aktar konsultazzjonijiet dwar il-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa wara l-laqgħa li saret mar-residenti tal-Imtarfa f’Awwissu tal-2022?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6933.

Imtarfa – Ċentru Terapewtiku – għażla tas-sit

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6668, jista’ l-Ministru jgħid mill-artijiet tal-Gvern madwar Malta u Għawdex għalfejn intgħażel is-sit partikolari fl-Imtarfa għall-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba, u dan peress illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3275 li rreferieni għaliha l-Ministru ma tispjegax ir-raġunijiet wara din l-għażla imma tgħid biss li s-sit fl-Imtarfa ġie kkunsidrat flimkien ma’ siti oħra, li huma wkoll proprjetà tal-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għażla tas-sit tal-Imtarfa saret wara li ttieħdu inkonsiderazzjoni diversi fatturi. Infakkar illi dan huwa sit tal-Gvern u dan iċ-ċentru qed isir għal skop pubbliku.

Ħad-Dingli — Trejqet is-Sagħtar – nuqqas ta' dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli qatt ma ġie installat dawl tat-triq u tara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex din it-triq ikollha d-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta m’għandha ebda applikazzjoni pendenti biex jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti li ġew ippubblikati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qata' barra l-ismijiet minn fuq dawn il-kuntratti pubbliċi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhix redatta tal-kuntratti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hija prassi li meta jiġu ppubblikati dokumenti simili tinqata' minnhom informazzjoni personali ta' terzi, madanakollu l-istess Onor. Interpellanta hija membru fil-Bord tal-Gvernaturi tal-istess Awtorità u qiegħda tingħata ċ-ċans li tara din l-informazzjoni personalment.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti ppubblikati, jista’ l-Ministru jgħid jekk, għal kull konċessjoni, l-Aworità tal-Artijiet tatx il-permess biex il-konċessjoni tiġi trasferita, u jekk iva jagħti d-data ta’ kull permess u jgħid lil min ġiet trasferita?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Selmun Palace – Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6597, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilu, u jippubblika l-kuntratt tas-sussidjarja tal-Air Malta għat-trasferiment tas-Selmun Palace mingħand is-sussidjarja tal-Air Malta għal għand il-Gvern fl-24 ta' Marzu 2016?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Selmun Palace Hotel Co. Ltd. għaddiet għand il-Gvern b’akkwist ta’ ishma li kellha l-Air Malta plc. u KM Holdings Ltd. f’din il-kumpanija. It-Transferiment sar fl-24 ta’ Marzu 2016 u ġie reġistrat fir-Reġistru tal-Kumpaniji kif dovut mil-liġi.

Multi pendenti relatati ma' każ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6662 dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta’ meta bdew jinħarġu l-multi u meta ntlaħaq l-ammont massimu ta’ € 50,000?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Il-multa inkwistjoni bdiet tiddekorri mis-7 ta’ Novembru 2016, filwaqt li l-massimu ta’ €50,000 intlaħaq fid-19 ta’ Frar 2020.

Enemalta — rapporti ta' undervoltage jew overvoltage

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6581 dwar rapporti ta' undervoltage jew overvoltage li rċeviet l-Enemalta, tista’ l-Ministru tagħti lista tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex minn fejn saru dawn ir-rapporti u tgħid kemm-il rapport sar minn kull lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba.

Każ pendenti – verifikazzjoni u reġistrazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5994, peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentrari 5670 u din ma twiġibx il-mistoqsija li saritlu, jista’ l-Ministru jgħid meta beda l-proċess tal-verifikazzjoni u reġistrazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nru 5994 u kif diga spjegat, l-proprjetà inkwistjoni li tirreferi għall-fajl A 104/2005 kienet tinvolvi verifiki estensivi u retti. Il-proċess inbeda f’Ġunju 2021 u kien jinvolvi verifiki interni mill-Uffiċċju Konġunt u skambju ta’ informazzjoni mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi.

Lista ta' stennija għall-operazzjoni tal-katarreti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5912 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ministru jgħid kemm hija l-lista ta’ stennija ta’ persuni li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 312-il persuna li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti bi żmien ta’ stennija aktar miż-żmien stipulat fil-Patient Charter.