Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jitwaħħlu barriers jew xi forma ta’ protezzjoni oħra biex ikun hemm separazzjoni adegwata bejn il-Bypass tal-Imrieħel u t-triq man-naħa tal-Imrieħel Industrial Estate, Triq l-Intornjatur, li d-dettalji dwar il-post speċifiku li qed nagħmel referenza għalih qegħdin jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’parti mill-post indikat f’din il-Mistoqsija Parlamentari diġà hemm installati barriers bħala mezz ta’ protezzjoni. Madanakollu diġà beda jsir xogħol fuq il-bażi sabiex jitwaħħlu aktar barriers kif jesiġi l-proġett.
Financial Crimes Investigations Department — crypto
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Financial Crimes Investigations Department huwa attrezzat biex jinvestiga u jieħu azzjoni kontra reati relatati ma’ cryptocurrencies?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-Blockchain Analysis Unit fi ħdan l-Financial Crimes Investigations Department tal-Pulizija għandha l-għodda neċessarja u uffiċjali kwalifikati biex jindirizzaw reati relatati ma’ cryptocurrencies li jużaw approċċi multidixxiplinari biex jinvestigaw u jieħdu azzjoni dwar dan. Dawn jinkludu kompetenzi teknoloġiċi u analitiċi, barra minn għarfien legali u regolatorju, li l-uffiċċjali nvestigattivi dejjem jaġġornaw ruħhom magħhom, biex iżommu mal-konfini legali waqt l-investigazzjonijiet. Dan flimkien ma' ħiliet fil-qasam ta’ kontabilità forensika kif ukoll bil-kollaborazzjoni u kuntatti kontinwi ma' servizzi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u dawk internazzjonali skond il-bżonn.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7693, jista’ l-Ministru jagħti rendikont, f’terminu ta’ persentaġġ mill-ammont ta’ files totali jew il-kwantità ta’ files li ġew diġitalizzati sa minn meta ngħata bidu għall-proċess ta’ diġitalizzazzjoni?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar sforz straordinarju sabiex jitnaqqsu l-files li qegħdin ‘in circulation’ u li jagħmlu parti mid-day-today għaliex dawn sal-lum jirrapreżentaw circa 7.0% tal-files kollha li l-Awtorità għandha. Għaldaqstant il-prijorità qiegħda tingħata sabiex fil-futur qarib, dawn il-files li jappartjenu mad-day-to-day jiġu scanned kollha sabiex imbagħad jitkompla l-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-arkivji tal-istess Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tal-Artijiet matul is-snin 2017, 2018 u 2019, maqsumin sena b’sena? Kemm minn dawn għadhom pendenti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonijet kienu jiġu milqugħa manwalment fis-snin msemmija. Għaldaqstant sabiex tiġi kkumpilata d-data mitluba, din tieħu ammont ta’ ħin sostanzjali minħabba l-element manwali involut.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7694, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar it-tifsira tat-terminu ‘Not Yet Validated’ fil-każ ta’ applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità tal-Artijiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminu inkwistjoni jirreferi għall-applikazzjoni mibgħuta li jkunu għadhom ma jistgħux jiġu aċċettati bħala validi għax ikun jonqoshom x'infomazzjoni, jew dawk li għadhom kif daħlu reċentement u jkunu għadhom iridu jgħaddu mill-ewwel stadju ta’ skrutinju qabel jiġu aċċettati bħala applikazzjonijiet validi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7694, jista’ l-Ministru jindika sena b’sena kemm mill-applikazzjonijiet imniżżlin bħala ‘In Process’ jappartjenu għas-snin li saret il-mistoqsija fuqhom, ċjoè mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-ġurnata li fiha ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-data mitluba tinkorpora l-applikazzjonijiet li daħlu fil-perjodu mitlub minn Settembru 2020.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7695, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mis-sejħiet kollha li saru għas-servizz ta’ ambulanza fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija, irrispettivament mill-urġenza tal-każ, kemm hi l-medja ta’ stennija mill-ħin li persuna tagħmel kuntatt mas-servizzi ta’ emerġenza sakemm tasal l-ambulanza, u jgħid ukoll kemm kienet l-itwal stennija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 7695.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7697, jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta’ meta nħarġet is-sejħa biex avukati jipprovdu servizzi legali lill-Awtorità tal-Artijiet (CT 2163/2021), u meta din is-sejħa ġiet ikkanċellata?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dati ta’ meta nħarġet is-sejħa skont il-pubblikazzjoni tat-tender fuq EPPS hija 2 ta’ Frar 2022, filwaqt li l-Awtorita’ ta l-Artijiet kitbet lid-Dipartiment tal-Kuntratti fis-27 ta’ Marzu 2023 fejn infurmathom li m’għandhiex aktar bżonn it-Tender peress li kienet ser tħaddem metodi differenti ta' ipprokrar tas-servizzi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, għadux jokkupa l-pożizzjoni ta’ Junior Lawyer fi ħdan is-Social Care Standards Authority?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament m’għadux jokkupa l-pożizzjoni ta’ Junior Lawyer fi ħdan l-Awtorità.
Kuntratti ta’ konċessjonijiet mogħtija għal Triq ix-Xatt u Qui-Si-Sana f’Tas-Sliema
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti ta’ konċessjonijiet li ngħataw mill-Awtorità tal-Artijiet fi Triq ix-Xatt u Qui Si Sana, Tas-Sliema, u li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq ta’ Bieb ir-Ruwa, limiti tar-Rabat (Malta), li d-dettalji dwar il-post eżatt qegħdin jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8211 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru dwar pjanijiet relatati ma’ land reclamation, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern dwar il-land reclamation u jagħti iżjed informazzjoni dwar xi pjanijiet hemm maħsuba għas-siti ġaladarba ssir land reclamation?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-ħsieb tal-Gvern jirrifletti dak miktub fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Iktar pjanijiet dettaljati jitħabbru fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, fir-Rabat Malta, u jagħti rendikont tax-xogħlijiet kollha li saru u dawk li hemm ippjanati li jsiru u li s’issa għadhom ma twettqux?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, Rabat mistenni li jkunu lesti f’Awwissu ta’ din is-sena. Ix-xogħlijiet f’din it-triq inqasmu fi tliet fażijiet biex b’hekk dejjem ħallejna aċċess għall-ħwienet u restaurants. F’kull fażi, ix-xogħol jikkonsisti f’tibdil fis-sistema eżistenti tad-drenaġġ u tal-ilma tul it-triq kollha, ġiet mibdula l-infrastruttura eżistenti tat-telekomunikazzjoni u saru sleeves taħt l-art biex jitneħħew il-wires li jaqsmu t-triq, saru bankini ġodda bil-pavimentar bħala tkomplija mal-pavimentar li kien sar fi Triq Cosmana Navarra filwaqt li ngħata bażi ta’ asfalt ġdid. Fl-aħħar tal-proġett jingħata l-wiċċ ġdid tal-asfalt lit-triq kollha. Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi huwa lest filwaqt li x-xogħol fuq it-tieni fażi miexi ġmielu u x-xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ, ilma u dawk fuq l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni waslu fl-aħħar fażi tagħhom. Ta’ min jinnota li ħafna mix-xogħol sar bl-idejn minħabba s-sensittività tas-sit filwaqt li parti mix-xogħol ġie mressaq għax-xhur tas-sajf minħabba numru ta’ kantini antiki li jinsabu f’din it-triq biex jiġi evitat ir-riskju li jidħol ilma tax-xita u ssir ħsara fi proprjetajiet ta’ terzi. Ix-xogħol kellu jieqaf ħmistax għall-festa ta’ San Gużepp u se jkun hemm waqfa ta’ tliet ġimgħat għall-festi ta’ Corpus u San Pawl.
Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7692 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018 li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmijin fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qatt ma reġa’ ġie installat id-dawl tat-triq fi Triq taż-Żwejt, f’San Ġwann, wara li dan tneħħa mill-kuntrattur waqt li kienet qiegħda ssir it-triq? Peress li sal-lum din it-triq għadha mingħajr dawl, jista’ jieħu passi biex jerġa’ jkun installat id-dawl f’din it-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Peress illi nħarġu numru ta’ sejħiet għal proposti, fosthom dawk għax-Chalet u l-Pixkerija, fejn hemm indikat li se jintgħażlu proposti minn dawk sottomessi, jista’ allura l-Prim Ministru jgħid jekk ifissirx li s-sejħiet huma għall-proġetti nfushom u mhux biss għall-proposti, u li essenzjalment għal kull sejħa se tkun qiegħda tintgħażel l-orħos proposta konformi mar-rekwiżiti?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-proġetti magħżula għandhom ikunu dawk li skont il-kriterji tas-sejħiet għall-proposti li ħarġu, minnhom igawdi l-iktar il-pajjiż.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni li ħarġet meta tħabbru s-sejħiet ta’ espressjoni ta’ interess għaż-żewġ siti li tagħmel referenza għalihom l-Onor. Interpellant.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7580, jista’ l-Ministru jgħid b’liema metodu ġew outsourced il-periti ingaġġati mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex jivverifikaw il-method statements sottomessi lill-Awtorità? Jekk ġew ingaġġati permezz ta’ tender, jista’ jipprovdi n-numru ta’ dan it-tender?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7585, anke jekk il-problema ilha minn qabel l-2019 xorta waħda wara l-2019 is-sitwazzjoni baqgħet dik li hi, u sal-ġurnata tal-lum għadu jidħol ħafna ilma fil-garaxxijiet, għaldaqstant jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jiġu solvuti l-problemi ta’ ħafna residenti li qed jilmentaw li qed isofru ħsarat kbar fil-garaxxijiet tagħhom kaġun tal-ilma tax-xita, billi jara li jitranġa l-livell tat-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 7585 fejn ġie spjegat ċar li peress li waqt ix-xogħlijiet li saru f’din it-triq nżammew l-istess livelli oriġinali, il-ħsara li qed tiġi riferuta għaliha f’din il-Mistoqsija ma jistax jiġi attribwit ma’ xogħlijiet li saru min Infrastructure Malta erba’ snin ilu.