Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għad-dewmien fil-proċess biex Il-Batterija tal-Qolla l-Bajda, li bħalissa tinsab fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni, tkun trasferita lill-NGO Din l-Art Ħelwa, u jgħid meta huwa previst li jitlesta l-proċess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fejn jidħlu talbiet għal "Guardianship deeds" hemm proċess li jinvolvi ħidma konġunta bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Artijiet.
Din it-talba qed tiġi proċessata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il encroachment permit ingħata fil-Belt Valletta matul is-sena 2022 u għal liema għan inħareġ kull permess?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7937, ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2022, l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet tmien (8) konċessjonijiet ġodda permezz ta’ encroachment, għall-imwejjed u siġġijiet ġewwa l-Belt Valletta.
Rabat — Triq Bieb ir-Ruwa – testijiet fuq kampjuni ta’ likwidu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet fuq kampjuni tal-likwidu li ilu għal numru ta’ xhur ħiereġ fi Triq ta’ Bieb ir-Ruwa, Limiti tar-Rabat, u jinżel għal Wied il-Qlejgħa, biex ikun stabbilit jekk dan huwiex drenaġġ? Jekk iva, jista’ jippubblika l-istudji li saru u li fihom jinkludu r-riżultati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7938 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-traffic lights li nqalgħu minn Triq Sir Temi Zammit, fl-Imġarr, (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament) qatt ma tranġaw u qatt ma twaħħlu lura f’posthom, minkejja li għad hemm tabella li tindika li hemm traffic lights 100 metru 'il bogħod?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffic lights imsemmija se jkunu qed jiġu installati.
Ħruġ ta’ enforcement notices mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices dwar imwejjed u siġġijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2017 sal-aħħar tal-2022, u jgħid kemm minn dawn il-każi għadhom attivi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar tal-2022, ħarġet disgħa u erbgħin avviż ta’ infurzar dwar imwejjed u siġġijiet. Sal-21 ta’ April 2023, erbgħa u għoxrin każ kienu ingħalqu filwaqt li ħamsa u għoxrin kienu għadhom attivi.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega kif inħarġet sejħa biex ikunu ppreżentati proposti għal numru ta’ siti li jwasslu għall-iffirmar ta’ ftehim dwar konċessjoni qabel ma kien iffinalizzat il-proċess ta' deklassifikazzjoni ta’ dawn l-istess siti fil-Parlament?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema sejħa qed tirreferi.
Sejħiet għal żvilupp fis-siti tax-Chalet, il-Pixkerija l-Qadima u Evans Building
Question
Ladarba l-Gvern jagħżel il-proposti minn dawk sottomessi għas-sejħiet li nħarġu biex isir żvilupp fis-siti tax-Chalet, il-Pixkerija l-qadima u Evans Building, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta dawn se jsiru pubbliċi?
Response (ABELA, ROBERT)
Dawn is-sejħiet qed jgħaddu mill-proċessi meħtieġa ta’ procurement pubbliku. Finalment, kull ftehim jiġi quddiem il-Parlament biex ikun ratifikat.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se tieħu azzjoni l-Enemalta biex jitranġaw il-problemi tad-dawl tat-triq fi Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-arbli tad-dawl fi Vjal il-Ħelsien huma fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Minkejja dan, minħabba problema li hemm u li ġiet infurmata dwarha l-Enemalta mill-Kunsill Lokali, ġew installati numru ta’ floodlights temporanji bl-assistenza tal-Enemalta. Fil-frattemp, il-Kunsill Lokali għamel talba lill-Enemalta biex jinbidlu l-arbli u ssir installazzjoni ġdida. Għaldaqstant, qegħdin isiru tħejjijiet u l-pjani meħtieġa biex dawn ix-xogħlijiet isiru mill-Enemalta.
Xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq – wires tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk wires tad-dawl 'il fuq mil-livell tat-triq humiex qegħdin jitgħaddew minn taħt l-art waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru timxi fuq il-proposti tal-entitajiet ikkonċernati.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-protokoll dwar meta l-ambulanzi għandhom jagħmlu użu mis-sireni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ambulanzi jagħmlu użu mis-sereni skont protokol li huwa indikat ġo Standard Operating Procedure taħt “Use of Emergency Ambulance Warning System: Sirens, Blue Lights and Beacons”.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7250, peress illi din il-kwistjoni ilha pendenti għal numru ta’ snin, u peress li r-residenti dejjem jingħataw l-istess risposta, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun qed issir il-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li fiha se tkun diskussa l-problema ta’ dawl fi Trejqet is-Sagħtar bl-iskop li fl-aħħar tkun indirizzata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli li l-laqgħa li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret fl-14 ta’ April 2023.
Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ impjiegi jew karigi governattivi li bħalissa għandhom l-individwi li qed jidhru jakkumpanjawh f’ritratt, li qed jintbagħat separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx individwi f’dan ir-ritratt li mhumiex impjegati mal-Gvern, imma li qed joħorġu u jagħtu direttivi f'entitajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tal-Ministeru tiegħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Jekk l-Onor. Interpellant għandha domanda x’tagħmel dwar il-ħidma marbuta mal-Ministeru tiegħi jew uffiċjali tiegħu għandha tagħmel tali mistoqsija b’mod dirett u ċar. Dan b’rispett lejn is-serjetà u l-Parlament.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il encroachment permit inħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet kull xahar fl-2022 u jindika għal liema raġuni nħareġ kull permess?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7581, peress illi l-mistoqsija li għamilt lill-Ministru ma kinitx dwar dettalji, bħan-numru ta’ sigħat stipulati fil-kuntratt jew ħinijiet fissi, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li saritlu u jgħid bħala medja kemm-il siegħa xogħol fil-ġimgħa ħadem is-CEO ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) sa mid-data tal-bidu tal-impjieg tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-CEO ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) jaħdem kemm hemm bżonn biex jaqdi d-dmirijiet u l-obbligazzjonijiet tiegħu. Il-ħidma tas-CEO, li hija in line mal-kuntratt tal-impjieg, ma titkejjilx bl-ammont ta’ sigħat li ħadem biss imma bis-suċċessi li kisbet l-MCC taħt it-tmexxija tiegħu f’dan l-aħħar snin.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija tal-pazjenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-istennija medja ta’ pazjent fl-Emerġenza minn meta jirreġistra sal-punt li tittieħed deċiżjoni medika ta’ jekk jingħatax sodda f’ward jew jintbagħatx lura d-dar wara li jingħata kura jew dijanjosi mit-tobba fl-Emerġenza għal kull xahar minn Jannar tal-2022 sad-data ta' meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija u kull sena matul l-aħħar għaxar snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istennija medja ta’ pazjent fl-Emerġenza minn meta jirreġistra sal-punt li tittieħed deċiżjoni medika ta’ jekk jingħatax sodda f’ward jew jintbagħatx lura d-dar wara li jingħata kura jew dijanjosi mit-tobba tvarja skont il-każ. Dan għax f’każijiet komplikati jew li jeħtieġu resuscitation isiru nurmu ta’ interventi - xi wħud li jistgħu jsalvaw ħajjiet il-pazjent - f’emerġenza stess.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni biex il-biċċa art li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità tad-Djar fi Triq G. Carafa, l-Imtarfa (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament), titnaddaf u ma tibqax perikoluża kemm għar-residenti li joqogħdu hemmhekk kif ukoll għal min jidħol f’din l-art?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-art li għaliha qed issir referenza ma hemmx aċċess għaliha. Fil-passat il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa kien installa xatba biex jillimita kull aċċess għal din l-art. Barra minn hekk, hemm ukoll xi oġġetti li huma ta’ valur storiku. L-aċċess għal din l-art huwa limitat kemm għall-pubbliku u kif ukoll għall-ġirien.
Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018, li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmija fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proċess biex jiġu diġitalizzati kompletament il-files kollha fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet? Jista’ jgħid ukoll il-files ta’ liema snin ġew diġitalizzati s'issa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’inqas minn sena minn meta ġie varat il-proċess, l-għan primarju dejjem kien li jiġu msejsa proċessi ġodda ta’ diġitalizzazzjoni sabiex il-maġġor parti tal-files ikunu jistgħu jiġu maqluba għal stat diġitali u b’hekk jiġi eliminat il-moviment uniku u fiżiku ta’ kull file. L-iskop ewlieni huwa li jiġu diġitalizzati l-files kollha li qegħdin ‘in circulation’ u li jagħmlu parti mid-day-today sabiex imbagħad ikun jista' jingħata aktar focus fuq l-arkivju tal-istess Awtorità.